30.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta' Lulju 2012

dwar l-għajnuna mill-Istat, il-każ SA.29064 (11/C, ex 11/NN) – Rati tat-taxxa differenzjati għall-ivvjaġġar bl-ajru implimentati mill-Irlanda

(notifikata bid-dokument C(2012) 5037)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/199/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fl-2009, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar Għajnuna mill-Istat minn operatur ta' linja tal-ajru (minn issa 'l quddiem "l-ilmentatur") dwar diversi aspetti tat-taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru implimentati mill-Irlanda inklużi r-rati tat-taxxa differenzjati applikabbli għal titjiriet b’destinazzjonijiet mhux aktar minn 300 km mill-ajruport ta’ Dublin, li allegatament kienu qed jiffavorixxu lil Aer Arann.

(2)

Permezz tal-ittra bid-data tat-13 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni għarrfet lill-Irlanda li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108 (2) tat-Trattat fir-rigward ta’ rati tat-taxxa differenzjati applikati skont it-taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru Irlandiża. Il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Irlandiżi biex jibagħtu kopja tad-deċiżjoni lill-benefiċjarji.

(3)

Fid-9 ta’ Awwissu 2011 u fil-5 ta' Settembru 2011, l-operatur tal-linja tal-ajru Ryanair Ltd. (minn issa 'l quddiem "Ryanair") ippreżenta ittri rigward id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tiftaħ il-proċedimenti. Il-Kummissjoni wieġbet għal dawk l-ittri fil-5 ta’ Ottubru 2011. Fis-17 ta’ Ottubru 2011, Ryanair ippreżentat ittra oħra.

(4)

Wara estensjoni tad-data tal-għeluq għat-tweġiba, l-awtoritajiet Irlandiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-15 ta’ Settembru 2011.

(5)

Fit-18 ta’ Ottubru 2011, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tniedi l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din il-miżura.

(6)

Fis-17 ta’ Novembru 2011, Ryanair bagħtet it-tweġiba tagħha għal din l-istedina. B’ittra tat-28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni staqsiet lil Ryanair jekk kienx hemm xi informazzjoni fis-sottomissjoni ta’ Ryanair li kienet kunfidenzjali u li ma setgħetx tiġi żvelata lill-awtoritajiet Irlandiżi. B’ittra tat-30 ta’ Novembru 2011, Ryanair ikkonfermat li s-sottomissjoni tas-17 ta' Novembru 2011 setgħet tintbagħat lill-awtoritajiet Irlandiżi.

(7)

B’ittra tat-12 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti ta’ Ryanair lill-awtoritajiet Irlandiżi, li pprovdew il-kummenti tagħhom dwar dan fit-13 ta’ Jannar 2012.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

(8)

Mit-30 ta’ Marzu 2009, l-awtoritajiet Irlandiżi introduċew dazju tas-sisa fuq it-trasport tal-passiġġieri bl-ajru. Il-bażi ġuridika nazzjonali tat-taxxa hija t-Taqsima 55 tal-Att Finanzjarju (Nru. 2) 2008, li tintroduċi dazju tas-sisa rreferut bħala t-"taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru" li l-operaturi tal-linji tal-ajru huma responsabbli li jħallsu fir-rigward ta’ “kull tluq ta’ passiġġier fuq inġenju tal-ajru minn ajruport" li jinsab fl-Irlanda (3). It-taxxa hija dovuta fil-waqt li passiġġier jitlaq minn ajruport fuq inġenju tal-ajru kapaċi jġorr aktar minn 20 passiġġier u li mhuwiex użat għall-finijiet tal-Istat jew militari. Filwaqt li t-taxxa in fine hija maħsuba biex tingħadda lill-passiġġieri permezz tal-prezz tal-biljett, huma l-operaturi tal-linji tal-ajru li huma responsabbli għaliha u responsabbli biex iħallsuha (4).

(9)

Meta ġiet introdotta, it-taxxa kienet imposta abbażi tad-distanza bejn l-ajruport minn fejn jibda l-vjaġġ u l-ajruport fejn jintemm il-vjaġġ, bir-rata ta (i) EUR 2 fil-każ ta' vjaġġ minn ajruport lejn destinazzjoni li tinsab mhux iktar minn 300 km mill-ajruport ta' Dublin u (ii) EUR 10 fi kwalunkwe każ ieħor.

(10)

Wara investigazzjoni mill-Kummissjoni rigward ksur possibbli tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità (5) u l-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, ir-rati nbidlu mill-1 ta' Marzu 2011 biex b’hekk rata tat-taxxa unika ta’ EUR 3 tkun applikabbli għal kull tluq, tkun xi tkun id-distanza koperta (6).

3.   IR-RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(11)

Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura formali rigward ir-rata tat-taxxa aktar baxxa, li kienet applikabbli għal ċerti rotot matul il-perjodu li jibda mit-30 ta’ Marzu 2009 sal-1 ta' Marzu 2011, billi qieset li din dehret li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u kellha d-dubji rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

(12)

Fil-valutazzjoni tagħha dwar jekk il-miżura kinitx selettiva, skont il-ġurisprudenza stabbilita (7), il-Kummissjoni l-ewwel identifikat is-sistema fiskali ta’ referenza rilevanti, u mbagħad analizzat jekk il-miżura kinitx tikkostitwixxi deroga minn dik is-sistema u, jekk dan kien il-każ, jekk l-Irlanda kinitx uriet li d-deroga kienet fin-natura u l-loġika tas-sistema tat-taxxa.

(13)

Hija kkonkludiet li, fil-każ li qed jissemma, is-sistema ta’ referenza hija t-tassazzjoni tal-passiġġieri tal-ajru li jitilqu minn ajruport li jinsab fl-Irlanda.

(14)

Il-Kummissjoni nnutat li s-sistema fiskali tal-ivvjaġġar bl-ajru kienet tipprovdi rata waħda ġenerali jew normali applikabbli għal kważi t-titjiriet kollha u rata mnaqqsa għal titjiriet lejn destinazzjoni li jinsabu mhux aktar minn 300 km mill-ajruport ta’ Dublin. Hija skopriet li r-rata normali kienet tikkostitwixxi s-sistema ta’ referenza, filwaqt li r-rata mnaqqsa, li kienet applikabbli għal kategorija ta’ titjiriet delimitata sew, dehret li kienet eċċezzjoni mis-sistema tar-referenza.

(15)

Il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk ir-rata mnaqqsa kinitx ġustifikata fuq il-bażi tad-distanza bejn il-punt tat-tluq u d-destinazzjoni finali tal-vjaġġ.

(16)

L-ewwel nett, ma kinitx applikabbli fuq il-bażi tat-tul attwali tal-vjaġġ, iżda fuq il-bażi tad-distanza bejn l-ajruport ta’ Dublin u d-destinazzjoni.

(17)

It-tieni, l-istruttura u n-natura oġġettiva tat-taxxa ma jidhrux li kienu jirrigwardaw id-distanza tat-titjira, iżda l-fatt tat-tluq minn ajruport Irlandiż. Il-konnessjoni mal-awtorità fiskali, l-avveniment taxxabbli (it-tluq minn ajruport Irlandiż) u l-esternalitajiet negattivi għas-soċjetà Irlandiża (tniġġis ta' ħsejjes u tal-arja) kienu preċiżament l-istess għall-passiġġieri kollha li jitilqu minn ajruport Irlandiż kienet x'kienet id-destinazzjoni tat-titjira u d-distanza koperta. L-operaturi tal-linja tal-ajru kkonċernati kienu fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali identika rigward dak l-għan.

