22.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/6


DEĊIŻJONI Nru 259/2013/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Marzu 2013

li temenda d-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE bil-ħsieb li tiżdied ir-rata ta’ kofinanzjament tal-Fond għall-Fruntieri Esterni għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li tistabbilixxi l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perijodu mill-2007 sal-2013 bħala parti mill-programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni” u tipprovdi għal rati ta’ kofinanzjament differenti tal-Unjoni għal azzjonijiet appoġġati minn dak il-Fond.

(2)

Il-kriżi globali finanzjarja u r-reċessjoni ekonomika mingħajr preċedent għamlu ħsara serja lit-tkabbir ekonomiku u lill-istabbiltà finanzjarja, u ħolqu deterjorament qawwi fil-kundizzjonijiet finanzjarji, ekonomiċi u soċjali ta’ diversi Stati Membri. Xi Stati Membri qed jesperjenzaw diffikultajiet serji jew huma mhedda b’diffikultajiet bħal dawn, partikolarment fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja u ekonomika tagħhom, li wasslu jew li jistgħu jwasslu għal deterjorament fil-pożizzjonijiet tad-defiċit u d-dejn tagħhom u qed jheddu t-tkabbir ekonomiku u huma aggravati mill-ambjent internazzjonali finanzjarju u ekonomiku.

(3)

Filwaqt li diġà ttieħdu azzjonijiet importanti biex jagħmlu tajjeb għall-effetti negattivi tal-kriżi, l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali, fuq is-suq tax-xogħol u s-soċjetà b’mod ġenerali qiegħed jinħass ma’ kullimkien. Il-pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji nazzjonali qed tiżdied u għandhom jittieħdu aktar miżuri biex tittaffa din il-pressjoni permezz tal-aqwa u l-aktar użu tal-fondi tal-Unjoni.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (3) jistipula li l-Kunsill għandu jagħti għajnuna finanzjarja fit-terminu medju meta Stat Membru li ma jħaddanx l-euro jinsab f’diffikultajiet jew huwa serjament mhedded b’diffikultajiet fejn jidħol il-bilanċ tal-pagamenti tiegħu.

(5)

Ir-Rumanija ngħatat din l-għajnuna finanzjarja bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/459/KE tas-6 ta’ Mejju 2009 li tagħti għajnuna finanzjarja tal-Komunità lir-Rumanija fuq medda medja ta’ żmien (4).

(6)

F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin tad-9-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill adotta pakkett komprensiv ta’ miżuri, inkluż ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (5), u, fis-7 ta’ Ġunju 2010 ġiet stabbilita mill-Istati Membri taż-żona tal-euro l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja, sabiex tipprovdi appoġġ finanzjarju għal Stati Membri taż-żona tal-euro li jinsabu f’diffikultajiet ikkawżati minn ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tagħhom, biex b’hekk titħares l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha kif ukoll l-Istati Membri tagħha.

(7)

L-Irlanda u l-Portugall ingħataw għajnuna finanzjarja skont il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja skont id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE (6) u 2011/344/UE (7) rispettivament. Dawn irċevew ukoll fondi mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja.

(8)

Fit-8 ta’ Mejju 2010, ġew konklużi Ftehim bejn il-Kredituri u Ftehim għal Faċilità ta’ Self għall-Greċja u daħlu fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2010 bħala l-ewwel programm ta’ assistenza finanzjarja għall-Greċja. Fit-12 ta’ Marzu 2012, il-ministri tal-finanzi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro interrompew dak l-ewwel programm u approvaw it-tieni programm ta’ għajnuna finanzjarja għall-Greċja. Ġie deċiż li l-mezz finanzjarju għal dak it-tieni programm ikun il-Faċilità Ewropea għall-Istabbiltà Finanzjarja, li għandha wkoll toħroġ l-ammont li jifdal li għandu jiġi kkontribwit miż-żona tal-euro skont l-ewwel programm.

