22.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/1


DEĊIŻJONI Nru 258/2013/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Marzu 2013

li temenda d-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE bil-ħsieb li tiżdied ir-rata ta’ kofinanzjament għall-Fond Ewropew għar-Refuġjati, il-Fond Ewropew għar-Ritorn u l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet marbutin mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 78(2), u 79(2) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati, id-Deċiżjoni Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxiet il-Fond Ewropew għar-Ritorn u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (4) stabbilixxiet il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħala parti mill-Programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi Migratorji”. Dawk id-Deċiżjonijiet jipprovdu għal rati differenti ta’ kofinanzjament tal-Unjoni għal azzjonijiet appoġġati mill-Fondi.

(2)

Il-kriżi finanzjarja globali mingħajr preċedent u r-reċessjoni ekonomika għamlu ħsara serja lit-tkabbir ekonomiku u lill-istabbiltà finanzjarja, u ħolqu deterjorament qawwi fil-kundizzjonijiet finanzjarji, ekonomiċi u soċjali ta’ diversi Stati Membri. Xi Stati Membri qed jesperjenzaw diffikultajiet serji jew huma mhedda b’diffikultajiet bħal dawn, partikolarment fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja u ekonomika tagħhom, li wasslu jew li jistgħu jwasslu għal deterjorament fil-pożizzjonijiet tad-defiċit u d-dejn tagħhom u qed jheddu t-tkabbir ekonomiku u huma aggravati mill-ambjent internazzjonali finanzjarju u ekonomiku.

(3)

Filwaqt li diġà ttieħdu azzjonijiet importanti biex jibbilanċjaw l-effetti negattivi tal-kriżi, l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali, is-suq tax-xogħol u s-soċjetà inġenerali qiegħed jinħass ma’ kullimkien. Il-pressjoni fuq ir-riżorsi finanzjarji nazzjonali qed tiżdied u għandhom jittieħdu aktar miżuri biex tittaffa dik il-pressjoni permezz tal-aqwa użu tal-fondi tal-Unjoni.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (5) jistipula li l-Kunsill jista’ jagħti għajnuna finanzjarja fit-terminu medju meta Stat Membru li ma jħaddanx il-euro jinsab f’diffikultajiet jew huwa serjament mhedded b’diffikultajiet fejn jidħol il-bilanċ tal-pagamenti tiegħu.

(5)

Ir-Rumanija ngħatat din l-għajnuna finanzjarja bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/459/KE tas-6 ta’ Mejju 2009 li tagħti għajnuna finanzjarja tal-Komunità lir-Rumanija fuq medda medja ta’ żmien (6).

(6)

F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin tad-9-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill adotta pakkett komprensiv ta’ miżuri, inkluż ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (7), u, fis-7 ta’ Ġunju 2010 ġiet stabbilita mill-Istati Membri taż-żona tal-euro l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja, sabiex tipprovdi appoġġ finanzjarju għal Stati Membri taż-żona tal-euro li jinsabu f’diffikultajiet ikkawżati minn ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tagħhom, biex b’hekk titħares l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha kif ukoll tal-Istati Membri tagħha.

(7)

L-Irlanda u l-Portugall ingħataw assistenza finanzjarja skont il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja taħt id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/77/UE (8) u 2011/344/UE (9) rispettivament. Dawn irċevew ukoll fondi mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja.

(8)

Fit-8 ta’ Mejju 2010, ġew konklużi Ftehim bejn il-Kredituri u Ftehim għal Faċilità ta’ Self għall-Greċja u daħlu fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2010 bħala l-ewwel programm ta’ assistenza finanzjarja għall-Greċja. Fit-12 ta’ Marzu 2012, il-ministri tal-finanzi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro interrompew dak l-ewwel programm u approvaw it-tieni programm ta’ assistenza finanzjarja għall-Greċja. Ġie deċiż li l-vettura finanzjarja għal dak it-tieni programm se tkun il-Faċilità Ewropea għall-Istabbiltà Finanzjarja, li għandha wkoll tiżborża l-ammont li jifdal li għandu jiġi kontribwit miż-żona tal-euro skont l-ewwel programm.