(18)

It-tielet, is-sistema fiskali ma kinitx karatterizzata minn differenzjar artikolat fil-livell tat-taxxa f’relazzjoni mad-distanza tat-titjiriet, iżda ffissat żewġ rati biss: waħda għal titjiriet fuq distanzi qosra ħafna u l-oħra għat-titjiriet l-oħrajn kollha. Dan il-kriterju kienu donnu jiffavorixxi lit-titjiriet ġewwa l-Irlanda u lit-titjiriet lejn ċerti partijiet tal-punent tar-Renju Unit u, konsegwentement, kien qed jiddiskrimina bejn titjiriet nazzjonali u titjiriet ġewwa l-Unjoni. Fil-każ preżenti, l-awtoritajiet Irlandiżi argumentaw li imposta ogħla fuq id-destinazzjonijiet li għalihom kienet tapplika r-rata aktar baxxa tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-prezz. Il-Kummissjoni sabet li l-prezz ta’ biljetti għal destinazzjonijiet domestiċi mhux neċessarjament ikunu orħos minn dak ta' titjiriet lejn destinazzjonijiet oħra fl-Unjoni. Ir-rata tat-taxxa aktar baxxa għalhekk ma kinitx tidher li hija ġġustifikata min-natura u l-loġika tas-sistema fiskali tal-ivvjaġġar bl-ajru u għalhekk dehret bħala miżura selettiva.

(19)

Billi l-kriterji l-oħrajn kollha fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat ukoll dehru li ġew sodisfatti, il-miżura dehret li kienet qed tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lill-operaturi tal-linji tal-ajru li kienu ħadmu r-rotot li bbenefikaw mir-rata mnaqqsa.

(20)

L-għajnuna ma kinitx tidher li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi linji gwida għall-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat maħruġa mill-Kummissjoni. Billi dehret li tikkostitwixxi għajnuna operattiva li kienet tiddiskrimina bejn it-titjiriet fl-Unjoni, ma setgħetx titqies bħala kompatibbli b'mod dirett skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. Barra minn hekk, l-għajnuna ma kienet taqa’ taħt l-ebda eżenzjoni oħra speċifikata fl-Artikolu 107(2) jew (3) tat-Trattat.

(21)

Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern u, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (8), iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b'hekk tistieden lill-Irlanda u lill-partijiet interessati oħra biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

4.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(22)

B 'risposta għall-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali (9), il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand l-awtoritajiet Irlandiżi u minn Ryanair.

4.1.   Kummenti mingħand l-awtoritajiet Irlandiżi

4.1.1.   It-taxxa hija taxxa fuq il-konsumaturi

(23)

L-awtoritajiet Irlandiżi jiddikjaraw li n-natura tat-taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru hija essenzjalment taxxa fuq il-klijenti. Għall-faċilità tal-applikazzjoni, l-awtoritajiet Irlandiżi obbligaw lil kull linja tal-ajru li tħallas lis-Servizz tad-dħul l-ammont rilevanti għal kull passiġġier li jitlaq minn ajruport Irlandiż u li jinġarr minn dik il-linja tal-ajru. L-operaturi tal-linji tal-ajru jistgħu, madankollu, jitħallew jgħaddu din it-taxxa u jiġbruha mill-passiġġieri tagħhom.

(24)

Barra minn hekk, it-taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru hija normalment elenkata fil-prezz tal-biljett u/jew fit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-operaturi bħala taxxa jew bħala imposta, flimkien ma’ tariffi u taxxi oħrajn. Għaldaqstant, it-taxxa ma tagħti benefiċċju lill-ebda operatur tal-linji tal-ajru minħabba li hija sempliċiment tariffa, taxxa jew imposta oħra effettivament iddebitata lill-konsumatur.

4.1.2.   In-nuqqas ta’ benefiċċju għal operaturi partikolari

(25)

L-awtoritajiet Irlandiżi jiddikjaraw li l-konferiment ta’ benefiċċju fuq operaturi partikolari huwa prerekwiżit għat-taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru li għandu jaqa’ fid-definizzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Skont l-awtoritajiet Irlandiżi f'sitwazzjoni fejn it-taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru hija essenzjalment taxxa fuq il-konsumatur, kemm jekk hija ta’ EUR 10 kif ukoll ta' EUR 2, jista’ jkun diffiċli li wieħed jara kif it-taxxa tagħti benefiċċju lil xi operaturi partikolari.

(26)

Ma hemm l-ebda dubju li l-operaturi kollha, kemm jekk huma obbligati jiċċarġjaw ir-rata tat-taxxa ta’ EUR 10 jew ta’ EUR 2, ikunu fuq l-istess livell. Il-mistoqsija hawnhekk hija jekk jingħatax vantaġġ lill-operaturi tal-linji tal-ajru li jkollhom jiċċarġjaw ir-rata ta’ taxxa ta’ EUR 2 kollettivament biss. Skont l-awtoritajiet Irlandiżi, l-uniku xenarju realistiku li fih it-taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru tista’ tikkostitwixxi għajnuna huwa dak li fih il-linji tal-ajru li joperaw rotot lejn destinazzjonijiet mhux aktar minn 300 km mill-ajruport ta’ Dublin kienu obbligati jiġbru t-taxxa ta' EUR 10 fuq l-ivvjaġġar bl-ajru, iżda setgħu jżommu d-differenza bejn ir-rata ta' EUR 10 u r-rata ta’ EUR 2. Dan, madankollu, ma kienx il-każ. F’dan ir-rigward, huwa importanti li tinġibed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-awtoritajiet Irlandiżi, fit-tfassil tat-taxxa inkwistjoni, ma kellhom f'moħħhom l-ebda operatur jew mudell tan-negozju partikolari.

4.1.3.   Ma jeżisti l-ebda vantaġġ għall-operaturi tal-ajru Irlandiżi

(27)

L-ewwel nett, wieħed għandu jinnota li l-Irlanda ma għadx għandha trasportaturi tal-ajru nazzjonali per se, peress li l-Istat iddivesta l-interess tiegħu f'Aer Lingus, li oriġinarjament kienet l-operatur tal-ajru nazzjonali tal-Istat, f’sehem minoritarju.

(28)

Jekk it-taxxa kellha xi effett fuq l-operaturi tal-ajru Irlandiżi, dak l-effett kien ikun ferm differenti għal kull wieħed minn dawk l-operaturi tal-ajru. L-awtoritajiet Irlandiżi jindikaw li r-rotot ġewwa l-Unjoni li kienu suġġetti għar-rata ogħla ta' EUR 10 kienu mħaddma fil-biċċa l-kbira mill-istess linji tal-ajru Irlandiżi. Fil-perjodu rilevanti, it-tliet operaturi tal-ajru kellhom madwar [93-97] (*1) % tas-suq għal titjiriet li għalihom kienet tapplika r-rata aktar baxxa, iżda huma ppredominaw ukoll fis-suq tal-ivvjaġġar bl-ajru ġewwa l-Unjoni, billi kellhom fil-pussess tagħhom [82-87] (*1) % tat-total tat-titjiriet bħal dawn ġewwa l-Unjoni.

(29)

B'mod partikolari, l-awtoritajiet Irlandiżi jargumentaw li kwalunkwe żvantaġġ iddikjarat minn Ryanair huwa insostenibbli b’mod ċar, minħabba li Ryanair tirrappreżenta madwar [56-63] (*1) % tal-passiġġieri li jinġarru fuq ir-rotot li għalihom kienet tapplika r-rata aktar baxxa (ara t-Tabella 1).

Tabella 1

L-ishma tas-suq tal-operaturi tal-linji tal-ajru Irlandiżi fuq rotot li jitilqu minn ajruporti Irlandiżi.

