30.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta’ Ottubru 2010

dwar l-għajnuna mill-Istat Nru C 15/08 (ex N 318/07, N 319/07, N 544/07 u N 70/08) li l-Italja qed tippjana li tagħti lill-impriża Cantiere Navale De Poli

(notifikata bid-dokument C(2010) 7253)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/197/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom skont l-imsemmija dispożizzjonijiet (1) u wara li rat il-kummenti mibgħuta,

Billi:

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

B’ittri tas-6 ta’ Ġunju 2007, tal-24 ta’ Settembru 2007 u tas-6 ta’ Frar 2008, l-Italja nnotifikat it-talbiet għal estensjoni tat-terminu għall-konsenja ta’ tliet snin ta’ erba’ tankers tal-kimiċi (imsejħa C 241, C 242, C 243 u C 244) li kellhom jinbnew mill-Cantiere Navale De Poli (minn hawn ’il quddiem “De Poli” jew “it-tarzna”) (2). B’mod partikolari, l-Italja talbet estensjoni tat-terminu għall-konsenja ta’ tmien xhur għall-bastiment C 241, ta’ sitt xhur għall-bastiment C 242, ta’ disa’ xhur għall-bastiment C 243 u ta’ għaxar xhur għall-bastiment C 244.

(2)

In-notifiki kienu jirreferu għall-għajnuna mogħtija mill-Italja lil De Poli taħt l-iskema nazzjonali ta’ għajnuna N 59/2004, li kienet approvata mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Mejju 2004 (3) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1177/2002 tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jikkonċerna mekkaniżmu difensiv temporanju għall-bini ta’ bastimenti (4), emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 502/2004 (5) (minn hawn ’il quddiem rispettivament “l-iskema Taljana” u “ir-Regolament dwar il-mekkaniżmu difensiv temporanju”).

(3)

B’ittri tal-31 ta’ Lulju 2007, tal-31 ta’ Awwissu 2007, tas-7 ta’ Settembru 2007, tat-12 ta’ Novembru 2007 u tal-25 ta’ Jannar 2008, l-Italja pprovdiet informazzjoni addizzjonali dwar in-notifiki lill-Kummissjoni.

(4)

B’ittra tas-16 ta’ April 2008, il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Taljani d-deċiżjoni li tagħti bidu għall-proċedura skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (6) fir-rigward tat-talbiet għal estensjoni nnotifikati. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċedura kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropa (7). Il-partijiet interessati ġew mistiedna jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar dan.

(5)

L-Italja ppreżentat kummenti dwar id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura b’ittra tas-16 ta’ Ġunju 2008, irreġistata fis-17 ta’ Ġunju 2008. Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti ta’ De Poli b’ittra li anki hija kienet iġġib id-data tas-16 ta’ Ġunju 2008 u li kienet irreġistrata fis-17 ta’ Ġunju 2008. L-Italja ppreżentat informazzjoni addizzjonali b’ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, li kienet irreġistrata dakinhar stess, u b’ittra tad-29 ta’ Ottubru 2008, irreġistrata fit-3 ta’ Novembru 2008.

(6)

B’ittra tal-15 ta’ Lulju 2008, irreġistrata fit-22 ta’ Lulju 2008, l-Italja talbet it-tieni estensjoni tat-terminu għall-konsenja ta’ tnejn mill-bastimenti, jiġifieri: sat-30 ta’ Settembru 2008 għall-bastiment C 242 u sat-30 ta’ Settembru 2008 għall-bastiment C 244.

(7)

B’ittra tal-20 ta’ Jannar 2009, irreġistrata fit-22 ta’ Jannar 2009, l-Italja talbet it-tielet estensjoni tat-terminu għall-konsenja, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2008 għall-bastiment C 242 u sat-28 ta’ Frar 2009 għall-bastiment C 243. B’ittra tal-14 ta’ April 2009, irreġistrata fil-15 ta’ April 2009, l-Italja talbet estensjoni oħra (ir-raba’ waħda) tat-terminu għall-konsenja, jiġifieri st-30 ta’ Ġunju 2009 għall-bastiment C 242, sat-30 ta’ Settembru 2009 għall-bastiment C 243 u sat-30 ta’ Novembru 2009 għall-bastiment C 244.

(8)

B’ittra tat-8 ta’ Mejju 2009, irreġistrata dakinhar stess, il-Kummissjoni talbet lill-Italja informazzjoni addizzjonali, li ġiet solleċitata permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Ġunju 2009. L-Italja rrispondiet b’ittra tat-23 ta’ Settembru 2009 (8) fejn kulma għamlet kien li informat lill-Kummissjoni li De Poli kienet daħlet fi ftehim mal-kredituri (concordato preventivo) (9).

(9)

B’ittra tat-28 ta’ Jannar 2010, irreġistrata fl-1 ta’ Frar 2010, l-Italja formalment irtirat it-talbiet għal estensjoni ppreżentati għall-bastimenti C 242 u C 243 (10).

(10)

Permezz ta’ ittra elettronika tat-2 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni talbet lill-Italja biex tiċċara l-istatus tan-notifiki dwar il-bastimenti C 241 u C 244.

(11)

Permezz ta’ ittra elettronika tal-10 ta’ Ġunju 2010, irreġistrata fis-17 ta’ Ġunju 2010, l-Italja informat lill-Kummissjoni li l-bastiment C 241 kien tlesta fil-31 ta’ Awwissu 2008 u ġie kkonsenjat fit-3 ta’ Novembru 2008 u li n-notifika tat-talba għall-estensjoni tat-terminu għall-konsenja ta’ dak il-bastiment kienet inżammet.

(12)

B’ittra tas-16 ta’ Ġunju 2010, irreġistrata fit-28 ta’ Ġunju 2010, l-Italja formalment irtirat it-talbiet għal estensjoni li kienu jikkonċernaw il-bastiment C 244.