(9)

Fit-2 ta’ Frar 2012, il-ministri tal-finanzi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro ffirmaw it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Dak it-Trattat isegwi id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199/UE tal-25 ta’ Marzu 2011 li temenda l-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’mekkaniżmu ta’ stabbiltà għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (10). Taħt dak it-Trattat, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà huwa l-fornitur primarju tal-assistenza finanzjarja għall-Istati Membri taż-żona tal-euro mad-dħul fis-seħħ tiegħu fit-8 ta’ Ottubru 2012. Għalhekk, din id-Deċiżjoni għandha tieħu kont tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

(10)

Fil-konklużjonijiet tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex isseddaq is-sinerġiji bejn il-programm ta’ self għall-Greċja u l-Fondi tal-Unjoni u tappoġġa sforzi ħalli tiżdied ħilet il-Greċja li tassorbi l-fondi mill-Unjoni biex b’hekk tkun tista’ tixpruna t-tkabbir u l-impjiegi billi terġa’ tiffoka fuq kif ittejjeb il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. Barra minn hekk huwa laqa’ u appoġġa l-preparazzjoni mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, ta’ programm komprensiv ta’ assistenza teknika lill-Greċja. L-emendi għad-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE, Nru 575/2007/KE u 2007/435/KE previsti f’din id-Deċiżjoni jikkontribwixxu għal dawn l-isforzi biex itejbu s-sinerġiji.

(11)

Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (11) ġie emendat bir-Regolament (UE) 1311/2011 tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill (12) biex jippermetti żieda fir-rata ta’ kofinanzjament applikata taħt il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-Istati Membri li qed jiffaċċjaw diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabbiltà finanzjarja tagħhom. Approċċ simili ġie adottat għal dawk l-istess Stati Membri fil-qafas tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali taħt ir-Regolament (UE) Nru 1312/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew li jinsabu mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (13) u fil-qafas tal-Fond Ewropew għas-Sajd taħt ir-Regolament (UE) Nru 387/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet marbutin mal-amministrazzjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri li għandhom jew li jinsabu mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (14). Dawk l-Istati Membri għandhom ukoll ikunu appoġġati fil-qafas tal-erba’ Fondi stabbiliti bħala parti mill-Programm Ġenerali dwar “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi Migratorji”, jiġifieri l-Fond għall-Fruntieri Esterni, il-Fond Ewropew għar-Ritorn, il-Fond Ewropew għar-Refuġjati u l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ pajjiż terz (“il-Fondi”) stabbiliti għall-perijodu 2007–2013.

(12)

Il-Fondi huma l-għodod ewlenin biex jgħinu lill-Istati Membri jindirizzaw sfidi importanti fil-qasam tal-immigrazzjoni, l-ażil u l-fruntieri esterni bħall-iżvilupp ta’ politika dwar l-immigrazzjoni komprensiva tal-Unjoni li ttejjeb il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali tal-Unjoni u l-ħolqien ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil.

(13)

Biex il-finanzjament tal-Unjoni Ewropea jiġi ġestit b’mod eħfef fil-qasam tal-migrazzjoni, l-ażil u l-fruntieri esterni u biex tittejjeb id-disponibbiltà ta’ tali finanzjament għall-Istati Membri biex jimplimentaw il-programmi annwali tagħhom taħt il-Fondi, huwa meħtieġ, fuq bażi temporanja u mingħajr preġudizzju għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2014–2020, li tiġi rranġata żieda fir-rata ta’ kofinanzjament tal-Unjoni taħt il-Fondi, b’ammont li jikkorrispondi għal 20 punt perċentwali fuq ir-rati ta’ kofinanzjament applikabbli bħalissa, għall-Istati Membri li qed jesperjenzaw diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabbiltà finanzjarja tagħhom. Dan ifisser li l-allokazzjoni nazzjonali annwali tal-Fondi f’konformità mal-atti bażiċi se tibqa’ l-istess filwaqt li l-kofinanzjament nazzjonali se jkun imnaqqas kif meħtieġ. Programmi annwali kurrenti se jkollhom bżonn jiġu riveduti biex jirriflettu l-bidliet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-rata ta’ kofinanzjament miżjuda tal-Unjoni.

(14)

Kwalunkwe Stat Membru li qed ifittex li jibbenifika miż-żieda fir-rata tal-kofinanzjament għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’dikjarazzjoni bil-miktub flimkien mal-abbozz tal-programm annwali tiegħu jew l-abbozz rivedut tal-programm annwali. Fir-rapport tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi referenza għad-Deċiżjoni tal-Kunsill rilevanti jew għal kwalunkwe deċiżjoni rilevanti oħra li tagħmlu eliġibbli biex jibbenefika mir-rata ta’ kofinanzjament miżjuda tal-Unjoni.