Ishma tas-suq

 

Mhux aktar minn 300 km

Aktar minn 300 km (10)

Ryanair

[56-63] (*) %

[42-47] (*) %

Aer Lingus

[16-23] (*) %

[35-40] (*) %

Aer Arann

[10-17] (*) %

[0.5-2.5] (*) %

TOTAL

[93-97] (*) %

[82-85] (*) %

Sors:

Informazzjoni pprovduta mill-Irlanda msejsa fuq iċ-ċifri pprovduti mit-tliet operaturi tal-ajru Irlandiżi u dejta estratta mill-Uffiċċju Ċentrali għall-Istatistika.

(30)

It-Tabella 1 turi li l-uniku operatur li jista’ konċettwalment jiġi kklassifikat bħala operatur nazzjonali bis-saħħa tal-interess minoritarju tal-Istat (Aer Lingus) kellu sehem ħafna ikbar ta' titjiriet li għalihom kienet tapplika r-rata ogħla ([35-40] (*1) %) milli ta' titjiriet li għalihom kienet tapplika r-rata aktar baxxa ([16-23] (*1) %). Għalhekk, jekk ir-rata ta’ taxxa aktar baxxa kienet ħalliet xi effett fuq il-linji tal-ajru, Aer Lingus kienet tkun konsiderevolment żvantaġġata.

(31)

Fir-rigward ta' Aer Arann, li l-ilmentatur isostni li wkoll tibbenefika mill-għajnuna allegata, l-awtoritajiet Irlandiżi jindikaw li, bejn l-2007 u l-2010, hija esperjenzat tnaqqis sinifikanti kemm fil-fatturat kif ukoll fl-għadd ta' passiġġieri. Wara l-introduzzjoni tat-taxxa, Aer Arann irrappurtat telf ta' EUR 18-il miljun. Jidher għalhekk li l-linja tal-ajru għamlet l-aktar profitt qabel l-introduzzjoni tat-taxxa. L-awtoritajiet Irlandiżi jindikaw ukoll li kien hemm biss rotta waħda domestika li kienet kompetittiva għall-ilmentatur u għal Aer Arann u li, fuq dik ir-rotta, madwar [37-42] (*1) % tat-titjiriet ġew operati mill-ilmentatur. Għal titjiriet lejn destinazzjonijiet barra mill-pajjiż li jibbenefikaw mir-rata aktar baxxa (il-Punent tar-Renju Unit), l-ilmentatur ħaddem aktar minn [37-42] (*1) % tat-titjiriet skedati, filwaqt li Aer Arann u Aer Lingus kellhom ishma iżgħar.

(32)

Barra minn hekk, l-operaturi tal-linji tal-ajru mhux Irlandiżi dejjem kienu liberi li joperaw titjiriet li għalihom kienet tapplika r-rata ta’ taxxa aktar baxxa. Ma kien hemm l-ebda diskrezzjoni għall-Istat f'dan il-kuntest. L-awtoritajiet Irlandiżi jargumentaw li, jekk kien hemm vantaġġ fl-operazzjoni ta’ titjiriet li għalihom tapplika r-rata ta' taxxa aktar baxxa, l-operaturi barranin (mhux Irlandiżi) kienu jagħżlu li joperaw titjiriet bħal dawn. In-nuqqas ta’ linji tal-ajru barranin li joperaw titjiriet bħal dawn jissuġġerixxi li ma kien hemm l-ebda vantaġġ ġej mir-rata aktar baxxa.

4.1.4.   Ir-rata aktar baxxa ġiet introdotta biex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ rata ta' taxxa li kienet sproporzjonata f’relazzjoni mal-prezz tal-biljett

(33)

L-awtoritajiet Irlandiżi jenfasizzaw li l-iskop tad-differenzjar fir-rati kien li jiġi introdott element ta’ proporzjonalità fil-livell tat-taxxa relatata mad-distanza, minħabba li l-prezzijiet huma ġeneralment irħas għal destinazzjonijiet eqreb. Filwaqt li huwa aċċettat li m'hemmx korrelazzjoni perfetta bejn id-distanzi u l-prezz, inħass li l-korrelazzjoni kienet biżżejjed biex tiġġustifika d-diviżjoni tat-taxxa f'żewġ livelli. L-awtoritajiet Irlandiżi jqisu li mekkaniżmu li jipprovdi differenzjar iktar preċiż fuq il-bażi tad-distanza kien irendi s-sistema estremament kumplikata u mgħobbija bi problemi amministrattivi.

4.1.5.   L-ebda distorzjoni tal-kompetizzjoni

(34)

L-awtoritajiet Irlandiżi jargumentaw li r-rata ta’ taxxa iktar baxxa ma kinitx tirriżulta f'xi distorsjoni ta’ kompetizzjoni u ma kellha l-ebda effett fuq il-kummerċ. L-ewwel nett, billi t-taxxa kienet taxxa fuq il-konsumatur fin-natura tagħha, ma kellha l-ebda effett perċettibbli fuq l-operaturi tal-linji tal-ajru. It-tieni, ir-rati tat-taxxa differenzjati ma kinux jiddistingwu s-suq Irlandiż mis-suq tal-Istati Membri l-oħra. Mit-titjiriet li għalihom kienet tapplika r-rata aktar baxxa, il-maġġoranza l-kbira ma kinitx domestika (68 % meta mqabbla ma’ 32 % għal titjiriet purament domestiċi). It-tielet, l-operaturi tal-linji tal-ajru huma attivi f'suq li huwa miftuħ għall-kompetizzjoni, li jfisser li s-suq kien miftuħ għal parteċipanti ġodda li għalihom ir-rata tat-taxxa aktar baxxa kienet tapplika fuq l-istess kundizzjonijiet bħal dawk ta’ operaturi ta' linji oħra tal-ajru. Jekk ir-rata tat-taxxa aktar baxxa kienet tat benefiċċju lil ċerti operaturi, il-linji tal-ajru mhux Irlandiżi kienu preżumibbilment għażlu li joperaw rotot li għalihom kienet tapplika r-rata aktar baxxa. In-nuqqas ta’ introduzzjonijiet ġodda jindika li r-rata aktar baxxa ma tatx vantaġġ lil ċerti operaturi tal-ajru.

4.1.6.   Kwalunkwe għajnuna tkun għajnuna de minimis jew ikun ikollha effett negliġibbli fuq l-operaturi tal-linji tal-ajru involuti

(35)

L-awtoritajiet Irlandiżi stqarrew li, anki jekk ir-rata tat-taxxa aktar baxxa kellha titqies bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, peress li kienet jew għajnuna de minimis jew xorta waħda kellha effett negliġibbli fuq l-operaturi tal-linji tal-ajru involuti.

4.2.   Kummenti mill-partijiet terzi

4.2.1.   Ryanair

(36)

Rigward in-natura tal-għajnuna mill-Istat tar-rata tat-taxxa aktar baxxa, Ryanair taqbel mal-opinjoni preliminari li l-Kummissjoni esprimiet fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Mejju 2011 li r-rata ta’ taxxa aktar baxxa tat vantaġġ lil ċerti operaturi tal-linji tal-ajru u tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Madankollu, Ryanair ma taqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li (i) r-rata ogħla ta’ EUR 10 għandha titqies bħala r-rata "normali", u li (ii) Ryanair kisbet vantaġġ permezz tal-miżura.