(9)

Fit-2 ta’ Frar 2012, il-ministri tal-finanzi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro ffirmaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Dak it-Trattat isegwi mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199/UE tal-25 ta’ Marzu 2011 li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (8). Taħt dak it-Trattat, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà huwa l-fornitur ewlieni ta’ għajnuna finanzjarja għal Stati Membri taż-żona tal-euro mid-dħul fis-seħħ fit-8 ta’ Ottubru 2012. Għalhekk, din id-Deċiżjoni għandha tieħu kont tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

(10)

Fil-konklużjonijiet tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex isseddaq is-sinerġiji bejn il-programmi ta’ self għall-Greċja u l-Fondi tal-Unjoni u tappoġġa sforzi ħalli tiżdied il-ħila tal-Greċja li tassorbi l-fondi mill-Unjoni biex b’hekk tkun tista’ tixpruna t-tkabbir u l-impjiegi billi terġa’ tiffoka fuq kif ittejjeb il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. Barra minn hekk, huwa laqa’ u appoġġa l-preparazzjoni mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, ta’ programm komprensiv ta’ għajnuna teknika lill-Greċja. L-emendi tad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE previsti f’din id-Deċiżjoni jikkontribwixxu għal dawn l-isforzi biex jittejbu s-sinerġiji.

(11)

Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (9) ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 1311/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) biex jippermetti żieda fir-rata ta’ kofinanzjament applikata taħt il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-Istati Membri li qed jiffaċċjaw diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabbiltà finanzjarja tagħhom. Approċċ simili kien adottat lejn dawk l-istess Stati Membri fil-qafas tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali taħt ir-Regolament (UE) Nru 1312/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew jinsabu mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (11) u fil-qafas tal-Fond Ewropew għas-Sajd taħt ir-Regolament (UE) Nru 387/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet marbutin mal-amministrazzjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li għandhom jew li jinsabu mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (12). Dawkl-Istati Membri għandhom jiġu appoġġati fil-qafas tal-erba’ Fondi stabbiliti bħala parti mill-Programm Ġenerali fuq “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”, l-aktar il-Fond għall-Fruntieri Esterni, il-Fond Ewropew għar-Ritorn, il-Fond Ewropew għar-Rifuġjati u l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi (“il-Fondi”) stabbilit għall-perijodu 2007–2013.

(12)

Il-Fondi huma l-għodod ewlenin biex jgħinu lill-Istati Membri jindirizzaw sfidi importanti fil-qasam tal-migrazzjoni, l-asil u l-fruntieri esterni bħal l-iżvilupp ta’ politika dwar l-immigrazzjoni komprensiva tal-Unjoni li ttejjeb il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali tal-Unjoni u l-ħolqien ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Asil.

(13)

Biex il-finanzjament tal-Unjoni Ewropea jkun jista’ jiġi ġestit b’mod aktar faċli fil-qasam tal-migrazzjoni, l-asil u l-fruntieri esterni u għat-titjib tad-disponibbiltà ta’ tali finanzjament għall-Istati Membri biex jimplimentaw il-programmi annwali tagħhom skont il-Fondi, huwa meħtieġ, fuq bażi temporanja u bla ħsara għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2014–2020, li jkun hemm arranġament għal żieda fir-rata ta’ kofinanzjament tal-Unjoni skont il-Fondi b’ammont li jikkorrispondi għal 20 punt perċentwali fuq ir-rati ta’ kofinanzjament applikabbli bħalissa, għall-Istati Membri li qed jesperjenzaw diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabbiltà finanzjarja tagħhom. Dan ifisser li l-Fondi nazzjonali annwali tal-allokazzjoni f’konformità mal-atti bażiċi se jibqgħu l-istess filwaqt li l-kofinanzjament nazzjonali se jkun imnaqqas kif meħtieġ. Programmi annwali li għadhom għaddejjin se jkollhom bżonn li jiġu riveduti biex jirriflettu l-bidliet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-rata ta’ kofinanzjament miżjuda tal-Unjoni.