(15)

Il-kriżi bla preċedent li qed taffettwa s-swieq finanzjarji internazzjonali u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kkawżaw ħsara serja fl-istabbiltà finanzjarja ta’ diversi Stati Membri. Bħala reazzjoni rapida huwa meħtieġ li wieħed jilqa’ kontra l-effetti fuq l-ekonomija inġenerali, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.

(16)

Id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE, Nru 575/2007/KE u 2007/435/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(17)

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(18)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE

Id-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Il-kontribut tal-Unjoni għall-proġetti appoġġati, fir-rigward ta’ azzjonijiet implimentati fl-Istati Membri taħt l-Artikolu 3 m’għandux jeċċedi 50 % tal-ispiża totali ta’ azzjoni speċifika.

Din tista’ tiżdied għal 75 % għall-proġetti li jindirizzaw prijoritajiet speċifiċi li jkunu ġew identifikati fil-linji gwida strateġiċi msemmija fl-Artikolu 17.

Il-kontribut tal-Unjoni għandu jiżdied għal 75 % fl-Istati Membri koperti bil-Fond tal-Koeżjoni.

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tista’ tiżdied b’20 punt perċentwali fi Stat Membru dment li huwa jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-abbozz tiegħu tal-programm annwali skont l-Artikolu 20(3) ta’ din id-Deċiżjoni jew tal-abbozz tal-programm annwali rivedut tagħha skont l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/22/KE (*):

(a)

għajnuna finanzjarja fuq terminu medju ta’ żmien issir disponibbli skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (**);

(b)

l-għajnuna finanzjarja tkun disponibbli għalih skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (***) jew għajnuna finanzjarja ssir disponibbli lilu minn Stati Membri oħra taż-żona tal-euro qabel it-13 ta’ Mejju 2010; jew

(c)

l-għajnuna finanzjarja tkun disponibbli għalih skont il-ftehim intergovernattiv li jistabbilixxi l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jressaq dikjarazzjoni bil-miktub lill-Kummissjoni flimkien mal-abbozz tal-programm annwali tiegħu jew l-abbozz tal-programm annwali rivedut li jikkonferma li jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tar-raba’ subparagrafu.

Proġett kofinanzjat bir-rata miżjuda jista’ jibqa’ hekk kemm jekk waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tar-raba’ subparagrafu tkun għadha qed tiġi sodisfatta waqt l-implimentazzjoni tal-programm annwali relatat u kemm jekk le.

(*)  ĠU L 7, 10.1.2008, p. 1."

(**)  ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1."

(***)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.”"

(2)

Fl-Artikolu 21, il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.   L-assistenza finanzjarja mill-Fond għall-miżuri ta’ emerġenza previsti fl-Artikolu 5 għandha tkun limitata għal perijodu ta’ sitt xhur u m’għandhiex teċċedi 80 % tal-ispiża ta’ kull miżura.

L-għajnuna finanzjarja tista’ tiġi miżjuda b’20 punt perċentwali fi Stat Membru dment li huwa jissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 14(4) ta’ din id-Deċiżjoni meta tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal miżuri ta’ emerġenza msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew fil-ħin tas-sottomissjoni tal-abbozz tal-programm annwali rivedut tiegħu skont l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni 2008/22/KE.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jissottometti dikjarazzjoni bil-miktub lill-Kummissjoni flimkien mal-applikazzjoni għal miżuri ta’ emerġenza jew l-abbozz tiegħu tal-programm annwali rivedut li jikkonferma li jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 14(4).

Proġett kofinanzjat bir-rata miżjuda jista’ jibqa’ hekk kemm jekk waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 14(4) tkun għadha qed tiġi sodisfatta waqt l-implimentazzjoni tal-programm annwali tal-miżuri ta’ emerġenza relatati u kemm jekk le.”.

Artikolu 2

Emendi għad-Deċiżjoni Nru 575/2007/KE

Fl-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Nru 575/2007/KE, il-paragrafu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Il-kontribut tal-Unjoni għall-proġetti appoġġati, fir-rigward ta’ azzjonijiet implimentati fl-Istati Membri taħt l-Artikolu 3 m’għandux jeċċedi 50 % tal-ispiża totali ta’ azzjoni speċifika.

Din tista’ tiżdied għal 75 % għall-proġetti li jindirizzaw prijoritajiet speċifiċi li jkunu ġew identifikati fil-linji gwida strateġiċi msemmija fl-Artikolu 18.