II.   IL-KUNTEST

(13)

Il-fatti li se jiġu spjegati minn hawn ’il quddiem jikkonċernaw biss il-bastiment C 241, peress li l-Italja rtirat it-talbiet għal estensjoni għall-bastimenti C 242, C 243 u C 244.

(14)

De Poli hija tarzna Taljana li tinsab f’Pellestrina (Venezja), li mis-snin 90 speċjalizzat ruħha fil-bini ta’ bastimenti li jintużaw għat-trasport ta’ prodotti kimiċi u ta’ tankers. Fl-2007, it-tarzna kellha 320 membri tal-persunal, inklużi s-subkuntratturi, u kellha fatturat annwali ta’ EUR 70 miljun. Fil-11 ta’ Frar 2010 l-imħallef Taljan kompetenti approva l-ftehim mal-kredituri relatat mat-tarzna (11).

(15)

Fit-28 ta’ Jannar 2005, Arcotur S.r.l. ikkummissjonat lil De Poli l-bini tal-bastiment C 241. Skont il-kuntratt, it-tanker tal-kimiċi C 241 għandu l-karatteristiċi tekniċi speċifiċi li ġejjin: tul totali ta’ 125 metri; wisa’ minn barra ta’ qafas sa barra ta’ qafas ta’ 19-il metru; piż mgħobbi (deadweight) ta’ madwar 7 300 tunnellata; u veloċità b’qawwa ta’ 85 % tal-qawwa kontinwa massima ta’ 15-il knot. Il-kuntratt tal-bejgħ kien jipprevedi li l-bastiment C 241 jiġi kkonsenjat lix-xerrej Arcotur S.r.l. qabel il-31 ta’ Diċembru 2007, għal prezz totali ta’ EUR 30 miljun.

(16)

Fis-26 ta’ Mejju 2006, it-tarzna ordnat mingħand fornitur (minn hawn ’il quddiem “il-fornitur”) ir-riduttur (reducer) għall-bastiment, ordni li, fuq konferma mill-fornitur, kellha tintbagħat fit-3 ta’ Settembru 2007. Skont l-informazzjoni pprovduta minn De Poli, ir-riduttur għall-bastiment C 241 huwa mudell speċifiku b’karatteristiċi uniċi, li huwa differenti f’diversi aspetti tekniċi mill-mudell standard prodott mill-istess fornitur.

(17)

Fis-6 ta’ Lulju 2006, Arcoin S.p.A. (preċedentement Arcotur S.r.l.) u De Poli mmodifikaw il-kuntratt li kien iffirmat fit-28 ta’ Jannar 2005, fejn immodifikaw l-ordni għall-bastiment C 241 kif ġej: tul totali ta’ 112 metri; wisa’ minn barra ta’ qafas sa barra ta’ qafas ta’ 16,8 metri; piż mgħobbi (deadweight) ta’ 5 300 tunnellata, bi tnaqqis fil-prezz għal EUR 23 miljun.

(18)

Fl-20 ta’ Lulju 2006, Arcoin S.p.A. ċediet il-kuntratt għall-bini tal-bastiment C 241 lil Elbana di Navigazione S.p.A.

(19)

Fit-3 ta’ Settembru 2007, fl-iskadenza miftiehma, ir-riduttur ordnat fis-26 ta’ Mejju 2006 ma kienx lest. B’ittra tat-23 ta’ Ottubru 2007, il-fornitur fil-fatt informa lil De Poli li, minħabba nuqqas ta’ materja prima fis-suq u minħabba d-dewmien konsegwenti fil-konsensja min-naħa ta’ subkuntratturi, ir-riduttur ma setax jiġi kkonsenjat fil-ħin. Fit-18 ta’ Jannar 2008, il-fornitur ikkonferma li d-data għall-konsenja tar-riduttur kienet ġiet posposta għal Frar 2008, b’dewmien ta’ madwar sitt xhur meta pparagunat mal-iskadenza inizjali.

(20)

L-awtoritajiet Taljani b’hekk talbu estensjoni tat-terminu għall-konsenja ta’ C 241 sal-31 ta’ Awwissu 2008, jiġifieri estensjoni ta’ tmien xhur mill-iskadenza kuntrattwali prevista għall-konsenja tal-bastiment (il-31 ta’ Diċembru 2007).

(21)

Skont l-informazzjoni riċevuta, il-Kummissjoni fl-aħħar ikkonstatat li l-bastiment C 241 ġie kkonsenjat fit-3 ta’ Novembru 2008 (12).

III.   L-GĦAJNUNA

(22)

Ir-Regolament dwar il-mekkaniżmu difensiv temporanju (13) jiddefinixxi miżuri temporanji u eċċezzjonali sabiex ikunu mgħejjuna t-tarznari tal-Unjoni f’dawk is-segmenti li dak iż-żmien kienu sofrew preġudizzju serju mill-kompetizzjoni mhux ġusta tal-Korea (14).

(23)

Ir-Regolament dwar il-mekkaniżmu difensiv temporanju jikkunsidra bħala kompatibbli mas-suq intern, l-għoti ta’ għajnuna diretta sa 6 % tal-valur qabel l-għajnuna (15), insostenn ta’ kuntratti għall-bini ta’ kategoriji partikolari ta’ bastimenti kummerċjali (vapuri tal-ġarr tal-kontenituri, tankers tal-kimika, tankers u trasportaturi LNG (16)) sakemm: ikun hemm kompetizzjoni għall-kuntratt minn tarzna Koreana li toffri prezz iktar baxx (17), li l-kuntratt finali jkun ġie konkluż qabel id-data tal-iskadenza tar-Regolament (il-31 ta’ Marzu 2005) (18) u li l-bastiment ikun ikkonsenjat fi żmien tliet snin mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt finali (19).

