3.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 92/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta' Settembru 2012

bħala għajnuna mill-Istat SA.30908 (11/C) (ex N 176/10) implimentata mir-Repubblika Ċeka għal České aerolinie, a.s. (ČSA – Il-Kumpanija tal-Ajru tar-Repubblika Ċeka – Pjan ta’ ristrutturar)

(notifikata bid-dokument C(2012) 6352)

(Il-verżjoni Ċeka biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/151/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE (1) fir-rigward tal-għajnuna SA.30908 (C 11/C, ex N 176/10) (2),

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra datata t-12 ta’ Mejju 2010, ir-Repubblika Ċeka nnotifikat lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna għar-ristrutturar lil České aerolinie, a.s. (minn hawn ’il quddiem imsejħa"ČSA"). Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittri datati s-6 ta’ Ġunju 2010 u l-25 ta’ Novembru 2010, li għalihom l-awtoritajiet Ċeki wieġbu permezz ta’ ittri datati l-15 u l-24 ta’ Settembru 2010, il-15 ta’ Diċembru 2010 u t-28 ta’ Frar 2011.

(2)

Permezz ta’ ittra datata t-23 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Ċeka li hija kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-għajnuna (minn hawn ’il quddiem imsejħa "d-deċiżjoni tal-ftuħ"). Ir-Repubblika Ċeka pprovdiet kummenti dwar dik id-deċiżjoni permezz ta’ ittra datata t-28 ta’ April 2011. Il-Kummissjoni għamlet aktar mistoqsijiet permezz ta’ ittri datati s-26 ta’ Lulju 2011, il-15 ta’ Marzu 2012, is-7 ta’ Mejju 2012 u l-11 ta’ Lulju 2012, li għalihom ir-Repubblika Ċeka wieġbet permezz ta’ ittri datati t-22 ta’ Awwissu 2011, il-15 ta’ Settembru 2011, is-7 ta’ Ottubru 2011, is-16 ta’ Novembru 2011, it-23 ta’ Novembru 2011, it-12 ta’ Diċembru 2011, it-3 ta’ Jannar 2012, is-16 ta’ April 2012, it-22 ta’ Mejju 2012, l-14 ta’ Ġunju 2012, il-5 ta’ Lulju 2012, l-10 ta’ Lulju 2012, l-20 ta’ Lulju 2012 u l-10 ta’ Awwissu 2012.

(3)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Ġunju 2011. Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn żewġ partijiet interessati fit-30 ta’ Ġunju 2011, fid-19 ta’ Lulju 2011, fil-15 ta’ Awwissu 2011, fil-25 ta’ Novembru 2011 u fit-13 ta’ Diċembru 2011. Hija għaddiet dawn il-kummenti lir-Repubblika Ċeka, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi; il-kummenti tagħha waslu permezz ta’ ittri datati l-31 ta’ Awwissu 2011 u t-3 ta’ Frar 2012.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA U L-PJAN TAR-RISTRUTTURAR

2.1   GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR

(5)

Il-miżuri totali ta’ għajnuna għar-ristrutturar li ġew innotifikati kienu (i) self ta’ CZK 2 500 miljun mill-kumpanija tal-Istat Osinek, a.s. (f’każ li dan kellu jitqies bħala għajnuna mill-Istat); (ii) id-dekollateralizzazzjoni u skambju ta’ dejn għall-ekwità tas-self tal-Osinek; u (iii) kreditu bankarju garantit fl-ammont ta’ EUR 20,8 miljun sabiex jiffinanzja l-akkwist ta’ ajruplan. L-ispejjeż totali tar-ristrutturar previsti u nnotifikati jammontaw għal CZK [8,9-10,5] (*1) biljun (3) (EUR [360–410] miljun).

(6)

Fil-21 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni fil-każ SA.29864 – L-implikazzjonijiet possibbli għall-għajnuna mill-Istat ta’ self ipprovdut minn Osinek, a.s.. Il-konklużjoni tal-investigazzjoni kienet li s-self ipprovdut minn Osinek ma kien jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat u anki li kieku kien il-każ, tali għajnuna tkun kompatibbli mal-Qafas Temporanju tal-Komunità għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzi fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (4) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Qafas Temporanju"). Għalhekk, il-każ ta’ ristrutturar preżenti ma għadux jittratta dik il-miżura. Il-kreditu bankarju garantit fl-ammont ta’ EUR 20.8 miljun ġie abbandunat minħabba li s-ČSA setgħet tassigura lokazzjoni finanzjarja pprovduta minn […]. B’hekk, l-unika miżura ta’ għajnuna għar-ristrutturar li għadha trid tiġi vvalutata hija dik tal-iskambju tad-dejn għall-ekwità tas-self ipprovdut minn Osinek, ippreċeduta mid-dekollateralizzazzjoni tas-self.

Dekollateralizzazzjoni u skambju tad-dejn għall-ekwità

(7)

Fit-3 ta’ Mejju 2010, il-Gvern Ċek adotta r-Riżoluzzjoni Nru. 333 dwar il-pjan ta’ ristrutturar ta’ ČSA (minn hawn ’il quddiem imsejħa r-"Riżoluzzjoni Nru. 333") li permezz tagħha l-Gvern Ċek irrakkomanda lill-Ministeru tal-Industrija u l-Kummerċ (5) sabiex jimplimenta l-ħruġ ta’ garanziji fuq uħud mill-kollaterali qabel iż-żieda tal-kapital irreġistrat tas-ČSA. L-iskambju tad-dejn għall-ekwità kien legalment ibbażat fuq dik ir-Riżoluzzjoni u ġie implimentat fit-30 ta’ Ġunju 2010.

2.2   KUMPANIJA BENEFIĊJARJA

(8)

ČSA ilha sservi bħala t-trasportatur tal-ajru nazzjonali tar-Repubblika Ċeka mill-1923. Fl-2009, din il-kumpanija tal-ajru ġarret 37 % tal-passiġġieri li bdew jew temmew il-vjaġġ tagħhom minn jew fi Praga. ČSA hija kumpanija tal-Istat, b’95,69 % tal-ishma tagħha jappartjenu lir-Repubblika Ċeka permezz tal-Ministeru tal-Finanzi tal-pajjiż. L-azzjonisti tal-minoranza huma Česká pojišťovna a. s. (2,26 %), il-Belt Kapitali ta’ Praga (1,53 %) u l-Belt Kapitali ta’ Bratislava (0,51 %). Hija membru tal-grupp Sky Team Alliance u toffri servizzi skedati ta’ trasport bl-ajru (104 destinazzjonijiet f’44 pajjiż). Fl-2009, ČSA ġarret 4,7 miljun passiġġier u ġġenerat CZK 14,9 biljun (EUR 96 miljun) fi dħul.

(9)

It-Tabella 1 turi l-iżvilupp tad-dejta finanzjarja tas-ČSA mill-2006 sal-ewwel nofs tal-2011.ts

Tabella 1

Id-dejta finanzjarja tal-Kumpanija tal-Ajru tar-Repubblika Ċeka (skont l-Istandards tal-Kontabilità Ċeki)

'000 CZK

2006

2007

2008

2009

2010

06/2011

Profitt/telf

– 396 951

206 600

470 057

–3 756 125

76 159

[– 710 000 – (– 630 000 )]

Dħul

23 375 950

23 399 853

22 581 692

19 789 620

16 547 753

[6 250 000 –7 250 000 ]

Fluss ta’ flus) minn attivitajiet operattivi

– 533 192

– 275 234

–1 762 376

–3 066 694

–1 205 542

Mhux applikabbli

Dejn

6 476 911

4 391 070

6 494 752

6 581 325

2 819 915

[2 550 000 –2 900 000 ]

Imgħax nett

–94 374

–55 254

–14 263

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Valur nett tal-assi

11 679 439

10 161 647

10 418 871

7 948 571

6 632 836

[5 450 000 –6 225 000 ]

Tabella 2

L-iżvilupp tal-kriterji ewlenin fl-2009 (skont l-Istandards tal-Kontabilità Ċeki)

'000 CZK

31.3.2009

30.6.2009

30.9.2009

Telf

[– 1 320 000 -(– 1 190 000 )]

[– 1 840 000 -(– 1 660 000 )]

[– 2 625 000 -(– 2 365 000 )]

Dħul

[4 385 000 -4 820 000 ]

[9 265 000 -10 235 000 ]

[14 300 000 -15 830 000 ]

Dejn

[5 685 000 -6 285 000 ]

[5 550 000 -6 065 000 ]

[6 290 000 -6 960 000 ]

Valuri netti tal-assi

[8 340 000 -9 255 000 ]

[8 990 000 -9 920 000 ]

[8 470 000 -9 390 000 ]

(10)

In-numri juru li, minkejja ċerti żviluppi negattivi, ČSA xorta għamlet profitt fl-2007 u fl-2008. Madankollu, ir-riżultat tan-negozju ddeterjora b’mod sinifikanti fl-2009 minħabba l-impatt tal-kriżi ekonomika. Id-dħul naqas bi ftit matul il-perjodu osservat, filwaqt li l-fluss ta’ flus kien qiegħed jonqos b’mod konsiderevoli. Il-livell tad-dejn, ikkalkolat bħala s-somma tal-obbligazzjonijiet u t-tranżazzjonijiet ta’ self mill-banek fuq perjodu ta’ żmien twil u fuq perjodu ta’ żmien qasir, kien bejn wieħed u ieħor stabbli. Il-valur tal-assi naqas b’mod sinifikanti, b’mod partikolari fl-2009.