(37)

Fir-rigward tal-istabbiliment tar-rata "normali" jew "standard" skont is-sistema fiskali, Ryanair tiddikjara li l-fehma tal-Kummissjoni li r-rata ogħla ta' EUR 10 hija r-rata normali u li l-operaturi kollha li għalihom kienet tapplika r-rata aktar baxxa ta’ EUR 2 kisbu vantaġġ, hija arbitrarja. Skont Ryanair, m’hemm l-ebda raġuni għalfejn ir-rata ogħla, u mhux dik aktar baxxa, għandha titqies bħala r-rata normali. Barra minn hekk, ladarba r-rata ta’ żewġ livelli ġiet sostitwita b’rata waħda, ir-rata l-ġdida x'aktarx li tkun taħlita bejn ir-rati inizjali. Għalhekk, ir-rata l-ġdida tkun ir-referenza raġonevoli biex tevalwa kwalunkwe ħsara potenzjali jew benefiċċji li jirriżultaw mis-sistema b'żewġ livelli.

(38)

Ryanair tkompli ssostni li t-taxxa b’żewġ livelli fuq l-ivvjaġġar bl-ajru ma tatx vantaġġ lil Ryanair. Meta teżamina miżura li għandha mnejn tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tqis l-effetti ġenerali tagħha fuq il-benefiċjarju potenzjali u, b'mod partikolari, tnaqqas kwalunkwe ħlasijiet speċifiċi li jkunu ta’ piż fuq il-vantaġġ mogħti mill-għajnuna allegata. Matul il-perjodu li fih kienet tapplika s-sistema fiskali fuq żewġ livelli, Ryanair ħallset it-taxxi speċifikati fit-Tabella 2.

Tabella 2

Il-passiġġieri li nġarru u t-taxxa mħallsa matul il-perjodu mit-30 ta’ Marzu 2009 sal-1 ta' Marzu 2011.

Kategorija ta’ destinazzjoni mill-ajruport ta’ Dublin

Passiġġieri soġġetti għat-taxxa

Taxxa mħallsa

Sehem

Mhux aktar minn 300 km ġewwa l-Istat (ir-rata ta’ EUR 2)

[…] (*)

EUR […] (*)

[0.5-2.5] (*) %

Mhux aktar minn 300 km barra l-Istat (ir-rata ta’ EUR 2)

[…] (*)

EUR […] (*)

[1.5-4.5] (*) %

Aktar minn 300 km ġewwa l-UE

[…] (*)

EUR […] (*)

[93-98] (*) %

Aktar minn 300 km barra l-UE

[…] (*)

EUR […] (*)

[0.3-2.5] (*) %

TOTAL

[…] (*)

EUR […] (*)

100  %

(39)

Minħabba li Ryanair tqis li r-rata unika l-ġdida ta’ EUR 3 għandha tgħodd bħala r-rata normali, Ryanair kellha tkun responsabbli, matul il-perjodu mit-30 ta’ Marzu 2009 sal-1 ta’ Marzu 2011, li tħallas ammont ta' EUR […] (*1) (11) bħala taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru. Dan huwa EUR […] (*1) inqas mill-ammont effettivament imħallas (ara t-Tabella 2). Ryanair għaldaqstant targumenta li hija ma gawdiet l-ebda benefiċċju mit-taxxa aktar baxxa, iżda li pjuttost ġarrbet żvantaġġ.

4.3.   Osservazzjonijiet mill-Irlanda dwar il-kummenti mill-partijiet terzi

(40)

Fit-13 ta’ Jannar 2012, l-awtoritajiet Irlandiżi taw il-fehmiet tagħhom dwar il-kummenti ta’ Ryanair: L-ewwel nett, huma ma jaqblux mad-deskrizzjoni tat-taxxa ta’ Ryanair, peress li fil-fehma tagħhom it-taxxa hija essenzjalment taxxa fuq il-konsumatur u r-rata ta’ taxxa aktar baxxa ma kienet tat l-ebda vantaġġ lil-linji tal-ajru. It-tieni, huma ma jistgħux jaraw kif Ryanair tista’ tkun il-parti l-aktar affettwata direttament u negattivament mir-rata aktar baxxa, b'mod partikolari billi din tirrappreżenta [56-63] (*1) % tal-passiġġieri li jinġarru fuq titjiriet suġġetti għar-rata aktar baxxa. It-tielet, ma hemmx bażi għall-affermazzjoni li r-rata tat-taxxa aktar baxxa tfasslet biex tappoġġja lil Aer Arann. L-awtoritajiet Irlandiżi ma kellhom l-ebda operatur partikolari f’moħħhom huma u jfasslu t-taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru. Ir-raba', ma hemm l-ebda loġika fl-argument ta’ Ryanair li r-rata ogħla ta’ EUR 10 ma għandhiex titqies bħala r-rata normali ta' taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru. Taħt is-sistema fiskali fuq żewġ livelli, ir-rata ogħla kienet tapplika għal bejn 85 % u 90 % tat-tluq kollu. L-awtoritajiet Irlandiżi reġgħu tennew li huma kienu taw permess għal deroga mir-rata standard ta’ EUR 10 biex jintroduċu element ta' proporzjonalità fil-livell tat-taxxa relatata mad-distanza.

5.   VALUTAZZJONI

5.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(41)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, “kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

Selettività

(42)

Biex taqa’ taħt l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, miżura trid għalhekk tkun selettiva (12). Filwaqt li tistabbilixxi jekk miżura hijiex selettiva, jeħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa jekk il-miżura tiffavorixxix “ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn li, fid-dawl tal-għan segwit minn dak ir-reġim, huma f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (13). Skont il-ġurisprudenza stabbilita (14), miżura fiskali hija prima facie selettiva jekk din tikkostitwixxi devjazzjoni mill-applikazzjoni normali tal-qafas fiskali ġenerali.

(43)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni għalhekk għandha tidentifika s-sistema fiskali ta’ referenza rilevanti. Fir-rigward tat-tassazzjoni, il-Kummissjoni tinnota li, fil-prinċipju, id-definizzjoni tas-sistema tat-tassazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Fit-tfassil tas-sistema tat-tassazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet Irlandiżi għażlu li jiddefinixxu l-avveniment tat-taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru bħala t-tluq ta’ passiġġier fuq inġenju tal-ajru minn ajruport li jinsab fl-Irlanda. Is-sistema ta’ referenza hija għalhekk it-tassazzjoni ta' passiġġieri tal-ajru li jitilqu fuq inġenju minn ajruport fl-Irlanda. L-għan ta’ din is-sistema huwa li jinġabar id-dħul għall-baġit tal-Istat. Il-konklużjoni li s-sistema ta’ referenza hija t-tassazzjoni ta’ passiġġieri tal-ajru li jitilqu minn ajruport li jinsab fl-Irlanda kienet ikkonfermata mill-awtoritajiet Irlandiżi fir-risposta tagħhom għall-kummenti tal-parti terza.

(44)

It-tieni nett, skont il-ġurisprudenza stabbilita (15), il-Kummissjoni trid tiddetermina jekk il-miżura fiskali kkonċernata tikkostitwixxix deroga mis-sistema ta’ referenza identifikata.

(45)

Ryanair targumenta li r-rata aktar baxxa ta’ EUR 2, jew alternattivament ir-rata unika ta' EUR 3 li kienet introdotta fl-1 ta' Marzu 2011, għandha titqies bħala r-rata normali fis-sistema fiskali tal-ivvjaġġar bl-ajru. Madankollu, minbarra ċerti destinazzjonijiet lejn il-Punent tar-Renju Unit, ir-rata aktar baxxa applikat biss għal destinazzjonijiet domestiċi u, skont l-awtoritajiet Irlandiżi, applikat biss għal madwar 10-15 % tat-titjiriet kollha li kienu soġġetti għat-taxxa. Għaldaqstant ma tistax titqies bħala r-rata normali tat-taxxa. Rigward ir-rata ta’ EUR 3, ma kinitx fis-seħħ fiż-żmien li għalih din id-Deċiżjoni tirrelata u għalhekk ma tistax titqies bħala r-rata normali tas-sistema fiskali tal-ivvjaġġar bl-ajru ta’ dak iż-żmien. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-rata ogħla ta’ EUR 10 kienet ir-rata normali tas-sistema ta' referenza, filwaqt li r-rata mnaqqsa ta’ EUR 2, li kienet applikabbli għal kategorija delimitata sew ta’ titjiriet, kienet eċċezzjoni mis-sistema ta’ referenza.