(24)

L-Artikolu 2(4) tar-Regolament dwar il-mekkaniżmu difensiv temporanju jagħti l-possibbiltà lill-Kummissjoni li tawtorizza estensjoni tal-iskadenza tal-konsenja ta’ tliet snin “meta dan jinstab li huwa iġġustifikat mill-komplessità teknika tal-proġett individwali ta’ bini ta’ bastimenti kkonċernat jew b’dewmien li jirriżulta minn tħarbit mhux mistenni ta’ natura sostanzjali u difensibbli fil-programm tax-xogħol ta’ tarzna minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, mhux previsti u esterni għall-kumpanija”.

(25)

F’Mejju 2004, il-Kummissjoni, fuq il-bażi tar-Regolament dwar il-mekkaniżmu difensiv temporanju, approvat l-iskema Taljana ta’ għajnuna għat-tarznari (20), li kienet tipprevedi kundizzjonijiet korrispondenti għal dawk tal-imsemmi regolament. B’mod partikolari, l-iskema Taljana kienet tipprevedi l-għoti ta’ għajnuna sa 6 % tal-valur tal-kuntratt qabel l-għajnuna insostenn ta’ bastimenti kkonsenjati fi żmien tliet snin mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt finali u l-possibbiltà ta’ estensjoni tal-iskadenza min-naħa tal-Kummissjoni biss “meta dan jinstab li huwa iġġustifikat mill-komplessità teknika tal-proġett individwali ta’ bini ta’ bastimenti kkonċernat jew b’dewmien li jirriżulta minn tħarbit mhux mistenni ta’ natura sostanzjali u difensibbli fil-programm tax-xogħol ta’ tarzna minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, mhux previsti u esterni għall-kumpanija” (paragrafu 29 tal-iskema Taljana).

(26)

Fil-31 ta’ Jannar 2005, it-tarzna De Poli ppreżentat lill-awtoritajiet Taljani talba għall-għoti tal-kontribuzzjoni prevista mill-imsemmija skema relatata mal-bini tal-bastiment C 241, għal ammont ta’ EUR 1,3 miljun.

(27)

Fil-25 ta’ Jannar 2008, De Poli talbet li d-data tal-konsenja tal-bastiment C 241 tkun estiża mill-31 ta’ Diċembru 2007 għall-31 ta’ Awwissu 2008.

(28)

L-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-għajnuna ma ngħatatx u ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li, skont id-Deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2008 (21), li permezz tagħha l-Kummissjoni kkunsidrat bħala inkompatibbli żieda ta’ EUR 10 miljuni biex tkun koperta l-iskema Taljana, bħalissa ma hemmx fondi biżżejjed biex tingħata din l-għajnuna.

IV.   ID-DEĊIŻJONI LI JINGĦATA BIDU GĦALL-PROĊEDURA

(29)

Fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura, il-Kummissjoni tiddubita kemm iċ-ċirkustanzi li, skont l-awtoritajiet Taljani u De Poli, jiġġustifikaw il-konsenja tard tal-bastiment C 241 (kif ukoll tal-bastimenti C 242, C 243 u C 244, li mhumiex suġġetti għal din il-valutazzjoni) jistgħu jiġu klassifikati bħala “dewmien li jirriżulta minn tħarbit mhux mistenni ta’ natura sostanzjali u difensibbli fil-programm tax-xogħol ta’ tarzna minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, mhux previsti u esterni għall-kumpanija” fis-sens tal-paragrafu 29 tal-iskema Taljana.

(30)

Minkejja li jikkonċernaw l-erba’ bastimenti, kollha kemm huma (C 241, C 242, C 243 u C 244), id-dubji espressi fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura baqgħu biss fir-rigward tal-valutazzjoni li tikkonċerna l-bastiment C 241.

(31)

Fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni tistaqsi, l-ewwel nett, jekk il-kuntratti li ġew konklużi ma’ Arcoin S.p.A. humiex finali jew pjuttost jirrappreżentawx mod kif De Poli tiżgura ruħha li tiġi osservata l-iskadenza għall-eliġibbiltà tal-għajnuna biex ikun biss sussegwentement li tfittex xerrejja finali.

(32)

It-tieni nett, il-Kummissjoni għandha dubju dwar jekk it-trasferiment tal-kuntratti tal-bejgħ bejn sidien ta’ bastimenti mhuwiex huwa stess waħda mir-raġunijiet għad-dewmien fil-konsenja.

(33)

It-tielet nett, il-Kummissjoni tippreżumi li De Poli aċċettat ordnijiet li jeċċedu l-kapaċità effettiva tal-produzzjoni tagħha, peress li fil-perjodu 2005-2008 it-tarzna kellha skedat il-bini ta’ 18-il bastiment, li nofshom kellhom jinbnew fiż-żewġ skali prinċipali u n-nofs l-ieħor fi struttura minuri.

(34)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiddubita kemm l-allegat dewmien fil-fornitura tal-komponenti essenzjali kienx tabilħaqq imprevedibbli, kif sostenew l-awtoritajiet Taljani, u tippreżumi li anzi dan kien riskju kummerċjali normali li l-programm tax-xogħol ta’ tarzna rigoruża kellu jieħu inkunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni tikkunsidra, b’mod partikolari, li De Poli setgħet iżżid ir-riskju ta’ dewmien billi ordnat ċerti komponenti tal-bastimenti tard wisq.

Il-kummenti tal-Istat Membru u l-argumenti tal-partijiet interessati

(35)

Fir-rigward tal-bastiment C 241, fil-kummenti dwar id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura tas-16 ta’ Ġunju 2008, l-awtoritajiet Taljani jsostnu li De Poli potenzjalment kellha l-kapaċità tal-produzzjoni meħtieġa sabiex tikkonsenja l-bastimenti fi żmien 36 xahar mid-data meta ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ. Id-dewmien kien attribwibbli biss għad-dewmien fil-konsenja tar-riduttur min-naħa tal-fornitur, fattur li l-Italja tikkwalifika bħala ta’ natura sostanzjali, eċċezzjonali, mhux previst u estern, fis-sens tal-paragrafu 29 tal-iskema Taljana.