(11)

It-Tabella 2 turi l-iżvilupp ta’ kull tliet xhur fl-2009. Hija turi li t-telf tal-kumpanija żdied b’mod konsiderevoli, speċjalment bejn Ġunju u Settembru – b’CZK [705–785] miljun, kuntrarju għal CZK [470–520] miljun bejn Marzu u Ġunju. It-tibdil fid-dġul laħaq l-ammont ta’ CZK [4,88–5,42] biljun bejn Marzu u Ġunju u CZK [5,04–5,59] biljun fil-perjodu bejn Ġunju u Settembru. It-tibdil ma jvarjax b’mod sinifikanti, għalhekk, ma jistax jiġi implikat li s-sitwazzjoni tal-kumpanija marret għall-agħar, b’mod partikolari fl-ewwel nofs tas-sena. Id-dejn tal-kumpanija naqas fil-perjodu bejn Marzu u Ġunju u mbagħad żdied b’CZK [0,89–1,05] biljun fil-perjodu bejn Ġunju u Settembru. Fl-aħħarnett, il-valur totali tal-assi tas-ČSA żdied fl-ewwel perjodu osservat (Marzu–Ġunju) u mbagħad naqas b’CZK [75–85] miljun fil-perjodu bejn Ġunju u Settembru.

(12)

L-awtoritajiet Ċeki jsostnu li, filwaqt li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ ČSA ddeterjorat bħala konsegwenza tar-riċessjoni ekonomika globali sa mill-aħħar tal-2008, din il-kumpanija kellha raġun għaliex temmen li matul is-sajf tal-2009 kellhom jinkisbu riżultati ferm aħjar, meta d-dħul fl-industrija tal-kumpaniji tal-ajru ġeneralment jilħaq il-massimu. Fuq il-bażi ta’ din il-previżjoni, sostnuta mill-esperjenza tagħha mis-snin preċedenti, ČSA stenniet li kellha toħloq biżżejjed riżervi sabiex tkun tista’ tistabbilizza l-fluss tal-flus u tipprevjeni aktar telf.

(13)

Madankollu, ir-riżultati miksuba fl-ewwel nofs tal-2009, li ġew irrapportati lill-maniġment f’nofs Awwissu 2009, urew tnaqqis sinifikanti fid-dħul medju f’Ġunju. Kien evidenti li l-kumpanija ma setgħetx tkompli tmexxi n-negozju tagħha mingħajr ma tieħu miżuri immedjati ta’ tnaqqis tal-ispejjeż u mingħajr ma tikseb għajnuna finanzjarja minn sorsi esterni. Għalhekk, il-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija stabbilixxa grupp ta’ ħidma, li kien inkarigat biex iħejji l-pjan ta’ ristrutturar tal-kumpanija. Għalhekk, f’Awwissu 2009, il-maniġment ta’ ČSA adotta miżuri għall-bidu tal-proċess tar-ristrutturar u l-enfasi ta’ ČSA mxiet minn fuq il-miżuri operattivi ta’ kuljum għal fuq ir-ristrutturar globali tan-negozju tal-kumpanija.

(14)

Għalhekk, l-awtoritajiet Ċeki jsostnu li, fid-dawl tal-iżviluppi deskritti hawn fuq, ČSA tista’ titqies bħala impriża li tinsab f’diffikultajiet skont il-Linji Gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (6) tal-2004 (minn hawn ’il quddiem "il-Linji Gwida R&R"), li bdew japplikaw minn Awwisu 2009.

Czech Aeroholding

(15)

Hekk kif jitlesta l-proċess tar-ristrutturar, ir-Repubblika Ċeka għandha l-għan li ssib sieħeb strateġiku għal ČSA. L-iskadenza attwali għad-dħul ta’ investitur strateġiku f’ČSA hija sa mhux aktar tard minn Novembru 2013. Bħala tħejjija għall-privatizzazzjoni ppjanata, il-Gvern Ċek iddeċieda li joħloq struttura korporattiva ġdida taħt l-umbrella ta’ Český Aeroholding, a.s. (minn hawn ’il quddiem imsejħa "ČAH").

(16)

ČAH bħalissa tinkludi l-kumpaniji li ġejjin: ČSA, Prague Airport, a.s. (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "l-Ajruport ta’ Praga") u l-kumpaniji sussidjarji preċedenti ta’ ČSA, jiġifieri Czech Airlines Handling, a.s., HOLIDAYS Czech Airlines, a.s. (minn hawn ’il quddiem imsejħa "HCA"), Czech Airlines Technics, a.s. u ČSA Services, s.r.o. (ara l-Figura 1). L-għan ta’ ČAH huwa li tirristruttura l-kumpaniji miġbura flimkien fi ħdan il-kumpanija possedenti, li tiffaċilita l-aċċess tagħhom għall-finanzjament kummerċjali u li tippreparahom għall-privatizzazzjoni li ġejja.

(17)

Czech Airlines Handling, a.s. tipprovdi servizzi ta’ mmaniġġjar tal-passiġġieri u tal-inġenji tal-ajru, tindif tal-inġenji tal-ajru u tal-bini, kif ukoll servizz ta’ trasport fuq l-art kemm għal ČSA kif ukoll għal kumpaniji tal-ajru oħrajn li joperaw titjiriet skedati lejn u minn Praga. Czech Airlines Handling, a.s. hija l-uniku operatur fis-suq tat-tindif tal-inġenji tal-ajru fl-Ajruport ta’ Prague-Ruzyně. Fil-groundhandling, Czech Airlines Handling tikkompeti fl-Ajruport ta’ Prague-Ruzyně mal-Ajruport ta’ Praga u ma’ kumpaniji oħrajn tal-groundhandling bħal Menzies Aviation.

(18)

HCA topera titjiriet charter. F’dan is-suq, hija tikkompeti ma’ Travel Service, a.s. u ma’ għadd ta’ kumpaniji tal-ajru żgħar oħrajn li joperaw titjiriet charter mill-Ajruport ta’ Prague-Ruzyně, pereżempju; Grossman Jet, ABS Jet, Silesia Air u bosta oħrajn, li għandhom biss sehem żgħir mis-suq fl-Ajruport ta’ Prague-Ruzyně.

(19)

Czech Airlines Technics, a.s. tagħmel manutenzjoni kemm żgħira kif ukoll estensiva fuq l-inġenji tal-ajru kollha tal-familja Boeing B737 u Airbus A320. Hija tagħmel ukoll kontrolli estensivi fuq inġenji tal-ajru tat-tip ATR 42/72 u għandha ċertifikati sabiex tagħmel kontrolli fuq inġenji tal-ajru tat-tip Airbus A310. Din il-kumpanija sussidjarja sservi primarjament lil ČSA. Madankollu, [17,5–19,5]% tad-dħul tagħha ġej minn servizzi pprovduti lil partijiet terzi, pereżempju; Lufthansa Technik, SAS Norway, Air Berlin, Air France-KLM, Transavia Airlines, Travel Service, Ural Airlines u Aerosvit.

(20)

Czech Airlines Services, s.r.o. topera ċentru telefoniku u ċentru ta’ reklutaġġ, bi [88-98]% tas-servizzi tagħha jiġu pprovduti lil ČSA.

(21)

Fil-bidu tal-perjodu tar-ristrutturar, ČSA kellha wkoll sehem maġġoritarju f’għadd ta’ kumpaniji oħrajn, speċifikament:

Amadeus Marketing ČSA, s.r.o. (sjieda ta’ 65 %), li tipprovdi s-sistema ta’ distribuzzjoni globali ta’ Amadeus għar-Repubblika Ċeka u għar-Repubblika Slovakka;

Slovak Air Service, s.r.o. (100 %); u

ClickforSky (100 %).

Figura 1

L-istruttura ta’ Český Aeroholding, a.s.

Image 1

Český Aeroholding, a.s.

Kumpanija possedenti

České aerolinie, a.s.

Trasport skedat

L-Ajruport ta‘ Praga

Operatur tal-Ajruport ta‘ Praga

Amadeus Marketing, s.r.o.

Appoġġ għad-Distribuzzjoni

Taħriġ għall-Ekwipaġġ tal-Kabina

Għadha trid tinħoloq

Ġestjoni tal-Faċilità

Għadha trid tinħoloq

HOLIDAYS Czech Airlines, .a.s

Charters

ČSA Services, s.r.o.

Ċentru Telefoniku u Aġenzija tal-Persunal

Czech Airlines Technics, a.s.

Manutenzjoni

Czech Airlines Handling, a.s.

Servizzi ta‘ mmaniġġjar

(22)

Il-ħolqien ta’ ČAH kien approvat mill-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka fil-25 ta’ Ottubru 2011 b’għadd ta’ kondizzjonijiet li jiffokaw fuq theddidiet potenzjali għall-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-fużjoni ta’ ČSA u l-Ajruport ta’ Praga, kemm minn sovrapożizzjonijiet vertikali kif ukoll minn sovrapożizzjonijiet orizzontali (b’mod partikolari fil-qasam tal-groundhandling) tal-attivitajiet tal-partijiet involuti fil-fużjoni.