(46)

It-tielet, il-Kummissjoni trid teżamina jekk dawn l-eċċezzjonijiet humiex iġġustifikati bin-“natura jew bl-iskema ġenerali tas-sistema (16)" fl-Istat Membru. Jekk dak ikun il-każ, il-miżura ma titqiesx li tagħti vantaġġ selettiv u għalhekk ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.F'dak il-kuntest, ta' min jinnota li, skont il-ġurisprudenza (17), huma l-prinċipji bażiċi u ta’ gwida tas-sistema ta' referenza li huma rilevanti, u mhux dawk tal-miżura inkwistjoni.

(47)

Skont l-awtoritajiet Irlandiżi r-rata aktar baxxa ġiet introdotta biex iżżid element ta’ proporzjonalità fil-livell tat-taxxa relatata mad-distanza tat-titjira. Il-Kummissjoni tqis li r-raġunament mhuwiex relatat mal-prinċipji bażiċi u ta’ gwida tas-sistema fiskali nnifisha, iżda pjuttost ma’ dawk tad-deroga nnifisha. L-istruttura u n-natura oġġettiva tat-taxxa ma kinux relatati mad-distanza tat-titjira, iżda mal-fatt tat-tluq minn ajruport Irlandiż. Il-konnessjoni mal-awtorità fiskali, l-avveniment taxxabbli (tluq minn ajruport Irlandiż) u l-esternalitajiet negattivi għas-soċjetà Irlandiża ta' passiġġieri li jitilqu minn ajruport Irlandiż (pereżempju, l-istorbju u t-tniġġis) kienu preċiżament l-istess kienet x’kienet id-destinazzjoni tat-titjira u d-distanza koperta. L-operaturi tal-ajru kkonċernati kienu għalhekk fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali identika rigward dak l-għan.

(48)

Barra minn hekk, is-sistema fiskali mhijiex karatterizzata minn differenzjar artikolat fil-livell tat-taxxa fir-rigward tat-tul attwali tat-titjiriet. L-ewwel nett, ir-rata tat-taxxa ma kinitx applikabbli fuq il-bażi tat-tul attwali tat-titjira, iżda fuq il-bażi tad-distanza bejn l-ajruport ta’ Dublin u d-destinazzjoni, kien x’kien il-post minn fejn sar it-tluq attwali. It-tieni nett, is-sistema fiskali tiffissa biss żewġ rati: waħda għal titjiriet b’distanza qasira ħafna mill-ajruport ta’ Dublin u l-oħra għat-titjiriet l-oħrajn kollha.

(49)

Barra minn hekk, anki jekk ir-raġuni għad-deroga kienet fin-natura u fil-loġika tal-prinċipji tas-sistema fiskali tal-ivvjaġġar bl-ajru, il-Qorti stqarret li benefiċċju jrid ikun konsistenti mhux biss mal-karatteristiċi inerenti tas-sistema fiskali inkwistjoni iżda wkoll mal-mod ta’ kif il-benefiċċju jiġi implimentat (18). Kif imsemmi fil-premessa 47, is-sistema fiskali ma kinitx de facto tiżgura rati proporzjonati fir-rigward tat-tul attwali tat-titjiriet, billi r-rata applikabbli kienet iffissata fuq il-bażi tad-distanza bejn l-ajruport ta’ Dublin u d-destinazzjoni, kien x’kien il-post minn fejn sar it-tluq attwali u billi żewġ rati biss kienu applikabbli: waħda għal titjiriet b’distanza qasira ħafna mill-ajruport ta’ Dublin u l-oħra għat-titjiriet l-oħrajn kollha. Il-prezz tal-biljetti għad-destinazzjonijiet domestiċi mhux neċessarjament orħos minn dak ta’ titjiriet lejn destinazzjonijiet oħra fl-Unjoni. Il-miżura għalhekk ma setgħetx tikseb l-għan tagħha li tiżgura l-proporzjonalità ta’ tassazzjoni fir-rigward tad-distanza tat-titjira. F'dan il-każ, la l-awtoritajiet Irlandiżi u lanqas il-partijiet terzi ma argumentaw li l-effett tad-deroga kien li l-livell tat-taxxa de facto kien proporzjonali mad-distanza. Għall-kuntrarju, l-awtoritajiet Irlandiżi jirrikonoxxu li ma kien hemm l-ebda korrelazzjoni perfetta bejn id-distanza u r-rata tat-taxxa.

(50)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma tara l-ebda raġuni għalfejn għandha tbiddel l-opinjoni preliminari tagħha li r-rata aktar baxxa ma kinitx fil-loġika u fl-iskema ġenerali tas-sistema fiskali tal-ivvjaġġar bl-ajru. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-miżura hija selettiva u mhux ġustifikata min-natura u l-loġika tas-sistema.

Vantaġġ

(51)

In-nefqa għat-taxxi tikkostitwixxi spejjeż li normalment jitħallsu minn impriża.

(52)

L-applikazzjoni tat-taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru tista’ taffettwa d-dħul tal-linji tal-ajru li jkollhom iħallsu dik it-taxxa, billi jżidu l-prezzijiet tal-biljetti li huma kapaċi joffru lill-klijenti tagħhom jew billi jnaqqsu l-marġni fuq kull biljett li jbiegħu, meta l-linji tal-ajru jiddeċiedu li ma jgħaddux it-taxxa lill-klijenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti stqarret li “ġaladarba t-taxxi tal-ajruport direttament u awtomatikament jinfluwenzaw il-prezz tal-vjaġġ, id-differenzi fit-taxxi li għandhom jitħallsu mill-passiġġieri se jkunu awtomatikament riflessi fl-ispejjeż tat-trasport, u għalhekk, […], l-aċċess għat-titjiriet domestiċi se jiġi ppreferut fuq l-aċċess għat-titjiriet intra-Komunitarji(19).

(53)

Rata mnaqqsa għal ċertu tip ta’ titjiriet għalhekk ikollha inqas effett mir-rata normali fuq l-operaturi tal-linji tal-ajru li joffru dak it-tip ta' titjiriet. Dawk l-operaturi tal-linji tal-ajru jinħelsu minn spiża li normalment ikollhom iġorru, u għaldaqstant ikollhom spiża iżgħar biex jgħaddu lill-klijenti tagħhom jew biex jassumu huma stess.

(54)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-rata ta’ taxxa iktar baxxa tat vantaġġ lill-operaturi tal-linji tal-ajru li jaqdu r-rotot li għalihom kienet tapplika dik ir-rata. L-ispiża iżgħar li kellhom jgħaddu lill-klijenti tagħhom jew li kellhom jassumu kienet tirrappreżenta direttament ir-riżorsi finanzjarji li dawk l-operaturi setgħu jekonomizzaw u għalhekk is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom tjiebet meta mqabbla ma’ dik ta’ operaturi tal-linji tal-ajru oħra li jikkompetu fis-suq tat-trasport bl-ajru. Il-vantaġġ jikkorrispondi mad-differenza bejn ir-rata aktar baxxa ta’ EUR 2 u r-rata normali ta' taxxa ta' EUR 10 matul il-perjodu bejn it-30 ta’ Marzu 2009 u l-1 ta’ Marzu 2011. Il-Kummissjoni tinnota li t-titjiriet li għalihom kienet tapplika r-rata mnaqqsa kienu prinċipalment imħaddma minn operaturi tal-ajru b’rabta qawwija mal-Irlanda (Aer Lingus, Aer Arann u Ryanair twaqqfu fl-Irlanda u għad għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom hemmhekk). Għalhekk, ir-rata mnaqqsa de facto kienet tagħti vantaġġ lill-operaturi tal-linji tal-ajru Irlandiżi meta mqabbla ma’ operaturi oħra fl-Unjoni.

