4.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 150/28 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-31 ta’ Mejju 2013
li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE fir-rigward tal-entrati għall-Baħrejn u għaċ-Ċina fil-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom huma awtorizzati l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ equidae ħajjin kif ukoll ta’ semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina
(notifikata bid-dokument C(2013) 2927)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2013/259/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3)(a) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ ekwidi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) u (4), u l-frażi introduttorja tal-Artikolu 19 u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19 tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 92/65/KEE tistabbilixxi kundizzjonijiet applikabbli għall-importazzjonijiet fl-Unjoni, fost l-oħrajn, ta’ semen, ova u embrijuni tal-ispeċi ekwina. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom ikunu mill-inqas ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
(2) |
Id-Direttiva 2009/156/KE tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni fl-Unjoni ta’ equidae ħajjin. Din tipprevedi li l-importazzjonijiet ta’ equidae fl-Unjoni jkunu awtorizzati biss minn dawk il-pajjiżi terzi li jissodisfaw ċerti rekwiżiti dwar saħħet l-annimali. |
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/211/KE tas-6 ta’ Jannar 2004 li tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi u ta’ partijiet mit-territorju tagħhom li minnhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ equidae ħajjin u ta’ semen, ova u embrijoni tal-ispeċi ekwina, u li temenda d-Deċiżjonijiet Nru 93/195/KEE u 94/63/KE (3), tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, jew partijiet minnhom fejn tapplika r-reġjonalizzazzjoni, li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ equidae u semen, ova u embrijuni tagħhom, u tindika l-kundizzjonijiet l-oħra li japplikaw għal tali importazzjonijiet. Din il-lista hija stipulata fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE. |
(4) |
Wara l-eradikazzjoni tal-glanders, il-Baħrejn issokta bit-tisħiħ tas-sorveljanza u r-restrizzjonijiet tal-moviment fuq l-equidae miżmuma fil-parti tat-Tramuntana tal-pajjiż. Għaldaqstant, l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE jindika l-kundizzjonijiet differenti għall-introduzzjoni fl-Istati Membri ta’ żwiemel irreġistrati mill-partijiet tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar ta’ dak il-pajjiż. Billi minn Settembru 2011 ma kien hemm l-ebda każ ta’ glanders fil-Baħrejn, huwa possibbli li tiġi awtorizzata l-importazzjoni ta’ żwiemel irreġistrati taħt l-istess kundizzjonijiet mit-territorju kollu tal-Baħrejn. |
(5) |
Sabiex jospitaw avveniment ekwestri tal-Global Champions Tour f’Ottubru 2013, organizzat taħt l-awspiċi tal-World Equestrian Federation (FEI), l-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi talbu r-rikonoxximent ta’ żona ħielsa mill-mard tal-ekwini fiż-żona metropolitana ta’ Shanghai, direttament aċċessibbli mill-ajruport internazzjonali fil-qrib. Fid-dawl tan-natura temporanja tal-faċilitajiet mibnija apposta fil-parkeġġ tal-EXPO 2010, huwa xieraq li tkun prevista biss aprovazzjoni temporanja ta’ dik iż-żona. |
(6) |
L-awtoritajiet Ċiniżi pprovdew garanziji b’mod partikolari fir-rigward tan-notifikabbiltà f’pajjiżhom tal-mard elenkat fl-Anness I tad-Direttiva 2009/156/KE u impenjaw ruħhom li jikkonformaw bis-sħiħ mal-Artikolu 12(2)(f) ta’ dik id-Direttiva f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ċiniżi informaw lill-Kummissjoni li l-grupp kollu ta’ żwiemel li se jikkompetu f’dan l-avveniment se jiġu minn Stati Membri u jirritornaw fihom u se jinżammu kompletament separati minn kull equidae li ma kellhomx l-istess oriġini u stat tas-saħħa. |
(7) |
Fid-dawl ta’ dawk il-garanziji u l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ċiniżi, huwa possibbli li għal perjodu ta’ żmien limitat jiġi permess, minn parti tat-territorju taċ-Ċina, id-dħul mill-ġdid ta’ żwiemel irreġistrati wara esportazzjoni temporanja skont ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/195/KEE tat-2 ta’ Frar 1993 dwar is-saħħa tal-annimali u l-kundizzjonijiet tagħhom u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja tagħhom għad-dħul mill-ġdid ta’ żwiemel reġistrati għat-tiġrija, kompetizzjoni u okkażjonijiet kulturali wara esportazzjoni temporanja (4). |
(8) |
L-entrati għall-Baħrejn u għaċ-Ċina fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE għandhom għalhekk jiġu emendati. |
(9) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni 2004/211/KE għandha tiġi emendata skont dan. |
(10) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2013.
Għall-Kummissjoni
Tonio BORG
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.
(2) ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1.
ANNESS
L-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE huwa emendat kif ġej:
(1) |
L-entrata għall-Baħrejn hija sostitwita b’dan li ġej:
|
(2) |
L-entrata għaċ-Ċina hija sostitwita b’dan li ġej:
|
(3) |
Il-Kaxxa 4 hija mħassra. |
(4) |
Qed tiżdied il-Kaxxa 5 li ġejja:
|