(23)

Il-kondizzjonijiet huma kemm ta’ natura li għandha x’taqsam mal-imġiba kif ukoll ta’ natura strutturali u jobbligaw lil ČAH tagħti aċċess trasparenti, mhux diskriminatorju u ugwali għall-infrastruttura fl-Ajruport ta’ Prague-Ruzyně, fuq termini kummerċjalment raġonevoli, lill-partijiet interessati kollha. B’mod partikolari, l-impenji jittrattaw is-separazzjoni tal-operatur tal-Ajruport ta’ Prague-Ruzyně minn attivitajiet oħrajn li jitmexxew f‘ČAH, l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva bejn l-entitajiet involuti f’ČAH, l-allokazzjoni ta’ slots fl-Ajruport ta’ Prague-Ruzyně, il-bejgħ tal-attivitajiet ta’ groundhandling tal-Ajruport ta’ Praga lil akkwirent indipendenti u l-għoti ta’ aċċess trasparenti u ugwali għal servizzi pprovduti minn entitajiet f‘ČAH lill-operaturi kollha tas-suq li huma interessati li jipprovdu servizzi ta’ groundhandling u/jew ta’ tiswija u manutenzjoni fl-Ajruport ta’ Prague-Ruzyně (7).

2.3   PJAN TA’ RISTRUTTURAR

(24)

F’Mejju 2010, l-awtoritajiet Ċeki nnotifikaw il-pjan ta’ ristrutturar (minn hawn ’il quddiem "PR") lill-Kummissjoni, li mbagħad ġie aġġornat f’sottomissjonijiet sussegwenti ta’ informazzjoni. Il-PR jikkonċentra fuq miżuri li jikkonċernaw in-negozju ewlieni ta’ ČSA, jiġifieri t-trasport skedat tal-passiġġieri bl-ajru. Setturi kummerċjali oħrajn huma jew skedati sabiex jinbiegħu jew inkella skedati sabiex jiġu esternalizzati fl-istruttura tal-kumpanija possedenti.

(25)

Id-diffikultajiet ta’ ČSA joriġinaw mill-espansjoni esaġerata tan-netwerk fil-perjodu 2004-2006 u d-dħul ta’ trasportaturi low-cost fl-Ajruport ta’ Prague-Ruzyně. Barra minn hekk, il-kumpanija sofriet mill-ineffiċjenzi operattivi storiċi ta’ kumpanija eżistenti antika, minħabba li hija daħlet fir-riċessjoni ekonomika globali li ġabet magħha domanda aktar baxxa ta’ passiġġieri u spejjeż għolja tal-fjuwils.

(26)

Il-verżjoni aġġornata tal-PR, datata t-3 ta’ Jannar 2012, għandha l-għan li tikseb lura l-vijabbiltà fit-tul ta’ ČSA sal-2014. Il-perjodu tar-ristrutturar jifrex il-perjodu minn Awwissu 2009 sa Ġunju 2014 (5 snin b’kollox).

(27)

Skont l-iżviluppi riċenti fl-industrija tal-kumpaniji tal-ajru, l-awtoritajiet Ċeki aġġornaw is-suppożizzjonijiet tagħhom għad-direzzjoni proġettata ta’ ČSA għall-vijabbiltà u ppreżentaw xenarji ġodda għal xenarju bażiku, kif ukoll l-aqwa u l-agħar xenarju. ČSA tikkunsidra l-estimi mogħtija hawn taħt bħala bażi konservattiva għall-iżvilupp tagħha fil-ġejjieni. L-estimi ma jikkunsidrawx id-dħul ippjanat ta’ investitur privat, li probabbilment ikollu effett pożittiv fuq ir-rendiment ta’ ČSA u jkompli jsaħħaħ il-vijabbiltà fit-tul tagħha.

(28)

L-aktar fatturi esterni importanti li jaffettwaw ir-rendiment ta’ ČSA huma dawn li ġejjin: (i) iż-żieda fil-prezz tal-fjuwil (li żdied bi kważi 40 % meta mqabbel max-xenarji inklużi fid-deċiżjoni tal-ftuħ), (ii) domanda ferm aktar baxxa, (iii) il-kompetizzjoni intensifikata, u (iv) tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ tal-biljetti.

(29)

Ix-xenarju bażiku huwa mibni fuq is-suppożizzjoni li s-suq sejjer jevolvi skont il-previżjonijiet makro-ekonomiċi tal-Bank Nazzjonali Ċek u tal-Fond Monetarju Internazzjonali. Id-dħul ta’ trasportaturi low-cost huwa meqjus bħala l-fattur ewlieni li jaffettwa r-rendiment ta’ ČSA fis-sehem tas-suq.

(30)

Il-fatturi esterni jinkludu:

prezz tal-fjuwil fis-suq ta’ 1 000 USD/mT;

rati FX: USD 17,0 CZK/USD, EUR 24,5 CZK/EUR;

rendiment [2–2,2], Fattur ta’ Tagħbija ta’ Passiġġieri [66–73]%.

(31)

Il-fatturi interni jinkludu:

ir-ristrutturar tas-sjieda tal-inġenji tal-ajru u l-ispejjeż tal-manutenzjoni;

titjib addizzjonali tal-ispejjeż tal-passiġġieri (tnaqqis tas-sistema tad-distribuzzjoni globali u tal-ispejjeż tal-forniment tal-ikel);

titjib ulterjuri fil-produttività tal-ekwipaġġ fuq il-flotta tal-Airbus;

l-aħjar użu tal-ispejjeż tal-ekwipaġġ għall-flotta reġjonali (ATR), utilizzazzjoni ogħla tal-flotta;

densifikazzjoni parzjali tal-flotot A320 u B 737 (żieda fin-numru ta’ postijiet għall-passiġġieri);

tnaqqis fil-konsum medju tal-fjuwil – segwitu fit-tiġdid tal-flotta;

l-aħjar użu tas-sistema tal-ġestjoni tad-dħul – żieda ta’ [0,95–1]% fir-rendiment;

l-impatt negattiv tat-tpaċija tax-xiri tal-kwota ta’ emissjonijiet fuq id-dħul medju tal-passiġġieri;

mis-sajf tal-2012, l-operazzjonijiet sejrin jissoktaw bi flotta li tikkonsisti minn ATR (7 inġenji tal-ajru), Airbus (15-il inġenju tal-ajru) u Boeing (5 inġenji tal-ajru).

(32)

Bħala konsegwenza tar-ristrutturar, ČSA qiegħda tistenna l-iżvilupp li ġej fir-rigward tar-redditu tagħha fuq il-kapital imħaddem (redditu fuq il-kapital imħaddem - ROCE):

Tabella 3

Ir-redditu mistenni fuq il-kapital imħaddem

ROCE

2011

2012

2013

2014

2015

Xenarju bażiku

–23,6  %

[– 2,5 – (– 3)]%

[0,9–1,1]%

[1,7–1,85]%

[2,1–2,4]%

L-aqwa xenarju

–23,6  %

[– 0,95–(– 1,1)]%

[3,6–3,9]%

[4,8–5,2]%

[4,8–5,2]%

L-agħar xenarju

–23,6  %

[– 13,5–(– 12,1)]%

[– 9,5- – 8,9]%

[0,7–0,75]%

[0,98–1,1]%

(33)

L-awtoritajiet Ċeki jieħdu x-xenarju bażiku bħala previżjoni realistika u jsostnu li r-ROCE ta’ [1,7–1,85]% miksub fl-aħħar tal-2014 għandu jitqies bħala aċċettabbli.

(34)

Ix-xenarju tal-aqwa każ iqis li l-prezz tal-fjuwil sejjer jonqos b’1–2 % (fil-perjodu bejn l-2012 u l-2013) u bi 3 % (fil-perjodu bejn l-2014 u l-2015); huwa bbażat ukoll fuq l-implimentazzjoni aktar malajr milli mbassar tal-miżuri ta’ ristrutturar u ż-żieda aktar mgħaġġla fid-domanda meta mqabbel max-xenarju bażiku. Min-naħa l-oħra, l-agħar xenarju huwa bbażat fuq żieda fil-prezz tal-fjuwil (3–5 % ogħla fil-perjodu bejn l-2012 u l-2013) meta mqabbel max-xenarju ta’ każ bażiku; huwa jġib miegħu wkoll dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar ippjanati u benefiċċji aktar baxxi minn inizjattivi ta’ ġestjoni tad-dħul (implimentati b’mod sħiħ mhux qabel l-2014).

(35)

Il-pjan jassumi li sejjer ikun possibbli li terġa’ tinkiseb il-profittabilità sas-sena finanzjarja (FY) 2013. Skont ix-xenarju bażiku, ČSA sejra tagħmel profitt nett wara t-taxxa ta’ CZK [95–112] miljun ([3,8–4,3] miljun) fl-2014 u tikseb redditu fuq il-kapital imħaddem (ROCE) ta’ [1.7–1.85]% sal-2014 u ta’ [2,1–2,4]% sal-2015.

Tabella 4

Profitt u telf 2008-2014 (f’CZK miljuni) (skont l-Istandards tal-Kontabilità Ċeki)

Sena finanzjarja

2007

2008

2009

2010

2011(f)

2012(f)

2013(f)

2014(f)

Dħul

23 400

22 582

19 790

16 548

13 585

[12 900 –13 100 ]

[12 900 –13 100 ]

[12 900 –13 100 ]

Profitt/Telf qabel it-taxxa

206

470

–3 756

76

– 244

[– 220 – – 180]

[68–75]

[85–110]

Sabiex jinkisbu dawn ir-riżultati, ČSA tipproponi li jittieħdu l-azzjonijiet ewlenin li ġejjin:

(36)

L-aħjar użu mill-mudell tan-netwerk u r-“rightsizing” tal-flotta: Fil-bidu tal-proċess ta’ ristrutturar tagħha, ČSA kienet ittir lejn 67 destinazzjoni. Dan in-netwerk sejjer jitnaqqas bi [18–20]% u ČSA issa qiegħda tiffoka biss fuq swieq li jaqgħu fil-firxa tal-flotta tagħha għal titjiriet qosra jew medji. It-titjiriet lejn New York u l-Kanada ma tkomplewx isiru lura fl-2009. It-tnaqqis mistenni fit-traffiku tal-passiġġieri mkejjel fi dħul għal kull passiġġier-kilometru kif imqabbel mal-2009 huwa ta’ [22,5–25,5]%, filwaqt li d-dħul għal kull post-kilometru disponibbli (available seat-kilometre - "ASK") mistenni jiżdied bi [3,8–4,4]%. Kemm ir-rotot li kienu qegħdin jirreġistraw profitt kif ukoll dawk li kienu qegħdin jagħmlu telf ma tkomplewx isiru.