(55)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument ta’ Ryanair li l-vantaġġ kien limitat għad-differenza bejn ir-rata aktar baxxa u r-rata ta’ EUR 3 li ġiet introdotta fl-1 ta’ Marzu 2011. Tali rata ma kinitx tapplika fl-istess ħin bħar-rata aktar baxxa u jekk vantaġġ huwa definit f’sistema b'rata waħda ta’ taxxa iktar baxxa u rata waħda għolja, l-applikazzjoni ta' punt ta’ riferiment li huwa stabbilit x’imkien bejn dawk ir-rati ma taqbadx il-vantaġġ kollu li kien hemm.

(56)

Ryanair targumenta wkoll li hija bbenefikat inqas mir-rata ta’ taxxa aktar baxxa minn, pereżempju, Aer Arann, billi l-biċċa l-kbira tat-titjiriet tagħha huma għal destinazzjonijiet li għalihom kienet tapplika r-rata ogħla. Madankollu, il-vantaġġ li jinbet mill-applikazzjoni tar-rata tat-taxxa aktar baxxa ta' EUR 2 huwa d-differenza bejn dik ir-rata u r-rata standard ta’ EUR 10. Fl-applikazzjoni tar-rata aktar baxxa għal ċerti titjiriet, Ryanair, bħal kull linja tal-ajru oħra li topera titjiriet li għalihom applikat dik ir-rata, kellha vantaġġ li jikkorrispondi għad-differenza bejn iż-żewġ rati.

(57)

L-awtoritajiet Irlandiżi jargumentaw li t-taxxa kienet maħsuba biex tingħadda lill-passiġġieri u, għalhekk, l-ebda vantaġġ ma kien jeżisti fil-livell tal-operaturi tal-linji tal-ajru. F'dak il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li tnaqqis mir-rata normali ta' taxxa speċifikata jista’ jagħti vantaġġ selettiv lill-operatur tal-linja tal-ajru li huwa responsabbli li jħallas ir-rata mnaqqsa anki f'sitwazzjonijiet fejn ikun hemm rekwiżit legali biex it-taxxa inkwistjoni tingħadda lill-klijenti (20). Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, f’dan il-każ, ma kien hemm l-ebda mekkaniżmu li jiżgura li t-taxxa ġiet mgħoddija fil-verità, iżda li kien l-operatur tal-linja tal-ajru li kellu jiddeċiedi dwar kif u jekk it-taxxa kellhiex tingħadda lill-passiġġieri. Fl-ilment tiegħu, l-ilmentatur attwalment argumenta bil-kuntrarju, jiġifieri li ma setax jgħaddi l-ispiża tat-taxxa lill-klijenti tiegħu billi jekk jagħmel hekk kien jinħoloq effett sproporzjonat fuq il-prezzijiet tal-biljetti tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-awtoritajiet Irlandiżi li ma kien hemm l-ebda vantaġġ fil-livell tal-operaturi tal-linji tal-ajru: dawk li setgħu jużaw ir-rata tat-taxxa aktar baxxa għal ċerti titjiriet kellhom spiża aktar baxxa minn ta’ oħrajn biex jgħaddu lill-klijenti tagħhom. Dan huwa wkoll konformi mal-prattika tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ miżuri ta' għajnuna li ġejjin minn dazju tas-sisa (21), li skonthom eżenzjonijiet minn dazji bħal dawn instabu li jipprovdu vantaġġ lill-operatur tal-linja tal-ajru li huwa obbligat li jħallas it-taxxa, minkejja l-fatt li dik l-entità tista' tagħżel li tgħaddi l-ispejjeż lill-klijenti.

(58)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rata ta’ taxxa iktar baxxa tat vantaġġ lil ċerti operaturi tal-linji tal-ajru. Il-vantaġġ jikkorrispondi mad-differenza bejn ir-rata aktar baxxa ta’ EUR 2 u r-rata normali ta' taxxa ta' EUR 10 matul il-perjodu bejn it-30 ta’ Marzu 2009 u l-1 ta’ Marzu 2011. It-titjiriet li għalihom kienet tapplilka r-rata aktar baxxa kienu prinċipalment imħaddma mil-linji tal-ajru b'rabta qawwija mal-Irlanda (Aer Lingus, Aer Arann u Ryanair). Għalhekk, ir-rata mnaqqsa tat vantaġġ lill-operaturi tal-linji tal-ajru Irlandiżi meta mqabbla ma’ operaturi oħra fl-Unjoni.

Riżorsi tal-Istat u l-imputabilità

(59)

Il-fatt li l-awtoritajiet Irlandiżi ppermettew l-applikazzjoni ta’ rata ta’ taxxa iktar baxxa minn dik normali jirriżulta f'telf ta' dħul mit-taxxa għall-Istat li kien għalhekk iffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat. Billi r-rata aktar baxxa kienet ġiet deċiża mill-awtoritajiet nazzjonali, il-miżura hija imputabbli lill-Istat.

L-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri

(60)

B'paragun mal-kompetituri tagħhom, l-operaturi tal-linji tal-ajru li bbenefikaw mir-rata aktar baxxa nħelsu mill-ispejjeż li altrimenti kien ikollhom iħallsu huma stess jew li kien ikollhom jgħaddu lill-klijenti tagħhom. Għalhekk, ir-rata aktar baxxa ta' taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru tejbet is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jikkompetu fis-suq tat-trasport bl-ajru u b'hekk inħolqot distorsjoni jew riskju ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni.

(61)

Meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jikkompetu fil-kummerċ ġewwa l-Unjoni, dawn tal-aħħar iridu jitqiesu bħala affettwati minn dik l-għajnuna (22). Huwa biżżejjed li r-riċevitur tal-għajnuna jikkompeti ma’ intrapriżi oħra fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni (23). Is-settur tat-trasport bl-ajru huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni intensiva bejn l-operaturi minn Stati Membri differenti, b’mod partikolari mid-dħul fis-seħħ tat-tielet stadju tal-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru (“it-tielet pakkett”) fl-1 ta’ Jannar 1993, jiġifieri bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar liċenzjar ta' air carriers (24), ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta’ Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji (25) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2409/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar nollijiet u rati għal servizzi tal-ajru (26). Ir-rata mnaqqsa kienet għalhekk kapaċi taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri billi saħħet il-pożizzjoni ta’xi operaturi tal-linji tal-ajru li jikkompetu f'suq li huwa liberalizzat għal kollox fil-livell tal-Unjoni.

(62)

Billi l-kriterji kollha fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma sodisfatti, il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lill-operaturi tal-linji tal-ajru kollha li joperaw titjiriet li jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa.

5.2.   Legalità

(63)

Billi naqsu milli jinnotifikaw il-miżura qabel l-implimentazzjoni tagħha, l-awtoritajiet Irlandiżi ma ssodisfawx l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Il-miżura ta’ għajnuna għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali.