(36)

Fil-kummenti mibgħuta fl-istess data, De Poli ssostni li l-fatt li t-tarzna u Arcoin S.p.A. huma amministrati minn membri tal-familja De Poli mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi ddubitata l-effettività tal-kuntratt li ġie konkluż inizjalment fit-28 ta’ Jannar 2005. L-argument qed jiġi sostnut mill-awtoritajiet Taljani, li jiġbdu l-attenzjoni għall-fatt li, fil-mument li ġie konkluż il-kuntratt għall-bastiment C 241, ma kienx hemm rabtiet korporattivi diretti bejn it-tarzna u Arcoin S.p.A. (jekk mhux il-fatt li Arcoin S.p.A. kienet il-proprjetà ta’ membri tal-familja De Poli li però mhumiex kollha azzjonisti ta’ De Poli).

(37)

F’dan ir-rigward, De Poli ssostni li fl-ambjent tas-sidien tal-bastimenti mhuwiex rari li jiġu kkummissjonati bastimenti li mbagħad jiġu ċeduti fis-suq meta jkunu tlestew ix-xogħlijiet jew waqt li jkunu qed jinbnew.

(38)

Fir-rigward tal-programm tax-xogħol għall-bastiment C 241, De Poli tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minħabba l-kumplessità tal-proġetti tal-bini tal-bastimenti, bejn il-mument meta jiġu konklużi l-kuntratti għall-bini u dak meta jibdew ix-xogħlijiet, ġeneralment jgħaddu diversi xhur. Skont it-tarzna hija prattika komuni li, fil-perjodu ta’ żmien li jgħaddi bejn l-iffirmar tal-kuntratt u l-bidu effettiv tax-xogħlijiet, it-tarzna twettaq xorta attivitajiet preparatorji għall-bidu tax-xogħlijiet, fosthom id-definizzjoni tal-pjan operattiv u t-trattazzjonijiet mad-diversi fornituri.

(39)

Skont il-programm inizjali tax-xogħol ippreżentat minn De Poli lill-awtoritajiet Taljani (22), il-bini tal-bastiment C 241 kellu jinbeda fl-ewwel trimestru tal-2006 u l-konsenja kienet prevista għat-tieni semestru tal-2007. Madankollu, skont il-programm tax-xogħol immodifikat, ix-xogħlijiet għall-bastiment C 241 kellhom jibdew fit-28 ta’ Settembru 2006 (fl-iskal tan-Nofsinhar, waħda miż-żewġ skali tat-tarzna).

(40)

Il-konsenja tar-riduttur, skont De Poli, hija stadju essenzjali fil-proċess tal-bini tal-bastiment, li jwassal għall-assemblaġġ tar-riduttur mal-magna, għall-iffissar tal-iskrun u għat-tlestija tal-buq. Diversi operazzjonijiet ta’ assemblaġġ u ta’ preparazzjoni/bini jistgħu jitwettqu biss wara li jiġi installat ir-riduttur. De Poli ssostni li komponenti bħar-riduttur normalment ma jiġux ordnati bil-quddiem biex ma jsirux spejjeż ta’ ħżin u ħlasijiet bil-quddiem, u tenfasizza fl-aħħar li l-fornitur li kkuntattjat kien waħda mill-iprem azjendi fis-settur, b’esperjenza pprovata, u li għaldaqstant ma kienx hemm raġuni biex wieħed jimmaġina li r-riduttur ma kienx se jiġi kkonsenjat fil-ħin.

(41)

De Poli ssostni li dejjem kellha l-kapaċità li tikkonsenja fil-ħin it-18-il bastiment ikkummissjonati matul il-perjodu 2005-2008 peress li, filwaqt li l-piż mgħobbi (deadweight) tagħhom kien jammonta għal 10 000 tunnellata fis-sena, it-tarzna storikament kellha kapaċità ta’ iktar minn 12 000 tunnellata fis-sena. It-tarzna ssostni wkoll li disgħa mit-18-il bastiment ikkummissjonati fil-perjodu inkwistjoni kienu żgħar (tul totali ta’ 20 metru u piż mgħobbi (deadweight) ta’ 25 tunnellata), filwaqt li d-disgħa l-oħra biss kienu kbar daqs C 241. Skont De Poli, dan juri li l-kapaċità tat-tarzna kienet tali li tonora l-ordnijiet kollha konklużi fit-termini ddefiniti u li ma kinitx daħlet għal impenji li jeċċedu l-kapaċità tal-produzzjoni tagħha.

(42)

Fl-aħħar nett, De Poli tfakkar li fl-imgħoddi l-Kummissjoni kienet awtorizzat kemm-il darba (anki fil-każ ta’ De Poli stess) talbiet għall-estensjoni tat-terminu għall-konsenja ġġustifikati minn konsenji tard ta’ komponenti essenzjali.

VI.   VALUTAZZJONI

(43)

Qabel xejn, fid-dawl tal-irtirar formali min-naħa Taljana tan-notifiki tat-talbiet għall-estensjoni tat-terminu għall-konsenja tal-bastimenti C 242, C 243 u C 244, u billi ma ngħatawx fondi, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali relatata mat-talbiet magħmula mill-Italja fir-rigward tat-tliet bastimenti msemmija ma għandhiex iktar skop u se tingħalaq mingħajr ma jsiru iktar valutazzjonijiet.

(44)

Għaldaqstant, din il-valutazzjoni tikkonċerna biss lill-bastiment C 241 u se tirreferi għall-bastimenti C 242, C 243 u C 244 biss sa fejn dan ikun rilevanti għall-finijiet tal-istess valutazzjoni.