(37)

Il-flotta tal-inġenji tal-ajru għandha titnaqqas b’aktar minn 50 %, li jirriżulta fl-ammont ta’ bejn 20 u 23 inġenju tal-ajru, kuntrarju għad-49 inġenju tal-ajru qabel ir-ristrutturar. L-għadd globali ta’ titjiriet sejjer jitnaqqas b’[36–40]% u l-ASK b’[21–24]%. Konsegwentement, il-fattur ta’ tagħbija ta’ passiġġieri għandu jitjieb u jilħaq perċentwal ta’ [66–73]% skont ix-xenarju bażiku.

(38)

L-istruttura tal-flotta għandha tiġi ssimplifikata u mmodernizzata permezz ta’ sostituzzjoni gradwali ta’ tipi ta’ inġenji tal-ajru eqdem (Boeing B737-400 u B737-500) minn ajruplani Airbus biss. L-immodernizzar tal-flotta ta’ ČSA se jżid il-kompetittività ta’ ČSA, li sejra tikseb inġenji tal-ajru aktar avvanzati u aktar affidabbli li joffru kumdità akbar lill-passiġġieri. Benefiċċji oħrajn ta’ din il-miżura huma t-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tħaddim tal-flotta, inkluż l-iffrankar li jirriżulta mill-unifikazzjoni tal-flotta u li jsir l-aħjar użu mill-kapaċità tat-trasportazzjoni.

(39)

Inizjattivi ta’ dħul: ČSA introduċiet sistema ġdida ta’ ġestjoni tad-dħul sabiex isir l-aħjar użu mill-iffissar tan-nollijiet u d-disponibbiltà, bil-għan li tinkiseb żieda fid-dħul għal kull ASK bi [3–3,5]% fl-2011. Barra minn hekk, hija prevista żieda oħra fid-dħul b’konnessjoni maż-żieda mistennija fil-bejgħ tal-biljetti minn fuq is-sit elettroniku ta’ ČSA – [20–22]% tal-biljetti mistennija jinbiegħu online sal-2012, meta mqabbla ma’ [7–8]% fl-2009. Din iż-żieda għandha tkun akkumpanjata minn dħul mill-bejgħ ta’ prodotti proprji assoċjati, bħal tariffi fuq it-tieni bagalja, tariffi għall-assenjazzjoni ta’ postijiet primjum u l-bejgħ ta’ oġġetti li jsir abbord, kif ukoll prodotti minn partijiet terzi, bħal lukandi, kiri ta’ karozzi u poloz ta’ assigurazzjoni fuq l-ivvjaġġar. Il-ġestjoni tad-dħul hija mistennija tikkontribwixxi għal profitti fl-ammont ta’ CZK [500–560] miljun sal-aħħar tal-2012.

(40)

Inizjattivi ta’ tnaqqis tal-ispejjeż: Fl-2009, ČSA ġġenerat 3 200 impjieg direttament u aktar minn 1 600 impjieg permezz tal-kumpaniji sussidjarji tagħha. Permezz tar-ristrutturar, ČSA ġġenerat 1 730 impjieg direttament u 1 974 impjieg fil-kumpaniji sussidjarji tagħha, li b’hekk jammontaw għal tnaqqis ta’ aktar minn 1 000 impjieg miksub sa nofs l-2012. ČSA naqqset in-numru tal-bdoti u tal-ekwipaġġ tal-ajru għall-minimu regolat. Hija naqqset ukoll l-ispejjeż tal-forniment tal-ikel fil-klassi ekonomika, id-divertiment waqt it-titjira, l-ispiża tal-irregolaritajiet u l-konsum tal-fjuwil. Barra minn hekk, l-ispejjeż tal-kiri, tal-IT u tat-telekomunikazzjoni għandhom jitnaqqsu. Fl-aħħarnett, l-uffiċċji ta’ rappreżentanza barra l-pajjiż u fir-Repubblika Ċeka għandhom jitnaqqsu fid-daqs. L-inizjattivi ta’ tnaqqis tal-ispejjeż mistennija jiffrankaw CZK [275–310] miljun u jikkontribwixxu għal dħul fl-ammont ta’ CZK [650–725] miljun sal-aħħar tal-2012. L-ispejjeż tal-bejgħ għal kull passiġġier kienu diġà tnaqqsu b’[14,5–16,5]% fl-2010.

(41)

Bidliet organizzattivi: Ir-Repubblika Ċeka pprovat tipprivatizza lil ČSA darbtejn fil-passat (8); madankollu, dawn iż-żewġ tentattivi fallew. L-awtoritajiet Ċeki jemmnu li l-ħolqien ta’ ČAH jikkostitwixxi mod effikaċi għall-bejgħ ta’ ČSA u tal-kumpaniji sussidjarji tagħha lil investitur privat ġdid. L-ewwelnett, l-attivitajiet mhux ewlenin li qabel kienu jitwettqu minn ČSA ġew ittrasferiti lill-kumpaniji sussidjarji tagħha fl-2010. Dan ippermetta lil ČSA tiffoka fuq in-negozju ewlieni tagħha. It-tieni, dawn il-kumpaniji sussidjarji nbiegħu lil ČAH bil-kondizzjonijiet tas-suq. Fl-aħħarnett, il-kumpaniji ČSA u l-Ajruport ta’ Praga sejrin jiġu inkorporati fil-kumpanija ČAH.

(42)

Din l-istruttura mhux biss għandha tagħmel lill-kumpaniji aktar attraenti għall-investituri potenzjali, iżda għandha tiżgura wkoll prezzijiet kompetittivi għas-servizzi intragrupp u tistimola l-ġenerazzjoni tal-profitt tal-kumpaniji sussidjarji kollha, kif ukoll l-orjentazzjoni tagħhom lejn il-klijenti esterni.

(43)

Il-bejgħ ta’ assi mhux ewlenin: Minbarra l-bejgħ tal-kumpaniji sussidjarji lil ČAH, ČSA biegħet għadd konsiderevoli ta’ assi oħrajn matul il-kors tar-ristrutturar tagħha, kif muri fit-Tabella 5. Dawn l-assi kollha nbiegħu jew permezz ta’ offerta miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja jew inkella fuq il-bażi ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni indipendenti.

Tabella 5

Il-bejgħ tal-assi ta’ ČSA matul ir-ristrutturar

 

Ammont f’CZK (miljuni)

Il-bejgħ ta’ negozju mingħajr dazju lil Aelia Czech Republic, s.r.o.

[760–840]

Il-bejgħ ta’ slots fl-ajruport ta’ London-Heathrow lil British Airways

[450–530]

Il-bejgħ ta’ inġenji tal-ajru lil diversi kumpaniji tal-ajru

[1 950 –2 200 ]

Il-bejgħ ta’ Slovak Air Services, s.r.o. lil Skyport, a.s.

[17,5–19,5]

Il-bejgħ ta’ art u bini lill-Ajruport ta’ Praga

[1 620 –1 850 ]

Il-bejgħ ta’ kumpaniji sussidjarji lil Český Aeroholding, a.s.

[2 350 –2 600 ]

Total

[7 150 –8 025 ]

2.4   GĦAJNUNA MILL-ISTAT U FINANZJAMENT TAL-ISPEJJEŻ TAR-RISTRUTTURAR

(44)

Fid-dawl tal-ispejjeż totali tar-ristrutturar ta’ CZK [8,9–10,5] biljun (EUR [360–410] miljun), li jinkludu b’mod partikolari l-ispiża tar-“rightsizing” tal-flotta u l-pagamenti tat-terminazzjoni tal-impjieg, fit-30 ta’ Ġunju 2010, ir-Repubblika Ċeka rrikapitalizzat lill-kumpanija benefiċjarja b’CZK 2 500 miljun ta’ għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ skambju ta’ dejn għall-ekwità (jiġifieri [23–26]% tal-ispejjeż tar-ristrutturar), skont ir-Riżoluzzjoni Nru. 333.

(45)

ČSA tipproponi li l-ammont li jifdal, jiġifieri l-kontribuzzjoni proprja ta’ [74–77]%, jiġi ffinanzjat mill-bejgħ tal-assi kif stabbilit fit-Tabella 5.

(46)

ČSA biegħet in-negozju mingħajr dazju tagħha għal CZK [760–840] miljun lil Aelia Czech Republic, s.r.o. fi Frar 2010. In-negozju nbiegħ wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti li saret f’żewġ fażijiet u li ġiet organizzata minn UniCredit Czech Republic, a.s.

