6.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 154/8


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Ġunju 2013

li tiddetermina d-data minn meta s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għandha tibda topera fis-sitt u s-seba’ reġjun

(2013/266/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 48(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/274/UE tal-24 ta’ April 2012 li tiddetermina t-tieni sett ta’ reġjuni għall-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (2), is-sitt reġjun fejn il-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta lill-VIS għall-applikazzjonijiet kollha għandhom jibdew jinkludi l-Komoros, il-Ġibuti, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Kenja, il-Madagaskar, il-Mawrizju, is-Seychelles, is-Somalja, is-Sudan t’Isfel, is-Sudan, it-Tanżanija u l-Uganda; u s-seba’ reġjun jinkludi l-Angola, il-Botswana, il-Lesoto, il-Malawi, il-Możambik, in-Namibja, l-Afrika t’Isfel, is-Sważiland, iż-Żambja u ż-Żimbabwe.

(2)

L-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni li huma għamlu l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa biex jiġbru u jitrażmettu d-dejta li għaliha qed issir referenza fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament VIS lill-VIS għall-applikazzjonijiet kollha f’dawk iż-żewġ reġjuni, inklużi arranġamenti għall-ġbir u/jew it-trażmissjoni tad-dejta f’isem Stat Membru ieħor.

(3)

Billi l-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 48(3) tar-Regolament VIS hija għalhekk sodisfatta, huwa għalhekk meħtieġ li tkun iddeterminata d-data meta l-VIS għanda tibda topera fis-sitt u s-seba’ reġjuni.

(4)

Quddiem il-ħtieġa sabiex tiġi stipulata data għall-bidu tal-VIS fil-futur qrib, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar stess li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Minħabba li r-Regolament VIS jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolament VIS fil-liġi nazzjonali tagħha skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Id-Danimarka, hija għaldaqstant marbuta bil-liġi internazzjonali biex timplimenta din id-Deċiżjoni.

(6)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit mhuwiex jieħu sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (3). Għaldaqstant ir-Renju Unit mhux marbut biha u lanqas ma huwa soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex tieħu sehem skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (4). Għaldaqstant l-Irlanda mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(8)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim milħuq bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implementazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(9)

Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(10)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(11)

Fir-rigward ta’ Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat ma’, l-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

(12)

Fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat ma’, l-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża għandha tibda topera fis-sitt u s-seba’ reġjuni skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/274/UE fis-6 ta’ Ġunju 2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika b’mod konformi mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.

(2)  ĠU L 134, 24.5.2012, p. 20.

(3)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(4)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.