5.3.   Kompatibbiltà tal-għajnuna mat-Trattat

(64)

Skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, għajnuna tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern jekk timmira li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, fejn għajnuna bħal din ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Peress li l-għajnuna kienet tikkostitwixxu għajnuna operattiva, filwaqt li naqqset l-infiq kurrenti ta' ċerti operaturi tal-linji tal-ajru, hija, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, fil-prinċipju, inkompatibbli mas-suq intern (27). L-għajnuna ma taqa' fl-ebda kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi Linji Gwida dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat maħruġa mill-Kummissjoni f'dan il-kuntest. B’mod partikolari, mhijiex koperta mil-Linji Gwida tal-Komunità dwar il-finanzjament ta’ ajruporti u għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (28), billi mhijiex marbuta mal-bidu ta' ċerti rotot. L-awtoritajiet Irlandiżi ma argumentawx jew ma pprovdew l-ebda informazzjoni li turi li l-għajnuna tista’ titqies bħala kompatibbli skont il-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (29). Għall-kuntrarju, dawn għamluha ċara li l-għan tat-taxxa huwa li jiżdied id-dħul u mhux għall-ħarsien tal-ambjent. Il-fatt li t-taxxa inkwistjoni ma fiha l-ebda rabta ċara jew proporzjonali mat-tnaqqis tal-użu tal-enerġija, mat-tniġġis jew mal-emissjonijiet ta’ gass, jew mal-livelli tal-ħsejjes, eċċ., jappoġġja dan ir-raġunament. Għalhekk, il-Kummissjoni ma ssibx li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

(65)

L-għajnuna inkwistjoni ma taqax taħt xi eżenzjoni oħra speċifikata fl-Artikolu 107(2) jew (3) tat-Trattat.

(66)

Barra minn hekk, anki jekk l-għajnuna kienet kompatibbli ma xi waħda mill-eċċezzjonijiet speċifikati skont l-Artikolu 107(2) jew (3) tat-Trattat, li mhuwiex il-każ, il-Qorti stqarret li l-proċedura skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat ma għandha qatt tipproduċi riżultat li jkun kuntrarju għal dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Il-Qorti sostniet ukoll li dawk l-aspetti ta’ għajnuna li jmorru kontra dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat, barra mill-Artikoli 107 u 108, jistgħu jkunu tant marbutin b’mod li ma jinħallx mis-suġġett tal-għajnuna, li jkun impossibbli li jiġu evalwati b’mod separat (30). F’dan il-każ partikolari, kif deskritt fil-premessa 10, ir-rati differenzjati kienu suġġetti għal investigazzjoni mill-Kummissjoni, li sabet li huma kienu qed jiksru r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u l-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, minħabba li d-differenzjar impona kundizzjonijiet aktar onerużi fuq it-tħaddim ta' servizzi tal-ajru ġewwa l-Unjoni minn dawk imposti fuq is-servizzi domestiċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat espliċitament f’każijiet li jikkonċernaw taxxi tal-ajruport li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma wkoll applikabbli għas-settur tat-trasport (31). F'dan il-każ, l-għajnuna mill-Istat tirriżulta mid-differenzjar innifsu fir-rati tat-taxxa. Peress li t-taxxa u l-għajnuna jikkostitwixxu żewġ elementi tal-istess miżura fiskali unika, dawn huma inseparabbli (32) u għalhekk l-għajnuna mill-Istat ma tistax tingħata mingħajr ma tkun bi ksur tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi. Konsegwentement, l-għajnuna ma tkunx tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mat-Trattat fl-ebda każ għaliex tkun inevitabbilment qed tikser id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u l-Artikolu 56 tat-Trattat.

(67)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna ma tistax titqies kompatibbli mat-Trattat.

6.   KONKLUŻJONI

(68)

Il-Kummissjoni tqis li r-rata aktar baxxa ta’ taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru għal titjiriet lejn destinazzjoni li tinsab mhux aktar minn 300 km mill-ajruport ta’ Dublin previsti permezz tat-Taqsima 55(2) tal-Att Finanzjarju (Nru 2), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(b) tiegħu, għall-perjodu mit-30 ta' Marzu 2009 sal-1 ta' Marzu 2011 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. L-Irlanda implimentat illegalment dik l-għajnuna mill-Istat bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(69)

L-għajnuna mill-Istat ma hi konformi mal-ebda deroga kif previst fl-Artikolu 107(2) u (3) tat-Trattat. Billi l-ebda raġunijiet oħra għall-kompatibbiltà ma jistgħu jiġu previsti għall-miżura kkonċernata, din hija inkompatibbli mas-suq intern.

(70)

L-għajnuna mill-Istat tammonta għad-differenza bejn ir-rata aktar baxxa tat-taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru u r-rata standard ta’ EUR 10 (jiġifieri, EUR 8 għal kull passiġġier) imposta fuq kull passiġġier. Dan jikkonċerna t-titjiriet kollha operati b’inġenji tal-ajru kapaċi jġorru aktar minn 20 passiġġier u mhux użati għall-finijiet tal-Istat jew militari, li jitilqu minn ajruport b'aktar minn 10 000 passiġġier fis-sena għal destinazzjoni li tinsab mhux aktar minn 300 km mill-ajruport ta’ Dublin. Il-benefiċjarji huma Ryanair, Aer Lingus, Aer Arann u trasportaturi bl-ajru oħrajn li għandhom jiġu identifikati mill-Irlanda.

(71)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, meta jittieħdu Deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-Istat Membru kkonċernat jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji. L-Irlanda għandha għalhekk tintalab li tirkupra l-għajnuna inkompatibbli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ livell aktar baxx ta’ rata ta’ taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru applikabbli għal titjiriet operati b’inġenji tal-ajru kapaċi jġorru aktar minn 20 passiġġier u mhux użati għall-finijiet tal-Istat jew militari, li jitilqu minn ajruport b'aktar minn 10 000 passiġġier fis-sena għal destinazzjoni li tinsab mhux aktar minn 300 km mill-ajruport ta’ Dublin bejn it-30 ta' Marzu 2009 u l-1 ta’ Marzu 2011, bl-applikazzjoni tat-Taqsima 55 tal-Att Finanzjarju (Nru. 2) 2008, li ġiet implimentata illegalment mill-Irlanda bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

Għajnuna individwali mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxix għajnuna jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti b’Regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (33).

Artikolu 3

L-għajnuna individwali li tingħata taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 li, fil-ħin li tingħata, tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati minn Regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 jew minn Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova skema tal-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern, sal-intensitajiet massimi tal-għajnuna applikabbli għal dan it-tip ta' għajnuna.

Artikolu 4

1.   L-Irlanda għandha tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji.

2.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom iġibu imgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sakemm ikunu ġew fil-fatt irkuprati.

3.   L-interessi għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (34).

Artikolu 5

1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 għandu jikun immedjat u effettiv.

2.   L-Irlanda għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, l-Irlanda għandha tippreżenta l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-lista ta’ benefiċjarji li rċevew l-għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali tal-għajnuna riċevuta minn kull wieħed minnhom taħt l-iskema;

(b)

l-ammont totali (kapital u mgħaxijiet ta' rkupru) li għandu jiġi rkuprat minn kull benefiċjarju;

(c)

deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(d)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati li jħallsu lura l-għajnuna.

2.   L-Irlanda għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex tkun implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema imsemmija fl-Artikolu 1 ikun ġie komplut. Hija għandha tibgħat minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma' din id-Deċiżjoni. Għandha Hija tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax ta’ rkupru li diġà ġew irkuprati mill-benefiċjarji.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Magħmul fi Brussel, il-25 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)   ĠU C 306, 18.10.2011, p. 10.