L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(45)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. L-Artikolu 107(1) tat-TFUE għaldaqstant jistabbilixxi l-kundizzjonijiet kumulattivi biex miżura nazzjonali tkun ikkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat: il-miżura tagħti vantaġġ selettiv, tagħmel użu minn riżorsi tal-Istat, twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u tolqot negattivament il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(46)

Il-miżura li l-Italja biħsiebha timplimenta favur De Poli insostenn tal-bini tal-bastiment C 241, li tikkonsisti f’kontribuzzjoni finanzjarja sa 6 % (madwar EUR 1,3 miljun) tal-valur tal-kuntratt qabel l-għajnuna, hija bla ebda dubju għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Il-miżura hija ffinanzjata mill-Istat Taljan. Il-fondi, li għandhom ikopru l-ispejjeż sostnuti ġeneralment mit-tarzna waqt il-bini tal-bastiment, jagħtu vantaġġ lil De Poli. Il-miżura hija waħda selettiva għaliex hija maħsuba biex tkun esklużivament ta’ benefiċċju għal De Poli, u peress li tiffavorixxi l-pożizzjoni tagħha b’relazzjoni għall-kompetituri Ewropej, hija tali li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq Ewropew tal-bini tal-bastimenti u li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Il-kompatibbiltà tal-għajnuna mat-TFUE

(47)

Il-każ inkwistjoni għandu żewġ aspetti li ġiegħlu lill-Kummissjoni tiddubbita kemm l-għajnuna lil De Poli hija kompatibbli mas-suq intern. Min-naħa l-waħda, l-iskema Taljana tipprevedi, fil-paragrafu 29, li l-għajnuna tista’ tingħata għall-benefiċċju ta’ bastimenti kkonsenjati fi żmien tliet snin mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt finali u, mill-oħra, fil-paragrafu 33, li l-kuntratti finali jridu jiġu konklużi qabel id-data meta jiskadi r-Regolament dwar il-mekkaniżmu difensiv temporanju, jiġifieri l-31 ta’ Marzu 2005.

(48)

Fir-rigward ta’ dan il-punt tal-aħħar, l-awtoritajiet Taljani spjegaw li ċ-ċessjoni ta’ kuntratti bejn sidien ta’ bastimenti li ssir wara l-iskadenza tar-Regolament dwar il-mekkaniżmu difensiv temporanju ma tistax tiġi interpretata bħala indikazzjoni tal-fatt li l-kuntratt oriġinali tal-bastiment C 241, li kien iffirmat fit-28 ta’ Jannar 2005, ma kienx il-“kuntratt finali” fis-sens tal-paragrafu 29 tal-iskema Taljana.

(49)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li jidher li ċ-ċessjoni ta’ kuntratt lil terzi hija prattika komuni fl-industrija tal-bini tal-bastimenti. F’deċiżjoni preċedenti (23) li kienet tikkonċerna anki hija l-estensjoni tat-terminu għall-konsenja ta’ tliet snin ta’ żewġ bastimenti, il-Kummissjoni pereżempju kkonkludiet li, minkejja li kien hemm ċessjoni ta’ kuntratti, l-ewwel kuntratt seta’ jiġi kkunsidrat bħala dak finali peress li t-tip ta’ prodott baqa’ l-istess u s-sid il-ġdid ħa post dak preċedenti fejn ħa f’idejh id-drittijiet u l-obbligi tiegħu. Fil-każ imsemmi, il-Kummissjoni għaldaqstant ikkonkludiet li t-trasferiment tas-sjieda minnu nnifsu ma kienx jimmodifika n-natura tal-kuntratti u magħha l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-għajnuna.

(50)

Anki fil-każ inkwistjoni, iċ-ċessjoni tal-kuntratt bejn sidien ta’ bastimenti ma implikatx modifikazzjonijiet fit-tip ta’ prodott jew fin-natura tal-kuntratt u s-sid il-ġdid essenzjalment ħa post il-parti kontraenti oriġinali fejn ħa f’idejh id-drittijiet u l-obbligi tagħha. F’dan is-sens, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kuntratt oriġinali huwa dak finali u għaldaqstant tikkunsidra l-għajnuna bħala eliġibbli taħt l-iskema Taljana.

(51)

Fir-rigward tad-dubji li ntwerew dwar il-kundizzjonijiet għall-estensjoni tat-terminu għall-konsenja ta’ tliet snin, l-iskema Taljana tipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tagħti tali estensjoni fejn dan ikun iġġustifikat “mill-komplessità teknika tal-proġett individwali ta’ bini ta’ bastimenti kkonċernat jew b’dewmien li jirriżulta minn tħarbit mhux mistenni ta’ natura sostanzjali u difensibbli fil-programm tax-xogħol ta’ tarzna minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, mhux previsti u esterni għall-kumpanija”.

(52)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-awtoritajiet Taljani wrewx biżżejjed li d-dewmien li kien hemm fil-konsenja tal-bastiment C 241 jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-estensjoni tat-terminu previst mill-iskema Taljana.

(53)

Qabel ma ssir il-valutazzjoni tal-elementi pprovduti min-naħa Taljana, il-Kummissjoni tikkonstata, qabel xejn, li fis-sentenza Astilleros Zamacona tas-16 ta’ Marzu 2000 (24), il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Unjoni Ewropea (issa l-Qorti Ġenerali), stabbiliet li “dik id-dispożizzjoni [dwar iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali], li tipprevedi sistema ta’ derogi mill-prinċipji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-istess dispożizzjoni [it-terminu ta’ tliet snin], għandha tkun interpretata b’mod restrittiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-diċitura “ċirkustanzi eċċezzjonali” preżenti fid-dispożizzjoni tindika l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jirriserva l-applikazzjoni tagħha għal sitwazzjonijiet ferm speċifiċi. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk ikkunsidrat li kellu jkun l-Istat Membru ikkonċernat li jipprova li s-suppost ċirkustanzi eċċezzjonali kienu wasslu għal tħarbit tali li ġie affettwat il-programm tax-xogħol tat-tarzna u kien hemm dewmien fil-konsenja tal-bastiment, biex b’hekk tiġi stabbilita rabta kawżali bejn dawn iż-żewġ avvenimenti.

