27.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 117/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ April 2013

dwar in-noninklużjoni tal-formaldeid għall-prodotti tat-tip 20 fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali

(notifikata bid-dokument C(2013) 2284)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/204/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bil-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE.

(2)

Il-formaldeid (Nru tal-KE 200-001-8, Nru tal-CAS 50-00-0) huwa inkluż f’dik il-lista għall-użu, fost oħrajn, fi prodotti tat-tip 20, preservattivi għall-ikel jew għall-għalf, kif iddefinit fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE.

(3)

Żewġ kumpaniji (“l-applikanti”) issottomettew dossier lill-Ġermanja għall-evalwazzjoni tal-formaldeid għall-użu fi prodotti tat-tip 20 sal-31 ta’ Ottubru 2008 skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007. Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 98/8/KE, id-dossiers irreferew għal żewġ prodotti li fihom il-formaldeid (il-“prodotti ta’ referenza”).

(4)

F’serje ta’ laqgħat u ittri, il-Kummissjoni infurmat lill-applikanti u lill-Istati Membri li hija qieset li l-prodotti ta’ referenza huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (3), u li għaldaqstant huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/8/KE skont l-Artikolu 1(2)(o) ta’ dik id-Direttiva. Il-Kummissjoni ddikjarat li ma kinitx se tiddeċiedi li tinkludi l-formaldeid għal prodotti tat-tip 20 fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE. Għalhekk stiednet lill-applikanti jwaqqfu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm ta’ analiżi skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007 u japplikaw għal awtorizzazzjoni tal-prodotti ta’ referenza skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003, u għal dan offriet għajnuna prattika, kif ukoll l-aqwa sforzi min-naħa tagħha biex tevita t-tfixkil tas-suq matul it-tranżizzjoni minn reġim regolatorju għall-ieħor.

(5)

Wieħed mill-applikanti segwa l-parir tal-Kummissjoni u għarrafha bil-ħsieb tiegħu li jwaqqaf il-parteċipazzjoni tiegħu fil-programm ta’ analiżi skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007 fl-10 ta’ Settembru 2009. L-applikant l-ieħor għażel li jibqa’ fil-programm ta’ analiżi minkejja l-parir.

(6)

Il-Kummissjoni tenniet il-pożizzjoni tagħha f’ittra bid-data tal-25 ta’ Mejju 2010 lill-Ġermanja u lill-applikant li kien fadal. Bl-ittra tas-17 ta’ Awwissu 2010, il-Ġermanja wieġbet li l-applikant li kien fadal irrifjuta li jwaqqaf il-parteċipazzjoni tiegħu fil-programm ta’ analiżi, u b’hekk lill-Ġermanja ma ħallieha b’ebda għażla għajr li tkompli l-evalwazzjoni.

(7)

Kif ikkonfermat bir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, (4) prodotti użati għall-preservazzjoni tal-ikel jew tal-għalf huma koperti bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 u bir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (5). Għalhekk, dawn il-prodotti huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/8/KE skont l-Artikolu 1(2)(o) ta’ dik id-Direttiva. Għalhekk, fl-interess taċ-ċertezza legali, għandu jiġi deċiż li l-formaldeid mhux se jiġi inkluż fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva għall-prodotti tat-tip 20.

(8)

Il-formaldeid mhux magħruf li jintuża bħala addittiv tal-ikel, u mhuwiex approvat għal dan l-użu skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(9)

Żewġ applikazzjonijiet għall-awtorizazzjoni tal-formaldeid bħala addittiv tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 attwalment qed jiġu vvalutati. Il-perjodu ta’ tneħħija gradwali għal prodotti li fihom il-formaldeid u użati għall-preservazzjoni tal-għalf u mqiegħda fis-suq bħala prodotti bijoċidali għandu jqis iż-żmien meħtieġ biex dawn il-prodotti jiġu rregolati skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(10)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-prodotti bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-formaldeid (Nru tal-KE 200-001-8, Nru tal-CAS 50-00-0) mhux se jiġi inkluż fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE għall-prodotti tat-tip 20.

Artikolu 2

Prodotti mqiegħda fis-suq bħala prodotti bijoċidali għall-użu bħala preservattivi tal-ikel u li fihom il-formaldeid mhux se jibqgħu jitqiegħdu fis-suq b’effett mill-1 ta’ Lulju 2015.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3.

(3)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(4)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(5)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.