(47)

F’Lulju 2010, ČSA skambjat żewġ slots fl-Ajruport ta’ London-Heathrow ma’ British Airways Plc. ("BA") għal korrispettiv finanzjarju. Il-ftehim dwar l-iskambju tal-islots jistabbilixxi li ČSA u BA jittrasferixxu lil xulxin, permezz ta’ skambju, l-islots rispettivi tagħhom (9) għal korrispettiv finanzjarju ta’ GBP [17–19-il] miljun (madwar CZK [450–530] miljun). L-iskambju tal-islots sar fl-2010 u l-BA ħallset il-korrispettiv lil ČSA f’żewġ pagamenti f’Novembru u Diċembru 2010.

(48)

ČSA biegħet 15-il inġenju tal-ajru taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin: Fl-2010, ČSA biegħet ħames ajruplani tat-tip Boeing B737-400 lil BLF Limited, li hija vettura bi skop speċjali tat-trasportatur Russu UTair, għall-prezz ta’ USD [54–60] miljun u żewġ ajruplani tat-tip Boeing B737-500 lil Mauritanian Airlines International għall-prezz ta’ USD [12,5–15-il] miljun. Fl-2011, ČSA biegħet tliet ajruplani tat-tip Boeing B737-500 lil Mika Limited għall-prezz totali ta’ USD [21–25] miljun. Fl-2011, ČSA biegħet żewġ ajruplani tat-tip ATR72-202 lil Helitt Lineas Aéreas S.A. għall-prezz ta’ USD [7,9–8,9] miljun, żewġ ajruplani tat-tip ATR72-200 lil EUROLOT S.A. għall-prezz ta’ USD [7,9–8,9] miljun u ajruplan wieħed tat-tip ATR42-320 lil Regourd Aviation għall-prezz ta’ USD [1,6–1,9] miljun. Id-dħul totali mill-bejgħ tal-inġenji tal-ajru jammonta għal madwar USD [105–120] miljun, jew CZK [1,950–2,2] biljun (10).

(49)

Fit-30 ta’ Settembru 2010, ČSA biegħet il-kumpanija Slovak Air Services, s.r.o., li tipprovdi servizzi tal-ajru fir-Repubblika Slovakka, lill-kumpanija Skyport, a.s. għall-prezz tax-xiri ta’ CZK [17,5–19,5] miljun. L-offerent offra l-ogħla prezz fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa.

(50)

ČSA ġġenerat CZK [1,62–1,85] biljun mill-bejgħ ta’ art u bini lill-Ajruport ta’ Praga, li huwa proprjetà tal-Istat. Sommarju tal-bejgħ huwa deskritt fit-Tabella 6 hawn taħt.

Tabella 6

Il-bejgħ ta’ art u proprjetà ta’ ČSA lill-Ajruport ta’ Praga

Plott/Assi

Ftehim tax-xiri

Prezz ('000 CZK)

Evalwazzjoni esperta

2570/4

2.2.2010

[48 000 –58 000 ]

Proscon, s.r.o., bid-data 8.12.2009

2570/13

2.2.2010

[15 500 –17 000 ]

Parkeġġi fuq il-plottijiet 2570/4 u 2570/13

2.2.2010

[65 500 –74 500 ]

2570/14

9.12.2009

[16 000 –19 000 ]

Il-bini tal-uffiċċju tal-APC

9.12.2009

[554 000 –625 000 ]

2586/1

13.5.2010

[15 000 –17 500 ]

YBN Consult bid-data 10.5.2010

2587

13.5.2010

[69 500 –80 000 ]

2588/3

13.5.2010

[14 250 –16 000 ]

2589/1

13.5.2010

[2 600 –3 000 ]

2590/25

13.5.2010

[87 250 –95 000 ]

Ħangar F

13.5.2010

[700 000 –800 000 ]

 

Total:

 

[1 620 000 –1 850 000 ]

 

(51)

Il-Gvern tar-Repubblika Ċeka esprima l-interess strateġiku tiegħu fl-akkwist ta’ proprjetajiet ta’ ČSA fin-naħa ta’ ġewwa tal-ajruport. L-awtoritajiet Ċeki jiġġustifikaw dawn it-tranżazzjonijiet bl-użu li sejrin jagħmlu minn dawn il-proprjetajiet. Skont l-awtoritajiet Ċeki, il-proprjetà hija strateġikament importanti għall-Ajruport ta’ Praga bil-għan li tkun tista’ tinbena r-runway il-ġdida fl-ajruport. Ir-Repubblika Ċeka rrimarkat ukoll li l-Ajruport ta’ Praga qiegħed jikri ħangar ieħor (Ħanger E) lil Travel Service, a.s., xi ħaġa li turi l-potenzjal li jinkiseb dħul mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ proprjetà immobbli li ma għadhiex aktar meħtieġa minn ČSA.

(52)

Il-bejgħ tal-proprjetà deskritta fit-Tabella 6 ma sarx permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja. Madankollu, b’konformità mal-politika ġenerali tagħha u mar-rekwiżiti nazzjonali legali, l-akkwisti kollha tal-proprjetà minn kumpanija tal-Istat iridu jsiru f’valur ġust tas-suq miftuħ li jkun jirrifletti l-prezz li jitħallas fuq bażi ta’ kondizzjonijiet tas-suq normali minn investitur privat. Il-valur ta’ din il-proprjetà huwa bbażat fuq evalwazzjoni esterna indipendenti minn esperti rreġistrati fil-qorti li tuża standards rikonoxxuti.

(53)

L-aktar parti importanti tal-kontribuzzjoni proprja tal-kumpanija ġejja mill-bejgħ ta’ kumpaniji sussidjarji ta’ ČSA lil ČAH. Dawn it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ saru fl-aħħar tal-2011/fil-bidu tal-2012 u kienu jikkonsistu mill-bejgħ ta’ Czech Airlines Handling, a.s. (CZK [700-800] miljun), mill-bejgħ ta’ ČSA Services, s.r.o. (CZK [25–28] miljun) u mill-bejgħ ta’ HCA (CZK [500–580] miljun) u Czech Airlines Technics, a.s. (CZK [1-1,15] biljun). It-tranżazzjonijiet tal-bejgħ ma sarux permezz ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja; madankollu, il-valur tal-kumpaniji sussidjarji ġie stabbilit minn rapporti ta’ evalwazzjoni indipendenti li ġew ipprovduti minn Deloitte Advisory, s.r.o. u PricewaterhouseCoopers Česka republika, s.r.o.

2.5   ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(54)

Fit-23 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji fir-rigward ta’ bosta kondizzjonijiet tal-Linji Gwida R&R. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma eskludietx li, skont il-Linji Gwida R&R, ČSA kienet diġà f’diffikultajiet qabel it-tieni nofs tal-2009, jiġifieri qabel il-bidu tal-proċess ta’ ristrutturar kif affermat mill-awtoritajiet Ċeki.

(55)

Il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubju rigward il-punt jekk id-diffikultajiet ta’ ČSA kinux serji wisq sabiex jiġu indirizzati minn ČAH. Il-Kummissjoni staqsiet ukoll jekk huwiex possibbli skont il-liġi Ċeka li l-Ajruport ta’ Praga jikkontribwixxi finanzjarjament għall-proċess ta’ ristrutturar ta’ ČSA u tal-kumpaniji sussidjarji tagħha. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ċeki ġew mistiedna jikkummentaw dwar jekk it-tranżazzjonijiet kummerċjali bejn ČSA u l-Ajruport ta’ Praga, mid-data tal-implimentazzjoni tal-fużjoni, kinux saru skont il-kondizzjonijiet tas-suq, li eskludew it-trasferiment tal-għajnuna possibbli mill-Istat minn benefiċjarju ta’ għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar lil entità oħra fi ħdan ČAH.

(56)

Fir-rigward tar-ritorn għal vijabbiltà fit-tul, il-Kummissjoni stiednet lil partijiet terzi sabiex jikkummentaw dwar is-suppożizzjonijiet sottostanti li jikkonċernaw il-fatturi esterni. Il-Kummissjoni stiednet ukoll lir-Repubblika Ċeka sabiex tikkjarifika jekk l-attivitajiet kollha li strutturalment jagħmlu t-telf humiex ser jieqfu wara r-ristrutturar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni staqsiet jekk il-vijabbiltà fit-tul tistax tinkiseb sal-aħħar tal-2012, li kien iż-żmien indikat bħala t-tmiem tal-perjodu ta’ ristrutturar, u jekk l-aktar xenarju probabbli previst (li kien ukoll "l-aħjar xenarju") kienx tabilħaqq l-aktar wieħed realistiku li jista’ jinkiseb. Il-Kummissjoni ddubitat ukoll jekk ČSA hijiex ser tkun tista’ tassigura (mill-mezzi finanzjarji tagħha stess jew minn riżorsi esterni) is-self kummerċjali u l-garanziji kummerċjali possibbli għax-xiri ppjanat ta’ 7 inġenji tal-ajru kkuntrattati għas-snin 2013 u 2014.

(57)

Fir-rigward tal-miżuri ta’ kumpens, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-miżuri proposti kinux sempliċiment l-għeluq ta’ attivitajiet li jagħmlu t-telf, li fi kwalunkwe każ ikunu meħtieġa sabiex tinkiseb il-vijabbiltà. Tali miżuri mbagħad ma jikkwalifikawx bħala miżuri ta’ kumpens ġenwini. Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll li jistgħu jiġu aċċettati biss dawk il-miżuri ta’ kumpens li jittieħdu matul il-perjodu ta’ ristrutturar. Għalhekk, is-sospensjoni tat-titjiriet lejn Toronto u New York JFK taqa’ barra mill-perjodu ta’ ristrutturar propost, li kien mit-tieni nofs tal-2009 sal-2012.

