27.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Marzu 2013

li tiffissa d-data ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

(2013/157/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 71(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 71(2) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI jispeċifika li d-Deċiżjoni għandha tapplika għall-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SIS 1+ minn data li għandha tiġi ffissata mill-Kunsill, li jaġixxi bl-unanimità tal-Membri tiegħu li jirrappreżentaw lill-Gvernijiet tal-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SIS 1+.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1272/2012 tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (2) il-bidla għas-SIS II ser tibda fid-data ffissata mill-Kunsill li jaġixxi f’konformità mal-Artikolu 71(2) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 71(3)(a) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, il-Kummissjoni adottat il-miżuri implimentattivi meħtieġa, jiġifieri d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/115/UE (3) li tadotta l-Manwal SIRENE u miżuri implimentattivi oħra għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE tal-4 ta’ Mejju 2010 dwar il-Pjan tas-Sigurtà għas-SIS II Ċentrali u l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni (4).

(4)

F’konformità mal-Artikolu 71(3)(b) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, l-Istati Membri kollha li qed jipparteċipaw bis-sħiħ fis-SIS 1+ innotifikaw lill-Kummissjoni li għamlu l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa biex jipproċessaw id-data tas-SIS II u jagħmlu skambju ta’ informazzjoni supplimentari.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 71(3)(c) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, il-Kummissjoni ddikjarat it-tlestija b’suċċess ta’ test komprensiv tas-SIS II, li twettaq mill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri. Il-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill ivvalidaw ir-riżultat propost tat-test u fis-6 ta’ Frar 2013 kkonfermaw li l-livell ta’ prestazzjoni tas-SIS II hu għall-anqas ekwivalenti għal dak miksub bis-SIS 1+.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 71(3)(d) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, il-Kummissjoni għamlet l-arranġamenti tekniċi meħtieġa biex is-SIS II tkun tista’ tkun konnessa mal-N.SIS II tal-Istati Membri konċernati.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 9(1) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2012 l-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SIS 1+ lestew b’suċċess testijiet funzjonali tas-SIRENE u l-korpi prepratorji rilevanti tal-Kunsill vvalidaw ir-riżultati tagħhom fil-15 ta’ Frar 2013.

(8)

Issa li l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 71(3) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI b’hekk intlaħqu, huwa f’idejn il-Kunsill li jiddetermina d-data minn mindu s-SIS II għandu japplika għall-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SIS 1+.

(9)

Fid-dawl tal-ħtieġa li d-dħul f’operazzjonijiet tas-SIS II ikun kemm jista’ jkun malajr, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fil-punt G tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(11)

Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimetazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(12)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimetazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(13)

B’mod konformi mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Tratttat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Billi din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, skont l-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex sejra timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(14)

Ir-Renju Unit qed jieħu sehem f’din id-Deċiżjoni, skont l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (11).

(15)

L-Irlanda qed tieħu sehem f’din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 5(1) tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (12).

(16)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti għall-parteċipazzjoni parzjali tal-Irlanda u tar-Renju Unit fl-acquis ta’ Schengen kif determinat bid-Deċiżjonijiet 2002/192/KE u 2000/365/KE rispettivament.

(17)

Fir-rigward ta’ Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq, jew b’mod ieħor huja relatata mal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003,

(18)

Għandu jiġi nnutat illi r-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-Tieni Ġenerazzjoni (SIS II) mis-servizzi fl-Istati Membri responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi (13) għandu, skont l-Artikolu 3 tiegħu, japplika mid-data stabbilita skont l-Artikolu 71(2) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI għandha tapplika għall-Istati Membri li jipparteċipaw fis-SIS 1+ mid-9 ta’ April 2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SHATTER


(1)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.

(2)  ĠU L 359, 29.12.2012, p. 21.

(3)  ĠU L 71, 14.3.2013, p. 1.

(4)  ĠU L 112, 5.5.2010, p. 31.

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.

(11)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(12)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(13)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 1.