Il-kontribut tal-Unjoni għandu jiżdied għal 75 % fl-Istati Membri koperti bil-Fond tal-Koeżjoni.

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tista’ tiżdied b’20 punt perċentwali fi Stat Membru dment li huwa jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-abbozz tiegħu tal-programm annwali skont l-Artikolu 21(3) ta’ din id-Deċiżjoni jew tal-abbozz tal-programm annwali rivedut tagħha skont l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/458/KE (****):

(a)

l-għajnuna finanzjarja fuq terminu medju ta’ żmien tkun disponibbli għalih skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (*****);

(b)

l-għajnuna finanzjarja tkun disponibbli għalih skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (******) jew għajnuna finanzjarja ssir disponibbli lilu minn Stati Membri oħra taż-żona tal-euro qabel it-13 ta’ Mejju 2010; jew

(c)

l-għajnuna finanzjarja tkun disponibbli għalih skont il-ftehim intergovernattiv li jistabbilixxi l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jressaq dikjarazzjoni bil-miktub lill-Kummissjoni flimkien mal-abbozz tal-programm annwali tiegħu jew l-abbozz tal-programm annwali rivedut li jikkonferma li jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tar-raba’ subparagrafu.

Proġett kofinanzjat bir-rata miżjuda jista’ jibqa’ hekk kemm jekk waħda mill-kondizzjonijiet msemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tar-raba’ subparagrafu tkun għadha qed tiġi sodisfatta waqt l-implimentazzjoni tal-programm annwali relatat u kemm jekk le.

Artikolu 3

Emendi għad-Deċiżjoni Nru 2007/435/KE

Fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2007/435/KE, il-paragrafu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Il-kontribut tal-Unjoni għall-proġetti appoġġati, fir-rigward ta’ azzjonijiet implimentati fl-Istati Membri taħt l-Artikolu 4 m’għandux jeċċedi 50 % tal-ispiża totali ta’ azzjoni speċifika.

Din tista’ tiżdied sa 75 % għall-proġetti li jindirizzaw prijoritajiet speċifiċi li jkunu ġew identifikati fil-linji gwida strateġiċi kif inhu mfisser fl-Artikolu 16.

Il-kontribut tal-Unjoni għandu jiżdied għal 75 % fl-Istati Membri koperti bil-Fond tal-Koeżjoni.

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tista’ tiżdied b’20 punt perċentwali fi Stat Membru dment li huwa jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-abbozz tiegħu tal-programm annwali skont l-Artikolu 19(3) ta’ din id-Deċiżjoni jew tal-abbozz tal-programm annwali rivedut tagħha skont l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/457/KE (*******):

(a)

l-għajnuna finanzjarja fuq terminu medju ta’ żmien tkun disponibbli għalih skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (********);

(b)

l-għajnuna finanzjarja tkun disponibbli għalih skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (*********) jew għajnuna finanzjarja ssir disponibbli lilu minn Stati Membri oħra taż-żona tal-euro qabel it-13 ta’ Mejju 2010; jew

(c)

l-għajnuna finanzjarja tkun disponibbli għalih skont il-ftehim intergovernattiv li jistabbilixxi l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jressaq dikjarazzjoni bil-miktub lill-Kummissjoni flimkien mal-abbozz tal-programm annwali tiegħu jew l-abbozz tal-programm annwali rivedut li jikkonferma li jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tar-raba’ subparagrafu.

Proġett kofinanzjat bir-rata miżjuda jista’ jibqa’ hekk kemm jekk waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tar-raba’ subparagrafu tkun għadha qed tiġi sodisfatta waqt l-implimentazzjoni tal-programm annwali relatat u kemm jekk le.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Marzu 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Frar 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 2013.

(2)  ĠU L 144, 6.6.2007, p. 1.

(3)  ĠU L 144, 6.6.2007, p. 45.

(4)  ĠU L 168, 28.6.2007, p. 18.

(5)  ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Volum 3, p. 81.

(6)  ĠU L 150, 13.6.2009, p. 8.

(7)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

(8)  ĠU L 30, 4.2.2011, p. 34.

(9)  ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88.

(10)  ĠU L 91, 6.4.2011, p. 1.

(11)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(12)  ĠU L 337, 20.12.2011, p. 5.

(13)  ĠU L 339, 21.12.2011, p. 1.

(14)  ĠU L 129, 16.5.2012, p. 7.