(58)

Fir-rigward tal-livell ta’ kontribuzzjoni proprja ta’ ČSA, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Ċeka sabiex tikkjarifika l-istruttura proposta ta’ ČAH. Hija staqsiet ukoll jekk it-totalità tal-kontribuzzjoni proprja proposta tistax titqies bħala reali (fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li kienu għadhom ma sarux fiż-żmien li ġiet adottata d-deċiżjoni tal-ftuħ).

3.   KUMMENTI MIR-REPUBBLIKA ĊEKA

(59)

Fit-tweġiba tagħha għad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka ssottomettiet kummenti u kjarifiki rigward il-punti kollha mqajma fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni, billi indikat li l-PR innotifikat kien konformi mal-kondizzjonijiet kollha imposti mil-Linji Gwida R&R. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka pprovdiet ukoll aġġornament rigward il-proċess tar-ristrutturar, fejn uriet li kienu diġà ġew implimentati għadd ta’ miżuri ta’ ristrutturar u li kien diġà sar progress sinifikanti.

(60)

Fir-rigward tal-mument meta ČSA daħlet f’diffikultajiet, ir-Repubblika Ċeka affermat li ČSA kienet ilha f’diffikultajiet minn Awwissu 2009, għaliex kien proprju f’dan iż-żmien li l-maniġment irrealizza li r-rendiment tal-kumpanija li ġeneralment ikun profittabbli matul l-istaġun tas-sajf kien saħansitra ntlaħaq b’mod negattiv. Ir-Repubblika Ċeka pprovdiet ukoll ir-riżultati ta’ kull tliet xhur, flimkien ma’ informazzjoni addizzjonali, li juru għaliex hija kienet tal-fehma li ČSA kienet daħlet f’sitwazzjoni ta’ diffikultà f’Awwissu 2009.

(61)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-istruttura azzjonarja ta’ ČAH, l-awtoritajiet Ċeki kkjarifikaw li l-għan ta’ ČAH kien li "tissepara" l-kumpaniji u li ttejjeb l-aċċess tagħhom għal finanzjament kummerċjali, filwaqt li tippreparahom għall-privatizzazzjoni ppjanata. Ir-relazzjonijiet bejn il-kumpaniji fi ħdan il-kumpanija possedenti jiġu rregolati permezz ta’ kuntratt, fuq bażi ta’ kondizzjonijiet tas-suq normali u skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Kodiċi Kummerċjali Ċek u l-Att tat-Taxxa fuq id-Dħul li jirregola r-relazzjonijiet bejn il-partijiet relatati.

(62)

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ possibbiltà li jiġu riżolti d-diffikultajiet ta’ ČSA fi ħdan il-grupp ČAH, ir-Repubblika Ċeka kkjarifikat li l-kumpaniji kollha fi ħdan ČAH kienu kkontrollati mill-Istat u, għalhekk, kull assistenza tkun soġġetta għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, kwalunkwe assistenza finanzjarja trid tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti tal-Kodiċi Kummerċjali Ċek u l-liġijiet dwar it-taxxa. Minbarra dan, il-problemi li ffaċċjat ČSA tfaċċaw qabel il-ħolqien tal-istruttura ta’ ČAH u allura mhumiex riżultat ta’ "tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp attwali ta’ ČSA" u, b’hekk, fin-natura tagħhom kienu intrinsiċi għal ČSA stess.

(63)

Fir-rigward ta’ kwalunkwe kontribuzzjoni possibbli għar-ristrutturar ta’ ČSA mill-Ajruport ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka affermat li l-ajruport bl-ebda mod ma kien qiegħed jikkontribwixxi għar-ristrutturar ta’ ČSA u li r-Repubblika Ċeka, bħala l-azzjonista waħdanija fl-Ajruport ta’ Praga, lanqas ma pprevediet xi tip ta’ kontribuzzjoni bħal din fil-ġejjieni. It-tranżazzjonijiet bejn ČSA u l-Ajruport ta’ Praga saru skont il-kondizzjonijiet standard offruti mill-Ajruport ta’ Praga lill-imsieħba kummerċjali tiegħu. Il-kirjiet u l-korrispettivi ekonomiċi kienu bbażati fuq il-listi tal-prezzijiet applikabbli tagħha.

(64)

Minbarra l-konformità mar-rekwiżiti statutorji legali, il-kumpaniji fi ħdan ČAH igawdu minn awtonomija kummerċjali sostanzjali sakemm il-kumpanija possedenti, ČAH, ma tinterferixxix mal-amministrazzjoni tan-negozju tal-kumpaniji sussidjarji tagħha. Billi r-relazzjonijiet kollha bejn il-kumpaniji fi ħdan ČAH isiru fuq bażi ta’ kondizzjonijiet tas-suq normali, skont ir-rekwiżiti legali, kif iddikjarat aktar ’il fuq, ir-Repubblika Ċeka affermat li kwalunkwe trasferiment tal-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija lil ČSA minn kwalunkwe kumpanija fi ħdan ČAH ma kienx possibbli.

(65)

Fir-rigward tad-dubji dwar ir-ritorn għal vijabbiltà fit-tul, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat previżjonijiet emendati rigward ix-xenarju futur tal-vijabbiltà ta’ ČSA, billi ppreżentat xenarju ta’ każ bażiku emendat. Ix-xenarju ta’ każ bażiku ġdid antiċipa rata ta’ tkabbir aktar bil-mod wara żvilupp rivedut fid-domanda kif ukoll estimi aktar konservattivi tal-prezzijiet taż-żejt fil-ġejjieni. Fir-rigward tas-sospensjoni tal-attivitajiet li ma jagħmlux profitt, ir-Repubblika Ċeka kkonfermat li l-kumpaniji sussidjarji kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Czech Airlines Technics, iġġeneraw profitt, u bħala tali jistgħu jinbiegħu bħala negozji vijabbli u li jiffunzjonaw tajjeb. Czech Airlines Technics tinbiegħ ukoll lil ČAH bil-prezz tal-assi tagħha, kif evalwat minn espert estern indipendenti. Fir-rigward tal-finanzjament tal-inġenji tal-ajru li jrid jingħata wara l-perjodu ta’ ristrutturar, ir-Repubblika Ċeka kienet temmen li, mal-implimentazzjoni tal-PR u d-dħul mistenni ta’ investitur privat, il-kumpanija tkun tista’ tassigura finanzjament privat għall-ajruplani kkuntrattati.

(66)

Fir-rigward tal-miżuri ta’ kumpens, ir-Repubblika Ċeka affermat li l-bejgħ tal-assi (inklużi l-kumpaniji sussidjarji tagħha), it-tnaqqis tal-ASK u t-tnaqqis tal-preżenza ta’ ČSA fl-Ajruport ta’ Praga kienu jikkostitwixxu miżura ta’ kumpens suffiċjenti fid-dawl tal-fatt li ČSA kienet trasportatur reġjonali bi flotta żgħira u b’numru limitat ta’ destinazzjonijiet. Hija kienet esposta għal pressjoni kompetittiva minn kumpaniji kbar u trasportaturi bi prezzijiet baxxi u, għalhekk, kwalunkwe kumpens ieħor jista’ jipperikola l-abbiltà ta’ ČSA li ssir vijabbli f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Ir-Repubblika Ċeka affermat li t-titjiriet lejn Toronto u New York JFK kienu ġew sospiżi f’Novembru 2009, jiġifieri matul il-perjodu ta’ ristrutturar innotifikat.

(67)

Ir-Repubblika Ċeka pprovdiet informazzjoni dwar self privat li kien jammonta għal CZK [125–140] miljun mogħti minn Komerční banka u li kien propost bħala kontribuzzjoni proprja ta’ ČSA. Is-self kien jikkonsisti minn linja ta’ kreditu bbażata fuq ftehim ta’ qafas. Il-ftehim ta’ qafas li kien jipprovdi għal linja ta’ kreditu ta’ CZK [480-540] miljun kien diġà ġie konkluż fil-31 ta’ Marzu 2009 u emendat f’Ġunju u f’Diċembru 2009.

(68)

Fir-rigward tal-kontribuzzjoni proprja ta’ ČSA għar-ristrutturar tagħha, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat provi tal-bejgħ ta’ assi diġà divestiti. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka kkonfermat li l-għajnuna mill-Istat innotifikata fil-forma ta’ garanzija mhijiex ser tkun meħtieġa minħabba li ČSA setgħet tikseb finanzjament privat għall-inġenju tal-ajru, li kien akkwistat fil-forma ta’ lokazzjoni finanzjarja li ġiet ipprovduta […]. L-inġenju tal-ajru kien ikkonsenjat lil ČSA f’Mejju 2011.

4.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(69)

Matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni rċeviet biss kumment issostanzjat wieħed minn kompetitur (11) u kumment wieħed minn assoċjazzjoni ċivika lokali (12). Il-kompetitur huwa Travel Service, a.s. u Icelandair Group hf (minn hawn ’il quddiem "TS"), kumpanija li tikkompeti ma’ ČSA primarjament fis-suq tal-ivvjaġġar charter. TS issostni li l-għajnuna mogħtija lil ČSA ma tistax titqies bħala kompatibbli għaliex hija ma tissodisfax il-kondizzjonijiet tal-Linji Gwida R&R.

