9.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/28


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta’ Jannar 2013

dwar in-nominazzjoni ta' tliet membri tal-politika pubblika tal-Bord ta’ Sorveljanza tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju

2013/C 37/06

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), kumitat tekniku dwar il-kontabilità għandu jipprovdi għajnuna u għarfien espert lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-istandards internazzjonali tal-kontabilità. Ir-rwol ta' dak il-kumitat tekniku dwar il-kontabilità jitwettaq mill-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG).

(2)

L-EFRAG twaqqaf fl-2001 minn organizzazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw lill-emittenti, l-investituri u l-professjoni tal-kontabilità involuti fil-proċess ta’ rappurtar finanzjarju.

(3)

Il-Bord Superviżorju tal-EFRAG jinkludi erba' membri tal-politika pubblika speċifikament magħżula abbażi tal-esperjenza tagħhom fit-tfassil ta’ politika pubblika fil-livell nazzjonali jew dak Ewropew. Skont it-Taqsima 3.2 tal-Appendiċi 1 għall-Istatuti tal-EFRAG fis-seħħ mill-11 ta’ Ġunju 2009, hija fir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tinnomina lil dawn il-membri tal-politika pubblika. Il-membri tal-Bord Superviżorju tal-EFRAG jinħatru mill-Assemblea Ġenerali tal-EFRAG.

(4)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-26 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni tat is-setgħa lill-Membru tal-Kummissjoni biex ikun responsabbli mis-Suq Intern u s-Servizzi, biex f'isimha u taħt ir-responsabbiltà tagħha jadotta miżuri għan-nomina ta' membri tal-politika pubblika tal-Bord ta’ Sorveljanza tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) għal mandat sħiħ fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 (2).

(5)

Wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet (3) il-Kummissjoni għażlet tliet kandidati biex jiġu nnominati bħala membri tal-politika pubblika fuq il-Bord ta’ Sorveljanza tal-EFRAG,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu waħdieni

Il-Kummissjoni b’hekk tinnomina lill-persuni li ġejjin biex jinħatru bħala membri tal-politika pubblika fuq il-Bord ta’ Sorveljanza tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju.

 

Carlo BIANCHERI

 

Adriana DUȚESCU

 

Carlos SORIA SENDRA

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2013.

Għall-Kummissjoni

Michel BARNIER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  SEC(2010) 229; PV(2010) 1907 finali tat-3 ta’ Marzu 2010 il-punt 14.5.

(3)  ĠU C 93, 30.3.2012, p. 32.