1.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/46


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Mejju 2013

dwar ir-rikonoxximent tal-għodda għall-kalkolu msejħa “Biograce GHG” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2013/256/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (1), u partikolarment l-Artikolu 18(6) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (2), u partikolarment l-Artikolu 7c(6) tagħha,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti u Bijolikwidi,

Billi:

(1)

Id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE jistipulaw il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijofjuwils. L-Artikoli 7b u 7c u tal-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE huma simili tal-Artikoli 17 u 18 u tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

(2)

Meta l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu jridu jitqiesu għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, l-Istati Membri għandhom jeżiġu lill-operaturi ekonomiċi juru l-konformità tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.

(3)

Meta operatur ekonomiku jipprovdi provi jew dejta miksuba skont skema volontarja li tkun ġiet irrikonoxxuta mill-Kummissjoni, safejn ikun kopert b’dik id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, Stat Membru ma għandux jeżiġi lill-fornitur jipprovdi aktar evidenza ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà.

(4)

L-għodda għall-kalkolu msejħa “Biograce GHG” ġiet sottomessa lill-Kummissjoni flimkien ma’ talba għar-rikonoxximent fid-19 ta’ Frar 2013. L-għodda tista’ tintuża biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għal firxa wiesgħa ta’ bijofjuwils u bijolikwidi differenti. Skemi volontarji li qed jużaw l-għodda jridu jiżguraw li qed tiġi applikata kif xieraq u li tilħaq l-istandards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u verifika indipendenti. Ladarba tiġi rrikonoxxuta, l-iskema għandha tkun disponibbli fil-pjattaforma ta’ trasparenza stabbilita skont id-Direttiva 2009/28/KE.

(5)

L-evalwazzjoni tal-għodda għall-kalkolu msejħa “Biograce GHG” sabet li din fiha dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE u li hija tikkonforma mar-rekwiżiti metodoloġiċi mogħtija fl-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u l-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

(6)

F’każ li jkun hemm bidliet fl-iskema, il-Kummissjoni se tivvaluta l-iskema bil-għan li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri b’mod xieraq il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet irrikonoxxuta.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u l-Bijolikwidi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema volontarja tal-għodda għall-kalkolu “Biograce GHG” (minn issa ‘l quddiem “l-iskema”) sottomessa għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Frar 2013 fiha dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE.

Artikolu 2

Jekk isir xi tibdil fil-kontenut tal-iskema wara li tiġi adottata din id-Deċiżjoni b’tali mod li dan jista’ jaffettwa l-bażi ta’ din id-Deċiżjoni, it-tali tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-tibdil innotifikat bil-għan li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha qed tkopri b’mod xieraq il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet irrikonoxxuta jew le.

Il-Kummissjoni tista’ tirrevoka din id-Deċiżjoni jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi meqjusa bħala deċiżivi għal din id-Deċiżjoni u jekk ikun twettaq ksur serju u strutturali ta’ dawk l-elementi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija valida għal perjodu ta’ ħames snin.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(2)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.