(54)

L-awtoritajiet Taljani jsostnu li d-dewmien fil-konsenja tal-bastiment C 241 kien dovut għal dewmien fil-konsenja tar-riduttur (sitt xhur) u minħabba li konsegwentement l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ kellhom jiġu posposti b’xahar. Il-Kummissjoni tikkonstata li din hija l-unika raġuni li tat l-Italja dwar id-dewmien; b’mod partikolari, it-talba għal estensjoni ma ssemmiex bħala raġuni l-ispeċifikazzjonijiet il-ġodda li rriżultaw miċ-ċessjoni tal-kuntratt.

(55)

Skont il-prattika tal-Kummissjoni (25), il-kundizzjoni li ċ-ċirkustanzi jridu jkunu “eċċezzjonali” teskludi avvenimenti komuni jew għall-inqas normali li l-programm tax-xogħol tat-tarzna għandu jieħu raġonevolament inkunsiderazzjoni. Dewmien kbir fil-konsenja ta’ komponenti essenzjali jista’ jiġi kkunsidrat bħala eċċezzjonali, imma dewmien minuri ma jiġix ikkunsidrat bilfors bħala eċċezzjonali, minkejja li l-pjanijiet tal-bini tal-bastimenti jkunu twal u kumplessi. Barra minn hekk, fid-dawl tal-intepretazzjoni restrittiva li għandha tingħata lil din l-eċċezzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra bir-reqqa l-preżenza ta’ elementi eventwali li jindikaw li t-tarzna setgħet tantiċipa, tevita jew għall-inqas tnaqqas id-dewmien, b’referenza pereżempju għal meta saru l-ordnijiet b’relazzjoni għall-programm tax-xogħol ikkonċernat. Il-kundizzjoni tal-imprevedibbiltà tal-avveniment fil-fatt teskludi kwalunkwe fattur li jista’ jkun raġonevolment previst mill-partijiet.

(56)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li jista’ jkun hemm rabta kawżali bejn id-dewmien fil-konsenja ta’ komponenti essenzjali għall-produzzjoni tal-bastiment u t-talba għall-estensjoni tat-terminu għall-konsenja tiegħu (26). Madankollu, fis-sitwazzjoni speċifika tal-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni tikkontesta prinċipalment l-eżistenza tas-suppost ċirkustanzi eċċezzjonali u imprevedibbli: f’dan il-każ ma jidhirx li hemm l-elementi meħtieġa biex ikun konkluż li d-dewmien inkwistjoni kien jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 29 tal-iskema Taljana.

(57)

Kif diġà ngħad iktar ’il fuq, fl-imgħoddi l-Kummissjoni rrikonoxxiet li dewmien kbir fil-konsenja ta’ komponenti essenzjali jista’ jiġi kkunsidrat bħala eċċezzjonali. Talba għal estensjoni madankollu trid dejjem tiġi vvalutata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ. Sa fejn De Poli sabet ruħha diversi drabi f’dan it-tip ta’ tħarbit (mhux biss għaliex De Poli fl-imgħoddi diġà kienet ressqet talbiet simili għal estensjoni (27), imma anki għaliex it-tliet kuntratti l-oħra li ġew konklużi fl-istess jum ta’ dak għall-bini tal-bastiment C 241 kienu suġġetti għal diversi talbiet għal estensjoni, ara l-punti 1, 6 u 7), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-imsemmi dewmien ma jistax iktar jiġi kkunsidrat bħala ġenwinament eċċezzjonali. It-tħarbit li rriżulta minn dan, li seħħ ripetutament, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala għalkollox imprevedibbli.

(58)

Huwa proprju fid-dawl ta’ dan it-tħarbit tal-aħħar li De Poli ma jidhirx li aġixxiet b’mod rigoruż meta ppjanat il-produzzjoni.

(59)

Il-programm inizjali tax-xogħol kien jipprevedi li l-bastiment C 241 jidħol fil-fażi tal-produzzjoni fl-ewwel trimestru tal-2006 u jiġi kkonsenjat fit-tieni semestru tal-2007, jiġifieri f’perjodu ta’ żmien għall-produzzjoni ta’ bejn 15 u 24 xahar.

(60)

Fil-programm tax-xogħol modifikat, min-naħa l-oħra, il-produzzjoni kienet tibda biss fit-28 ta’ Settembru 2006 u l-konsenja tal-bastiment kienet prevista għat-30 ta’ Diċembru 2007, jiġifieri xahar wieħed biss qabel l-iskadenza tal-konsenja tat-28 ta’ Jannar 2008. Modifikat b’dan il-mod, il-programm tax-xogħol kien jipprevedi perjodu ta’ żmien totali ta’ 15-il xahar biss għall-produzzjoni tal-bastiment skont it-termini tal-kuntratt. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani, għall-produzzjoni ta’ bastimenti tal-istess tip jew b’dimensjonijiet saħansitra iżgħar fl-istess Scalo Sud (skala tan-Nofsinhar) (C 229 u C 240) kienu previsti rispettivament 22 u 20 xahar mill-bidu tal-produzzjoni sal-konsenja.

(61)

Barra minn hekk, il-fatt li l-produzzjoni kienet tibda biss fit-28 ta’ Settembru 2006 u l-konsenja tal-bastiment kienet prevista għat-30 ta’ Diċembru 2007, jiġifieri biss xahar qabel l-iskadenza tal-konsenja tat-28 ta’ Jannar 2008, ma kien iħalli l-ebda marġni għal dewmien eventwali fil-proċess tal-produzzjoni, fejn it-tarzna fl-imgħoddi diġà kellha dewmien minħabba kemm il-fornitura ta’ komponenti kif ukoll minħabba l-istess proċess tal-produzzjoni, kif jirriżulta mill-estensjonijiet l-oħra tat-terminu għall-konsenja mitluba minn De Poli.