(2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(3)  Inġenji tal-ajru li huma kapaċi jġorru inqas minn 20 passiġġier u l-inġenji tal-ajru użati għall-finijiet tal-Istat jew militari huma esklużi mill-kamp tal-applikazzjoni tat-taxxa. L-istess japplika għat-tluq minn ajruporti b’inqas minn 10 000 passiġġier fis-sena.

(4)  Kull operatur tal-linja tal-ajru responsabbli li jħallas it-taxxa jrid jirreġistra mas-servizz tad-Dħul u jrid, fi żmien 20 jum jew tali perjodu ieħor li s-servizz tad-Dħul jista' jiddetermina, iforni s-Servizz tad-dħul b'ritorn li juri l-għadd ta' tluq ta’ passiġġieri matul ix-xahar ta’ qabel.

(5)   ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.

(6)  Fil-kuntest tal-proċedura ta’ ksur, il-Kummissjoni bagħtet l-avviż formali tagħha b’ittra tat-18 ta’ Marzu 2010, li fiha ħadet il-pożizzjoni li l-Irlanda bid-differenzjazzjoni fir-rati tat-taxxa fuq l-ivvjaġġar bl-ajru naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u l-Artikolu 56 tat-Trattat. Wara l-ittra ta’ avviż formali, l-awtoritajiet Irlandiżi emendaw is-sistema tat-taxxa.

(7)  Ara pereżempju s-sentenzi fil-Kawża C-88/2003, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, [2006] Ġabra I-7115, il-paragrafu 56, u fil-Kawża C-487/2006 P British Aggregates vs Il-Kummissjoni [2008] Ġabra I -10505, il-paragrafi 81-83.

(8)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 08 Volum 01 p. 339).

(9)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(*1)  minħabba sigriet tan-negozju, qed tintuża firxa.

(10)  Esklużivament ġewwa l-Unjoni.

(11)  EUR 3 immultiplikati b’[…] (*1) passiġġier

(12)  Ara l-Kawża C-66/02, L-Italja v Il-Kummissjoni [2005] Ġabra I-10901, il-paragrafu 94.

(13)  Ara pereżempju l-Kawżi C-143/99 Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke [2001] Ġabra I-8365, il-paragrafu 41, C-308/01 GIL Insurance u oħrajn [2004] Ġabra I-4777, il-paragrafu 68, u C-172/03 Heiser [2005] Ġabra I-1627, il-paragrafu 40, C-88/03 Il-Portugall [2006] Ġabra I-7115, il-paragrafu 54; u C-169/08 Presidente del Consiglio dei Ministri v Regione Sardegna [2009] ECR I10821, il-paragrafu 61.

(14)  Ara pereżempju s-sentenzi fil-Kawża T-210/02, RENV British Aggregates Association v Il-Kummissjoni, [2006] Ġabra II-2789, il-paragrafu 107, u l-Kawżi C-88/03 Il-Portugall, il-paragrafu 56, u C-487/06 P British Aggregates [2008], il-paragrafi 81-83.

(15)  Ara n-nota 13 ta’ qiegħ il-paġna hawn fuq.

(16)  Ara pereżempju l-Kawża C-173/73 L-Italja v Il-Kummissjoni [1974] Ġabra-709, kif ukoll il-punt 13 et seq. tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett, ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 08 Volum 01 p. 277)

(17)  Ara pereżempju s-sentenzi fil-Kawżi konġunti C-78/08 sa C-280/08 Amministrazione delle finanze Agenzia delle Entrate V Paint Graphos scarl Adige Carni scrl, f'likwidazzjoni, v Ministero dell’Economia e delle Finanze, Agenzia delle Entrate u Ministero delle Finanze vs Michele Franchetto, mhux irrappurtati, partikolarment il-paragrafu 69, kif ukoll fil-Kawża T-210/02, il-paragrafu 107.

(18)  Ara pereżempju s-sentenza fil-Kawżi Konġunti C78-C-80/08, il-paragrafu 73.

(19)  Ara pereżempju l-Kawża C-92/01 Georgios Stylianakis v Elliniko Dimosio [2003] Ġabra I-1291, il-paragrafu 28, u Kawża C-70/99 Il-Kummissjoni vs Il-Portugall [2001] Ġabra I-4845, il-paragrafu 20.

(20)  Ara pereżempju l-Kawża C-143/99, b'mod partikolari l-paragrafi 5, 54 u 55.

(21)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 754 dwar il-Kawża ta’ għajnuna mill-Istat N 892/2006 – FI – Emenda għall-iskema tat-taxxa tal-enerġija differenzjata, ĠU C 109, 15.5.2007, p. 1; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 2416/2 dwar il-Kawża N 775/2006 – DE – Rati ta’ taxxa mnaqqsa għall-industrija tal-manifattura, tal-agrikoltura u tal-forestrija, eċċ., ĠU C 152, 6.7.2007, p. 3; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 1815/3 dwar il-Kawża N 190/A/2005 – UK – Modifikazzjoni ta’ imposta tat-tibdil fil-klima, ĠU C 146, 22.6.2006, p. 8; u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 8093/2 dwar il-Kawża N 327/2008 – DK – tnaqqis tat-taxxa għal kumpaniji kbar li jniġġsu u dawk li jnaqqsu t-tniġġis, u t-tnaqqis tat-taxxa għall-bijogass u l-bijomassa, ĠU C 166, 25.6.2010, p. 1.

(22)  Ara, b’mod partikolari, il-Kawża 730/79 Philip Morris v il-Kummissjoni [1980] Ġabra 2671, il-paragrafu 11, il-Kawża C-53/00 Ferring [2001] Ġabra I-9067, il-paragrafu 21; u l-Kawża C-372/97 l-Italja v Il-Kummissjoni, [2004] Ġabra I-3679, il-paragrafu 44.

(23)  Il-Kawża T-214/95 Het Vlaamse Gewest v Il-Kummissjoni [1998] Ġabra II-717.

(24)   ĠU L 240, 24.8.1992, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 06 Volum 02 p. 3).

(25)   ĠU L 240, 24.8.1992, p 8 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 07 Volum 001 p. 420).

(26)   ĠU L 240, 24.8.1992, p 15 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 07 Volum 001 p. 427).

(27)   Il-Kawża T-459/93 Siemens SA vs Il-Kummissjoni Ġabra [1995] II-1675, il-paragrafu 48. Ara wkoll is-sentenza fil-Kawża T-396/08 Freistaat Sachsen et Land Sachsen-Anhalt v il-Kummissjoni [2010] Ġabra (appellata), il-punti 46-48, il-Kawża C-156/98 il-Ġermanja v il-Kummissjoni [1980] Ġabra I-6857, il-paragrafu 30, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

(28)   ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1.

(29)   ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

(30)  Ara pereżempju s-sentenzi fil-Kawżi C-225/91 Matra v Il-Kummissjoni [1993] Ġabra I-3203, il-paragrafu 41, u T- 156/98 RJB Mining v Il-Kummissjoni (2001) Ġabra II-337, il-paragrafu 112, u l-ġurisprudenza ċċitata fih.

(31)  Ara l-Kawżi C-92/01, Georgios Stylianakis v Elliniko Dimosio, il-paragrafu 23, u C-70/99 il-Kummissjoni v Il-Portugall [2001] Ġabra I-4845, il-paragrafu 27 u 28, kif ukoll il-Kawża C-49/89 Corsica Ferries France v Direction Générale des Douanes Françaises [1989] Ġabra 4441, il-paragrafu 10.

(32)  Il-Kawża C-526/04, Laboratoires Boiron v ACOSS, [2006] Ġabra I-7529, il-paragrafu 45.

(33)   ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 08 Volum 01 p. 312).

(34)   ĠU L 140, 30.4.2004, p 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 08 Volum 04 p. 3).