6.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 154/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Mejju 2013

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar prekursuri tad-droga

(2013/263/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom biex jevitaw l-iżvijar tal-prekursuri tad-droga mill-kummerċ legali, sabiex jiġġieldu kontra l-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

(2)

Fit-23 ta’ Marzu 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Federazzjoni Russa għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar prekursuri tad-droga, (il-“Ftehim”). In-negozjati tmexxew mill-Kummissjoni fil-qafas tad-direttivi ta’ negozjar adottati mill-Kunsill u ġew konklużi b’suċċess.

(3)

Il-Ftehim għandu jiżgura rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari livell ogħli ta’ protezzjoni għall-ipproċessar u t-trasferiment tad-data personali bejn il-Partijiet tiegħu.

(4)

Il-Ftehim għandu jkun iffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea, suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar prekursuri tad-droga (il-“Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi (1).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar lill-persuna(i) bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni, assistita minn rappreżentanti tal-Istati Membri, għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Grupp ta’ Esperti Konġunt ta’ Segwitu stabbilit skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim.

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

S. COVENEY


(1)  It-test tal-Ftehim se jkun ippubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.