26.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 116/10


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/201/PESK

tal-25 ta’ April 2013

li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ April 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/231/PESK (1).

(2)

Fis-6 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) adotta r-Riżoluzzjoni 2093 (2013) u b’hekk emenda l-embargo tal-armi impost mill-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni 733 (1992) u elabora aktar fuq il-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1425 (2002). Ir-Riżoluzzjoni 2093 (2013) aġġornat ukoll il-kriterji ta’ indikazzjoni applikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-KSNU stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992) dwar is-Somalja

(3)

Id-Deċiżjoni 2010/231/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/231/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha u l-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari maħsuba biss għall-appoġġ jew għall-użu tal-AMISOM kif stipulat fil-paragrafu 4 tal-UNSCR 1744 (2007) jew għall-użu biss ta’ Stati u organizzazzjonijiet reġjonali li jieħdu miżuri skont il-paragrafu 6 tal-UNSCR 1851 (2008) u l-paragrafu 10 tal-UNSCR 1846 (2008);

(b)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u tagħmir militari, u l-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, maħsuba biss għall-appoġġ, jew għall-użu mill-imsieħba strateġiċi tal-AMISOM, li joperaw unikament skont il-Kunċett Strateġiku tal-Unjoni Afrikana tal-5 ta’ Jannar 2012, u f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-AMISOM;

(c)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha u għall-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika maħsuba unikament għall-iskop li jgħin l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà, konsistenti mal-proċess politiku stabbilit fil-paragrafi 1, 2, u 3 tal-UNSCR 1744 (2007) u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien ħamest ijiem ta’ ħidma minn meta tkun waslet in-notifika rilevanti;

(d)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub unikament għal użu umanitarju jew protettiv, jew ta’ materjal maħsub għal programmi ta’ żvilupp ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni, jew tal-Istati Membri, inkluż fil-qasam tas-sigurtà, imwettqa fil-qafas tal-Proċess ta’ Paċi u Rikonċiljazzjoni, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, u tal-ilbies protettiv, inkluż ġkieket tal-flak u elmi militari, esportati b’mod temporanju lejn is-Somalja minn persunal tan-NU, minn rappreżentanti tal-medja u minn ħaddiema umanitarji u tal-iżvilupp u minn persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss;

(e)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u tagħmir militari, u l-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, maħsuba biss għall-appoġġ jew għall-użu mill-persunal tan-NU, inkluż il-Kariga Politika tan-NU għas-Somalja jew il-missjoni suċċessura tagħha;

(f)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u tagħmir militari, u l-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, maħsuba biss għall-iżvilupp tal-Forżi tas-Sigurtà tal-Gvern Federali tas-Somalja, u biex jipprovdu sigurtà għall-poplu Somalu, bl-eċċezzjoni ta’ dak li għandu x’jaqsam ma’ kunsinni ta’ oġġetti mniżżla fl-Anness II, jekk notifika lil-Kumitat tas-Sanzjonijiet tkun saret tal-inqas ħamest ijiem minn qabel skont il-paragrafu 38 tal-UNSCR 2093 (2013), inkluż, jekk adegwat, kif stabbilit fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.”;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   Stat Membru, wara li jinforma lill-Gvern Federali tas-Somalja dwar l-intenzjoni li hekk jagħmel, jista’ jinforma lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, mill-inqas ħamest ijiem qabel, ta’ kwalunkwe forniment ta’ assistenza taħt il-punt f tal-paragrafu 3.. Fejn Stat Membru jagħżel li jipprovdi tali notifika hi għandha jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha, inkluż, fejn applikabbli, it-tip u l-kwantità ta’ armi, munizzjonijiet, tagħmir militari u materjal li għandu jiġi kkunsinjat, u d-data proposta tal-kunsinna.

5.   Ser ikun ipprojbit il-forniment, il-bejgħ mill-ġdid, it-trasferiment, jew l-għamla disponibbli għall-użu kwalunkwe armi jew tagħmir militari, imbegħin jew forniti unikament għall-iżvilupp tal-Forzi tas-Sigurtà tal-Gvern Federali tas-Somalja lil kwalunkwe individwu jew entità mhux fis-servizz tal-Forzi tas-Sigurtà tal-Gvern Federali tas-Somalja.”

(2)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 1b

L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw viġilanza fuq il-forniment dirett jew indirett, il-bejgħ jew it-trasferiment għas-Somalja ta’ oġġetti mhux soġġetti għall-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 1(1) u fuq il-forniment dirett jew indirett għas-Somalja ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra u taħriġ relatat mal-attivitajiet militari relatati ma’ dawk l-oġġetti.”

(3)

l-Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Miżuri restrittivi kif previsti fl-Artikoli 3, 5(1) u 6(1) u (2) għandhom ikunu imposti kontra persuni u entitajiet indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala:

impenjati fi, jew li jipprovdu appoġġ għal, atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja, inklużi atti li jheddu l-proċess ta’ paċi u r-rikonċiljażżjoni fis-Somalja, jew jheddu l-Gvern Federali tas-Somalja jew l-AMISOM bil-forza,

aġixxew bi ksur tal-embargo fuq l-armi u l-bejgħ mill-ġdid tal-armi u r-restrizzjonijiet fuq it-trasferiment jew il-projbizzjoni kontra l-forniment ta’ assistenza relatata kif imsemmi fl-Artikolu 1,

jostakolaw il-kunsinna ta’ għajnuna umanitarja lis-Somalja, jew l-aċċess għal, jew id-distribuzzjoni ta’, għajnuna umanitarja fis-Somalja,

huma mexxejja politiċi jew militari li qed jirreklutaw jew jużaw tfal f’konflitti armati fis-Somalja bi ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli,

huma responsabbli għall-ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli fis-Somalja li jimplika atti kontra ċivili, inklużi tfal u nisa, f’sitwazzjonijiet ta’ konflitti armati, inkluż qtil u mankament, vjolenza sesswali u sessista, attakki fuq skejjel u sptarijiet u ħtif u spostament furzat.

Il-persuni u l-entitajiet rilevanti huma elenkati fl-Anness I.”

(4)

il-kelma “Anness” hija sostitwita bi “Anness I” fit-test kollu.

(5)

jiżdied l-Anness II skont l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, il-25 ta’ April 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GILMORE


(1)  ĠU L 105, 27.4.2010, p. 17.


ANNESS

“ANNESS II

Lista ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 1(3)(f)

1.

Missili mill-wiċċ għas-sema, inklużi s-Sistemi ta’ Difiża li Jinġarru mill-Bniedem kontra Attakki mill-Ajru (MANPADs);

2.

Armi tan-nar, ħowitzers, u kanuni b’kalibru akbar minn 12,7 mm, u munizzjoni u komponenti speċjali mfassla għalihom. (Dan ma jinkludix lanċaturi tar-rokits minn fuq l-ispallejn kontra t-tankijiet bħall-RPGs jew l-LAWs, granati tal-azzarini, jew tagħmir li jwaddab il-granati.);

3.

Busijiet, b’kalibru akbar minn 82 mm;

4.

Armamenti ggwidati anti-tank, inklużi Missili Ggwidati Anti-tank (ATGMs) u munizzjonijiet u komponenti speċjali mfassla għal dawk l-oġġetti;

5.

Ċarġis u apparati maħsuba għall-użu militari b’materjali enerġetiċi; mini u materjal relatat;

6.

Strumenti ottiċi ta’ mira għall-armi b’kapaċità ta’ viżjoni bil-lejl.”.