|
23.4.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 111/75 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/184/PESK
tat-22 ta’ April 2013
dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Mjanmar/Burma u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/232/PESK
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fis-26 ta’ April 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/232/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra Burma/il-Mjanmar (1). |
|
(2) |
Fid-dawl tal-iżviluppi fil-Mjanmar/Burma u bħala meżż ta' inkoraġġiment għall-issoktar ta' bidliet pożittivi, il-miżuri restrittivi kollha għandhom jiġu revokati bl-eċċezzjoni tal-embargo fuq l-armi u l-embargo fuq tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni 2010/232/PESK għandha għalhekk titħassar, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Għandhom jiġu pprojbiti l-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir u partijiet ta' rikambju paramilitari għal dawk imsemmija hawn qabel, kif ukoll tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, lill-Mjanmar/Burma miċ-ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew li jużaw il-bastimenti jew l-inġenji tal-ajru irreġistrati bil-bandiera tagħhom, sew jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom u sew jekk le.
2. Għandu jiġi pprojbit:
|
(a) |
il-forniment ta' assistenza teknika, servizzi ta' senserija u servizzi oħra relatati ma' attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armi u ta' materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet ta' rikambju għal dawn imsemmija hawn qabel, kif ukoll għal tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, direttament jew indirettament fuq kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma; |
|
(b) |
il-forniment ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, kif ukoll ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, jew għall-forniment ta' assistenza teknika, senserija u servizzi oħra relatati direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma; |
|
(c) |
il-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jiġu evitati l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew (b). |
Artikolu 2
1. L-Artikolu 1 m’għandux japplika għal:
|
(a) |
il-bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' tagħmir militari li mhux letali, jew ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, jew għal programmi tan-NU u tal-UE għall-bini ta’ istituzzjonijiet, jew ta’ materjal maħsub għal operazzjonijiet tal-UE u n-NU għall-maniġġar ta’ kriżijiet; |
|
(b) |
il-bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' tagħmir għat-tneħħija ta' mini u materjal għall-użu f'operazzonijiet tat-tneħħija ta' mini; |
|
(c) |
il-forniment ta' finanzjament u assistenza finanzjarja relatata ma' tali tagħmir jew ma' tali programmi u operazzjonijiet; |
|
(d) |
il-forniment ta' assistenza teknika konnessa ma' tali tagħmir, jew ma' tali programmi u operazzjonijiet, |
bil-kondizzjoni li tali esportazzjonijiet ikunu ġew approvati minn qabel mill-awtorità kompetenti rilevanti.
2. L-Artikolu 1 m'għandux japplika għal ilbies protettiv, inklużi ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn il-Mjanmar/Burma mill-persunal tan-NU, persunal tal-UE jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-medja u l-ħaddiema umanitarji u dawk għall-iżvilupp u persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ April 2014. Hija għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġi mġedda, jew emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.
Artikolu 4
Id-Deċiżjoni 2010/232/PESK hija b'dan imħassra.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ April 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
C. ASHTON