(70)

Fir-rigward tar-ritorn għal vijabbiltà fit-tul ta’ ČSA, TS tikkritika l-PR, billi tgħid li dan huwa nieqes minn mudell kummerċjali ċar (13) għall-kumpanija u li bosta mis-suppożizzjonijiet ewlenin tax-xenarju tal-aqwa każ huma ottimisti żżejjed (il-prezz tal-fjuwil, ir-rati tal-kambju, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità). TS tikkritika wkoll il-miżuri ta’ kumpens li ġew offruti fuq il-bażi li huma jikkostitwixxu biss abbandun ta’ dawk l-attivitajiet li huma meħtieġa għas-sopravivenza tal-kumpanija. TS issostni wkoll li l-bejgħ tal-assi affermati bħala kontribuzzjoni proprja kien diġà sar u li l-fondi kienu laħqu ntefqu qabel beda l-proċess ta’ ristrutturar u għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala kontribuzzjoni reali għall-ispejjeż tar-ristrutturar.

(71)

Barra minn hekk, TS issostni wkoll li l-għajnuna mill-Istat irċevuta minn ČSA għenitha sabiex tespandi n-negozju tagħha u l-kumpaniji sussidjarji tagħha. Allegatament, ČSA setgħet (i) tespandi n-negozju charter tagħha, għalkemm ČSA kienet sejra tabbandunah minħabba li fil-passat kien qiegħed jagħmel it-telf, u (ii) iġġedded il-flotta tagħha, li tipprovdi lil ČSA b’vantaġġ kompetittiv li diffiċli jinkiseb minn kompetitur komparabbli fi żmien ta’ kriżi finanzjarja.

(72)

Tabilħaqq, TS issostni li ČSA użat l-għajnuna mill-Istat li rċeviet sabiex tespandi n-negozju charter tal-kumpanija sussidjarja tagħha HCA, li tista’ toffri titjiriet bi prezz ta’ 20 % inqas mill-prezzijiet standard fis-suq (14). TS issostni wkoll li ČSA żiedet il-kapital irreġistrat ta’ HCA b’CZK 162 miljun f’Mejju 2010.

(73)

Vantaġġi oħrajn li allegatament ingħataw lil ČSA jikkonsistu mill-possibbiltà li topera r-rotta bejn Praga u Tel Aviv. TS issostni li din il-possibbiltà kienet apparentement innegozjata mill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka esklussivament għal ČSA b’tali mod li jiġu evitati r-regolamenti legali u li ČSA tingħata vantaġġ fuq il-kompetituri tagħha.

(74)

TS issostni wkoll li, anki qabel il-ħolqien ta’ ČAH, kienet seħħet konċentrazzjoni de facto tal-Ajruport ta’ Praga u ČSA minħabba li kienet ġiet stabbilita l-amministrazzjoni konġunta taż-żewġ kumpaniji. Tabilħaqq, TS issostni li l-uffiċjal kap eżekuttiv (CEO) ta’ ČSA kien imħallas mill-Ajruport ta’ Praga u li qiegħed isir sussidjar laterali tas-servizzi tal-IT ipprovduti lil ČSA.

(75)

Barra minn hekk, l-Ajruport ta’ Praga mbagħad xtara assi (bini u art) mill-kumpanija tal-ajru li allegatament ma kellux bżonn u kriehom lura lill-kumpanija tal-ajru. Tali relazzjoni privileġġata bejn l-Ajruport ta’ Praga u ČSA rriżultat fi trattament preferenzjali, bħal diskriminazzjoni tal-prezzijiet fir-rigward tas-servizzi pprovduti fl-ajruport u aċċess għal informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Barra minn hekk, TS tisħaq li l-ħolqien ta’ ČAH għandu impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni minħabba l-integrazzjoni vertikali bejn l-ajruport u t-trasportatur ewlieni. Skont TS, ir-raġuni prinċipali għall-ħolqien ta’ ČAH hija li jiġi ffaċilitat l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil ČSA permezz tal-akkwist tal-kumpaniji sussidjarji tagħha minn ČAH.

5.   KUMMENTI MIR-REPUBBLIKA ĊEKA DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(76)

Ir-Repubblika Ċeka indirizzat fid-dettall l-argumenti kollha mqajma mill-partijiet terzi fil-kummenti tagħhom. B’mod partikolari, fir-rigward tar-ritorn għal vijabbiltà fit-tul, ir-Repubblika Ċeka enfasizzat li hija aġġornat il-PR (15) u b’hekk indirizzat għadd ta’ kummenti fis-suppożizzjonijiet aġġornati. Barra minn hekk, hija nnotat li l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat naqas b’mod sinifikanti matul il-proċeduri minħabba l-proġett li ġie abbandunat għax-xiri ta’ inġenju tal-ajru garantit mill-għajnuna mill-Istat.

(77)

Fir-rigward tal-użu possibbli tal-fondi ta’ għajnuna mill-Istat għal imġiba antikompetittiva tat-taqsima tan-negozju charter ta’ ČSA, ir-Repubblika Ċeka ddikjarat li n-negozju charter kien diġà indipendenti u separat mit-trasport skedat fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna mill-Istat. ČSA qatt ma għamlet xi kontribuzzjoni monetarja għall-kapital irreġistrat ta’ HCA (16). Il-kapital irreġistrat ta’ HCA żdied b’kontribuzzjoni in natura ta’ parti min-negozju ta’ ČSA li hija involuta fl-operat tat-trasport charter. Din il-parti tan-negozju ġiet evalwata minn espert indipendenti.

(78)

Fir-rigward tal-allegat vantaġġ irċevut minn ČSA għat-tħaddim tar-rotta ta’ Tel Aviv, ir-Repubblika Ċeka spjegat li, għalkemm TS intgħażlet (skont sejħa għall-offerti miftuħa. li tibda mill-iskeda tat-titjiriet fix-xitwa għall-istaġun 2011/2012) bħala l-uniku trasportatur tal-ajru bi drittijiet ta’ trasportazzjoni għal għaxar snin sabiex jipprovdi servizzi maqbula fuq ir-rotta bejn Praga u Tel Aviv skont il-liġi applikabbli (17), TS ma ngħatat ebda garanzija li tgħid li ebda trasportatur ieħor ma jista’ jkun awtorizzat sabiex jopera r-rotta għat-tul ta’ dak it-terminu. L-awtoritajiet Ċeki ddikjaraw li kienet politika ġenerali tal-Ministeru tat-Trasport tar-Repubblika Ċeka li ma jżommx ir-restrizzjonijiet eżistenti iżda, għall-kuntrarju, li jespandi l-opportunitajiet għat-trasportaturi tal-ajru f’termini ta’ aċċess għas-suq bil-għan li jilliberalizza s-swieq għas-servizzi ta’ trasport bl-ajru.

(79)

Fir-rigward tal-ftuħ tar-rotta bejn Praga u Abu Dhabi, ir-Repubblika Ċeka spjegat li din ir-rotta ma kinitx operata minn ČSA weħidha iżda bħala titjira ta’ code-sharing (18) operata b’kooperazzjoni ma’ Etihad Airways. Ir-rotta ffokat fuq il-passiġġieri fi transitu li jistgħu jużaw ħafna titjiriet konnessi differenti fuq distanzi twal minn Abu Dhabi operati minn Etihad Airways. B’hekk, din il-kooperazzjoni tejbet l-għażliet tal-bejgħ ta’ ČSA u kkontribwixxiet sabiex hija tkun tista’ terġa’ lura għall-vijabbiltà fit-tul tagħha bi spejjeż addizzjonali baxxi ħafna.

(80)

Il-bejgħ u l-kiri lura tal-bini tal-uffiċini tal-APC kienu, skont ir-Repubblika Ċeka, prattika standard tas-suq li ppermettiet lill-bejjiegħ jikseb fondi likwidi, filwaqt li x-xerrej kiseb sors stabbli ta’ dħul mill-kiri fil-ġejjieni. Barra minn hekk, l-art mibjugħa kienet ta’ importanza strateġika minħabba r-runway ġdida li kellha tinbena fl-Ajruport ta’ Praga. Għal din ir-raġuni, l-Ajruport ta’ Praga kien interessat fix-xiri tal-proprjetà. Minbarra dan, skont l-Att dwar il-Proprjetà tal-Ajruport ta’ Prague-Ruzyně (19), l-Ajruport ta’ Praga, inkluż kwalunkwe art relatata jew li tmiss miegħu, jista’ jkun biss proprjetà tar-Repubblika Ċeka jew ta’ entità legali domiċilizzata fir-Repubblika Ċeka u kkontrollata b’mod sħiħ mill-Istat. Dan ir-rekwiżit irrestrinġa n-numru ta’ xerrejja xierqa għal dawk il-kumpaniji biss li huma kkontrollati b’mod sħiħ mill-Istat. L-operatur tal-Ajruport ta’ Praga kien tali entità u, barra minn hekk, kellu interess strateġiku fl-akkwist tal-art.

(81)

Ir-Repubblika Ċeka ddikjarat ripetutament li r-relazzjonijiet kummerċjali bejn ČSA u l-Ajruport ta’ Praga dejjem kienu konformi mal-liġi nazzjonali u mal-liġi tal-Unjoni (ara l-premessi 61-64). Fir-rigward ta’ ČAH, ir-Repubblika Ċeka spjegat li, skont ir-riżoluzzjoni tal-Gvern Nru. 848 tal-24 ta’ Novembru 2010, ČAH ma kienet tirrappreżenta ebda integrazzjoni vertikali permanenti tal-infrastruttura u t-trasportaturi tal-ajru iżda sempliċiment fużjoni (bejn ČSA u l-Ajruport ta’ Praga) b’tul ta’ żmien u funzjoni limitati, li l-għan tagħha kien li tara li ČSA u l-kumpaniji sussidjarji tagħha jinbiegħu bl-aqwa kondizzjonijiet possibbli.