(62)

Barra minn hekk, il-perjodu ta’ domanda kbira (l-awtoritajiet Taljani pproduċew provi li bejn l-2003 u l-2005 l-ordnijiet għall-magni diżil żdiedu b’madwar 60 %) jagħti lil wieħed x’jifhem li l-ordnijiet ta’ komponenti essenzjali bħar-riduttur u d-dati ta’ konsenja miftiehma tagħhom kellhom ikunu raġonevoment stabbiliti bil-quddiem. L-affermazzjoni ta’ De Poli li din mhijiex prattika komuni mhijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li t-tarzna kellha mġiba aċċettabbli fejn adottat inizjattivi raġonevoli biex tevita jew tnaqqas id-dewmien, fuq kollox meta tiġi kkunsidrata d-domanda kbira u d-dewmien li diġà seħħ fl-imgħoddi.

(63)

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkonstata li r-riduttur ġie ordnat fis-26 ta’ Mejju 2006 u ġie kkonsenjat f’Settembru 2007, fejn tħalla marġni żgħir, jekk mhux ineżistenti, għal dewmien eventwali, peress li t-terminu għall-konsenja tal-bastiment C 241 kien jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2007. De Poli stess tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ammont ta’ xogħol meħtieġ wara l-konsenja tar-riduttur huwa wieħed kbir (ara l-punt 39), ċirkustanza li donnha tikkonferma li l-programm tat-tarzna kellu jipprevedi ċertu marġni għal dewmien fil-konsenja tal-komponenti essenzjali tal-bastimenti.

(64)

Fir-rigward tad-dubji li wriet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura dwar il-fatt li ċ-ċessjoni tal-kuntratt lil sid ġdid seta’ jkun minnu nnifsu kawża ta’ dewmien, il-Kummissjoni tikkonstata b’mod partikolari li ċ-ċessjoni tal-kuntratt minn Arcoin S.p.A. lil Elbana Navigazione S.p.A. saret biss fl-20 ta’ Lulju 2006, jiġifieri diversi xhur wara d-data prevista oriġinarjament għal meta kellhom jibdew ix-xogħlijiet (l-ewwel trimestru tal-2006). Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż, fil-każ inkwistjoni, li ċ-ċessjoni tal-kuntratti bejn is-sidien tal-bastimenti ma kinitx fiha nfisha kawża tad-dewmien biex jingħata bidu għall-produzzjoni u tad-dewmien sussegwenti fil-konsenja tal-bastiment, fuq kollox jekk jiġi kkunsidrat li ċ-ċessjoni tal-kuntratt lil sid ta’ bastimenti ieħor implikat ċerti modifikazzjonijiet fil-karatteristiċi speċifiċi tal-bastiment.

(65)

Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-interpretazzjoni restrittiva li għandha tintgħata lit-talbiet għal estensjoni eċċezzjonali, l-awtoritajiet Taljani ma kinux kapaċi jiġġustifikaw b’mod koerenti għaliex iċ-ċirkustanzi msemmija ma setgħux jiġu evitati jew għaliex l-effetti negattivi ta’ dawn iċ-ċirkustanzi ma setgħux jitnaqqsu ferm permezz ta’ ppjanar u ta’ ġestjoni rigorużi tal-ordnijiet min-naħa ta’ De Poli. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li ċ-ċirkustanzi msemmija insostenn tat-talba għal estensjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala eċċezzjonali u imprevedibbli fis-sens li d-dewmien fil-konsenja tal-bastiment C 241 ma kinitx xi ħaġa mhux mistennija jew aċċettabbli fis-sens tal-paragrafu 29 tal-iskema Taljana.

(66)

L-awtoritajiet Taljani fl-aħħar innotifikaw talba għall-estensjoni tad-data tal-konsenja tal-bastiment C 241 ta’ tmien xhur, mill-31 ta’ Diċembru 2007 għall-31 ta’ Awwissu 2008; madankollu huma taw biss xi ġustifikazzjonijiet biss għal sebgħa mit-tmien xhur inkwistjoni.

(67)

B’differenza għat-talbiet għal estensjoni preċedenti li kienu jikkonċernaw il-bastimenti li De Poli kellha tibni (28), fil-każ inkwistjoni it-tul tal-estensjoni mitluba mill-awtoritajiet Taljani hija ikbar mid-dewmien li l-awtoritajiet stess ressqu bħala l-unika raġuni (id-dewmien fil-konsenja tar-riduttur); għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li kienet stabbilita rabta kawżali bejn id-dewmien li ta lok għat-talba għal estensjoni u d-dewmien fil-konsenja tal-komponenti essenzjali.

(68)

Il-konsenja tal-bastiment min-naħa ta’ De Poli fil-fatt saret biss fit-3 ta’ Novembru 2008. Fi kliem ieħor, id-dewmien mhux biss kien ikbar minn dak attribwibbli lill-fatturi mressqa bħala raġuni, imma saħansitra mar lil hinn mit-terminu tal-estensjoni mitluba. L-Italja ma tat l-ebda spjegazzjoni għad-dewmien ulterjuri ta’ iktar minn xahrejn fil-konsenja tal-bastiment u l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda talba għal estensjoni għal dawn ix-xahrejn.

(69)

Konsegwentement, anki li kieku d-dewmien inizjali kien iġġustifikat u anki li kieku l-Kummissjoni tat l-estensjoni mitluba, il-bini tal-bastiment C 241 xorta ma kienx ikun eliġibbli għall-għajnuna taħt l-iskema Taljana, għaliex ma ġietx osservata lanqas l-iskadenza estiża.

VII.   KONKLUŻJONI

(70)

Fir-rigward tal-bastimenti C 242, C 243 u C 244, fid-dawl tal-irtirar formali min-naħa Taljana tan-notifiki tat-talbiet għall-estensjoni tat-terminu għall-konsenja u billi ma ngħatawx fondi, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, issa mingħajr skop, għandha tingħalaq bħala tali.