(14)

Kwalunkwe Stat Membru li qed ifittex li jibbenifika miż-żieda fir-rata tal-kofinanzjament għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’dikjarazzjoni bil-miktub flimkien mal-abbozz tal-programm annwali jew l-abbozz tal-programm annwali rivedut. Fl-istqarrija tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi referenza għad-Deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill jew għal kwalunkwe deċiżjoni rilevanti oħra li tagħmlu eliġibbli biex jibbenefika mir-rata ta’ kofinanzjament miżjuda tal-Unjoni.

(15)

Il-kriżi bla preċedent li qed taffettwa s-swieq finanzjarji internazzjonali u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kkawżaw ħsara serja għall-istabbiltà finanzjarja ta’ bosta Stati Membri. Minħabba li hi meħtieġa reazzjoni rapida biex tilqa’ kontra l-effetti fuq l-ekonomija b’mod ġenerali, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.

(16)

Id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif adatt.

(17)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (13) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti A u B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (14) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(18)

Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (15) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti A u B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (16).

(19)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipalità ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta’ Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (17) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti A u B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (18).

(20)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill jkun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni, jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(21)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, li fihom ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (19); għaldaqstant, ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhux marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(22)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tieħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (20); l-Irlanda għalhekk mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE

Fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 574/2007/KE, il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-proġetti appoġġati, fejn għandhom x’jaqsmu l-azzjonijiet implimentati fl-Istati Membri skont l-Artikolu 4, ma għandhiex tkun aktar minn 50 % tan-nefqa totali ta’ azzjoni speċifika.

Dan jista’ jiżdied sa 75 % għall-proġetti li jindirizzaw prijoritajiet speċifiċi li jkunu ġew identifikati fil-linji gwida strateġiċi kif imsemmi fl-Artikolu 20.

Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għandha tiżdied għal 75 % fl-Istati Membri koperti mill-Fond ta’ Koeżjoni.

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tista’ tiżdied b’20 punt perċentwali fi Stat Membru dment li huwa jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin fiż-żmien tal-preżentazzjoni tal-abbozz tagħha tal-programm annwali skont l-Artikolu 23(3) ta’ din id-Deċiżjoni jew tal-abbozz rivedut tal-programm annwali skont l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/456/KE (*):

(a)

għajnuna finanzjarja tkun disponibbli għalih għal perijodu medju skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (**);

(b)

l-għajnuna finanzjarja titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (***) jew l-għajnuna finanzjarja titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu minn Stati Membri oħrajn taż-żona tal-euro qabel it-13 ta' Mejju 2010; jew

(c)

l-għajnuna finanzjarja tkun disponibbli għalih skont il-ftehim intergovernattiv li ntlaħaq li jistabbilixxi l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jressaq stqarrija bil-miktub lill-Kummissjoni flimkien mal-abbozz tal-programm multiannwali tiegħu jew l-abbozz tal-programm annwali rivedut li jikkonferma li jissodisfa wieħed mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tar-raba’ subparagrafu.

Proġett kofinanzjat fuq ir-rata miżjuda jista’ jibqa’ hekk kemm jekk waħda mill-kundizzjonijiet msemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tar-raba’ subparagrafu tiġi sodisfatta waqt l-implimentazzjoni tal-programm annwali relatat u kemm jekk le.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Marzu 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 2013.

(2)  ĠU L 144, 6.6.2007, p. 22.

(3)  ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Volum 3, p. 81.

(4)  ĠU L 150, 13.6.2009, p. 8.

(5)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

(6)  ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34.

(7)  ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88.

(8)  ĠU L 91, 6.4.2011, p. 1.

(9)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(10)  ĠU L 337, 20.12.2011, p. 5.

(11)  ĠU L 339, 21.12.2011, p. 1.

(12)  ĠU L 129, 16.5.2012, p. 7.

(13)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(14)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(15)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(16)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(17)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(18)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.

(19)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 1, p. 178.

(20)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 4, p. 211.