(71)

Fir-rigward tal-bastiment C 241, fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, ma jirriżultax li ġew ipprovati l-kundizzjonijiet mitluba għall-għoti ta’ estensjoni tat-terminu għall-konsenja ta’ tliet snin u, f’kull każ, il-konsenja effettiva tal-bastiment saret lil hinn mit-terminu li kien ikun stabbilit li kieku ngħatat l-estensjoni mitluba. Għaldaqstant, il-bini tal-bastiment C 241 ma jirriżultax li kien eliġibbli għall-għajnuna taħt l-iskema Taljana N 59/04, ibbażata fuq ir-Regolament dwar il-mekkaniżmu difensiv temporanju.

(72)

Billi l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li De Poli ma ngħatatx għajnuna, ma hemmx għalfejn li l-għajnuna tiġi rkuprata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li l-Italja qed tippjana li tagħti lil De Poli, jew aħjar l-estensjoni tat-terminu għall-konsenja ta’ tliet snin tal-bastiment C 241, taħt l-iskema ta’ għajnuna Taljana N 59/04, ibbażata fuq ir-Regolament dwar il-mekkaniżmu difensiv temporanju, mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

Għaldaqstant, l-imsemmija għajnuna ma tistax tiġi implimentata.

Artikolu 2

Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, l-Italja għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri li ttieħdu biex tkun konformi magħha.

Artikolu 3

Fir-rigward tal-bastimenti C 242, C 243 u C 244, fid-dawl tal-irtirar formali min-naħa Taljana tan-notifiki tat-talbiet għall-estensjoni tat-terminu għall-konsenja, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali mhix aktar meħtieġa u għalhekk għandha tingħalaq.

Artikolu 4

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 208, 15.8.2008, p. 14.

(2)  In-notifiki ġew irreġistrati bin-numri ta’ referenza N 319/07 għall-bastiment C 243 (l-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2007), N 318/07 għall-bastiment C 244 (l-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2007), N 544/07 għall-bastiment C 242 (l-ittra tal-24 ta’ Settembru 2007) u N 70/08 għall-bastiment C 241 (l-ittra tas-6 ta’ Frar 2008).

(3)  ĠU C 100, 26.4.2005, p. 27.

(4)  ĠU L 172, 2.7.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 81, 19.3.2004, p. 6.

(6)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet tad-dispożizzjonijiet huma, sostanzjalment, identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom ikunu mifhuma bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE, fejn xieraq.

(7)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(8)  L-ittra ġiet riċevuta u rreġistrata mill-Kummissjoni biss fid-19 ta’ Frar 2010.

(9)  Fil-liġi<term> Taljana, il-concordato preventivo jew ftehim mal-kredituri hija proċedura ta’ insolvenza, irregolata mil-liġi dwar il-fallimenti, li permezz tagħha d-debitur jipprova jilħaq ftehim mal-kredituri billi jipproponilhom ir-ristrutturat tad-dejn. Sussegwentement, il-proposta tiġi eżaminata mill-imħallef fl-uffiċċju rreġistrat tal-impriża. L-imħallef jista’ japprova b’digriet il-proposta tal-ftehim jew jiċħadha billi jiddikjara formalment il-falliment tad-debitur. F’każ ta’ approvazzjoni tal-ftehim mal-kredituri, id-debitur iżomm il-kontroll tal-beni u tal-attivitajiet tal-impriża, bis-superviżjoni ta’ kummissarju ġudizzjarju.

(10)  L-irtirar reġa’ ġie kkonfermat b’ittra tat-13 ta’ Mejju 2010, irreġistrata fil-15 ta’ Mejju 2010.

(11)  L-impriża kienet talbet li tkun tista’ tidħol fi ftehim mal-kredituri sa mill-bidu tal-2009 (għal definizzjoni fil-qosor ta’ concordato preventivo jew ftehim mal-kredituri ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9).

(12)  Id-data biex jitlesta l-bastiment C 241 imsemmija mill-awtoritajiet Taljani, jiġifieri l-31 ta’ Awwissu 2008, mhijiex rilevanti peress li r-Regolament dwar il-mekkaniżmu difensiv temporanju u miegħu l-iskema Taljana jirreferu biss għad-data tal-konsenja.

(13)  Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 4 u 5.

(14)  Premessa 3 tar-Regolament.

(15)  Artikolu 2(3) tar-Regolament.

(16)  Fit-tifsira tal-Artikolu 1 tar-Regolament.

(17)  Artikolu 2(1) tar-Regolament.

(18)  Artikoli 4 u 5 tar-Regolament, b’tal-aħħar emendat bl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 502/2004 – ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 4 u 5.

(19)  Artikolu 2(4) tar-Regolament.

(20)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

(21)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2008 dwar l-Għajnuna mill-Istat 20/08 (ex N 62/08) li l-Italja qed tippjana li timplimenta permezz ta’ modifikazzjoni fl-iskema tal-għajnuna N 59/04 dwar mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti, ĠU L 17, 22.1.2010, p. 50, li bħalissa hija s-suġġett ta’ rikors (Kawżi T-584/08 u T-3/09).

(22)  L-awtoritajiet Taljani pprovdew kopja tiegħu, flimkien mal-programm tax-xogħol modifikat, fil-25 ta’ Frar 2008, b’relazzjoni għan-notifika N 70/08 għall-bastiment C 241.

(23)  Ara l-każ C 33/2004 fejn, minkejja li kien hemm ċessjoni tal-kuntratti, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ewwel kuntratt kien il-kuntratt finali.

(24)  Ara l-Kawża T-72/98 Astilleros Zamacona SA vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Ġabra 2000, p. II-1683. Is-sentenza tirreferi għal dispożizzjoni identika għal dik fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1540/98 dwar l-għajnuna għall-bini tal-bastimenti preċedenti u ripetuta fir-Regolament dwar il-mekkaniżmu difensiv temporanju.

(25)  Ara, pereżempju, Giacalone, Każ N 69/08, punt 21.

(26)  Ara, pereżempju, il-każijiet N 586/03, N 587/03 u N 589/03, u l-każijiet N 68/08 u N 69/08.

(27)  Ara l-każijiet N 586/03, N 587/2003 u N 589/03.

(28)  Ara l-każijiet N 586/03, N 587/03 u N 589/03.