(82)

Fl-aħħarnett, fir-rigward tal-kummenti ppreżentati mill-assoċjazzjoni ċivika Pro Hanspaulku, ir-Repubblika Ċeka kkummentat li l-assoċjazzjoni ċivika ma tat ebda prova tal-eżistenza ta’ interess leġittimu u tali interess lanqas ma seta’ jirriżulta mill-oġġezzjoni sottomessa li kienet tirrigwarda t-tlestija ta’ runway ġdida fl-Ajruport ta’ Praga, li allegatament kellha tintuża primarjament mis-ČSA ristrutturata. Għal dan, ir-Repubblika Ċeka wieġbet li, skont il-PR, il-preżenza tal-kumpanija ČSA fl-Ajruport ta’ Praga fil-fatt kienet ser tonqos u, għalhekk, il-kummenti sottomessi mill-assoċjazzjoni ċivika ma kellhomx bażi.

6.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

6.1   L-EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(83)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal tfixkil jew theddida ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, safejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(84)

Il-kunċett tal-għajnuna mill-Istat japplika għal kull vantaġġ mogħti direttament jew indirettament, iffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat, li jingħata mill-Istat innifsu jew minn kwalunkwe entità intermedjarja li taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha (20).

(85)

F’dan il-kuntest, l-injezzjoni ta’ kapital innotifikata fil-forma tal-iskambju ta’ dejn għall-ekwità tas-self ta’ Osinek trid titqies bħala għajnuna mill-Istat. L-injezzjoni ta’ kapital tinvolvi r-riżorsi tal-Istat u tikkostitwixxi vantaġġ selettiv għal ČSA, minħabba li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

(86)

Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, għajnuna li tingħata lil impriża titqies bħala li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri meta dik l-impriża tkun topera f’suq miftuħ għall-kummerċ fil-livell tal-Unjoni (21). Is-sempliċi fatt li l-pożizzjoni kompetittiva ta’ impriża tissaħħaħ meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri oħrajn, minħabba li tagħtiha benefiċċju ekonomiku li altrimenti ma tirċevix matul il-kors normali tan-negozju tagħha, jindika tfixkil possibbli għall-kompetizzjoni (22). Għalhekk, l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru lil impriża tista’ tgħin sabiex tinżamm jew tiżdied l-attività domestika, bir-riżultat li l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn ikollhom inqas ċans li jippenetraw is-suq tal-Istat Membru kkonċernat (23).

(87)

Il-miżura kkonċernata taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-kompetizzjoni, billi ČSA hija f’kompetizzjoni ma’ kumpaniji tal-ajru oħrajn mill-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari sa mid-dħul fis-seħħ tat-tielet stadju tal-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru ("it-tielet pakkett") fl-1 ta’ Jannar 1993. Il-miżura inkwistjoni tippermetti lil ČSA tkompli topera sabiex b’hekk ma jkollhiex għaliex tiffaċċja l-konsegwenzi li ġeneralment jirriżultaw mir-riżultati finanzjarji ħżiena tagħha u, għalhekk, hija tikkawża tfixkil għall-kompetizzjoni.

(88)

Għalhekk, l-injezzjoni ta’ kapital innotifikata fil-forma tal-iskambju ta’ dejn għall-ekwità tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata mill-awtoritajiet Ċeki.

6.2   IL-LEGALITÀ TAL-GĦAJNUNA

(89)

L-Artikolu 108(3) tat-TFUE jistabbilixxi li Stat Membru ma jistgħax jimplimenta miżura ta’ għajnuna qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tawtorizza l-miżura. Il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Ċeki implimentaw l-għajnuna, jiġifieri l-iskambju ta’ dejn għall-ekwità tas-self ta’ Osinek, fit-30 ta’ Ġunju 2010. Għalhekk, il-Kummissjoni jiddispjaċiha li r-Repubblika Ċeka ma rrispettatx l-obbligu ta’ “standstill” u li b’hekk kisret l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

6.3   IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA MAS-SUQ INTERN SKONT IL-LINJI GWIDA R&R

(90)

L-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE jistabbilixxi li l-għajnuna tista’ tiġi awtorizzata meta din tingħata sabiex tippromwovi l-iżvilupp ta’ ċerti setturi ekonomiċi u meta din l-għajnuna ma taffettwax il-kondizzjonijiet tal-kummerċ b’tali mod li jmur kontra l-interess komuni.

(91)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura preżenti tikkostitwixxi għajnuna ta’ ristrutturar li trid tiġi vvalutata fid-dawl tal-kriterji skont il-Linji Gwida R&R sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-TFUE.

6.3.1   L-eliġibbiltà

(92)

Fir-rigward tal-eliġibbiltà, il-punt 33 tal-Linji Gwida R&R jgħid li l-impriża trid tikkwalifika bħala impriża f’diffikultà fis-sens tal-punti 9 sa 13 ta’ dawk il-Linji Gwida.

Impriża f’diffikultà

(93)

Skont il-punt 9 tal-Linji Gwida R&R, il-Kummissjoni tqis impriża bħala li tinsab f’diffikultà meta din ma tkunx tista’, permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħha jew permezz tar-riżorsi li l-proprjetarji/azzjonisti jew il-kredituri tagħha jistgħu jagħtuha, twaqqaf it-telf li, fin-nuqqas ta’ intervent mill-awtoritajiet pubbliċi, iwassalha għal falliment ekonomiku ċert fi żmien qasir jew fi żmien ta’ tul medju.

(94)

Sussegwentement, il-punt 10(a) tal-Linji Gwida R&R jikkjarifika li kumpanija b’responsabbiltà limitata titqies bħala li tinsab f’diffikultà meta aktar minn nofs il-kapital irreġistrat tagħha ma jkunx għadu aċċessibbli u aktar minn kwart tal-kapital ikun intilef fit-12-il xahar ta’ qabel.

(95)

L-awtoritajiet Ċeki jsostnu li ČSA, kumpanija b’kapital azzjonarju skont il-liġi Ċeka u, għalhekk, kumpanija b’responsabbiltà limitata skont il-punt 10(a) tal-Linji Gwida R&R, daħlet f’diffikultajiet serji minn Awwissu 2009 meta l-kriżi finanzjarja ħalliet impatt qawwi saħansitra fuq l-istaġun bl-akbar attività – l-iskeda tat-titjiriet tas-sajf. F’dak iż-żmien, il-fluss operattiv tad-dħul u l-ħruġ tal-flus niżel għal CZK [-2,4–-2,1] biljun, li kellu impatt drammatiku fuq l-assi tal-kumpanija.

(96)

Tabilħaqq, f’Awwissu 2009, il-kumpanija ssodisfat il-kondizzjonijiet tal-punt 10(a) tal-Linji Gwida R&R. Il-kapital irreġistrat totali ta’ ČSA kien jammonta għal CZK 2 735 miljun. Skont l-istandard tal-kontabilità tar-Repubblika Ċeka, sa Awwissu 2009, l-ekwità ta’ ČSA kienet negattiva (fejn kienet tammonta għal CZK [-1 000–(-900)] miljun fl-aħħar ta’ Lulju 2009) u aktar minn kwart tal-kapital irreġistrat tagħha kien intilef fit-12-il xahar ta’ qabel, billi l-ekwità kienet tammonta għal CZK [900–1 000] miljun f’Lulju 2008. Għalhekk, minn Awwissu 2009, ČSA bdiet il-proċess ta’ ristrutturar tagħha. Għaldaqstant, il-kumpanija kienet tabilħaqq impriża f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida R&R fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna għar-ristrutturar f’Ġunju 2010.

Impriża maħluqa riċentament

(97)

Il-punt 12 tal-Linji Gwida R&R jgħid li impriża maħluqa riċentament mhijiex eliġibbli għal għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar, anki jekk il-pożizzjoni finanzjarja inizjali tagħha ma tkunx sigura. Fil-prinċipju, impriża titqies bħala maħluqa riċentament għall-ewwel tliet snin wara l-bidu tal-operazzjonijiet fil-qasam ta’ attività rilevanti.

(98)

ČSA nħolqot fl-1923 u għalhekk ma tistax titqies bħala impriża maħluqa reċentement.

Grupp kummerċjali

(99)

Il-punt 13 tal-Linji Gwida R&R jgħid li impriża li tagħmel parti jew tiġi akkwistata minn grupp kummerċjali akbar ġeneralment ma tkunx eliġibbli għal għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar, ħlief fejn ikun jista’ jintwera li d-diffikultajiet tal-impriża huma speċifiċi għaliha u ma jirriżultawx minn allokazzjoni arbitrarja tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp, u li dawn id-diffikultajiet ikunu serji wisq biex jiġu riżolti mill-grupp innifsu. Meta impriża f’diffikultà toħloq kumpanija sussidjarja, tali kumpanija sussidjarja, flimkien mal-impriża f’diffikultà li tikkontrollaha, titqies bħala grupp u tista’ tirċievi għajnuna taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 13 tal-Linji Gwida R&R.

(100)

Fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna għar-ristrutturar fl-2010, il-kumpanija ČSA fformat grupp b’għadd ta’ kumpaniji li huma attivi fl-oqsma relatati mat-trasport bl-ajru (24). Il-kontijiet tal-grupp juru li l-kumpanija tal-ajru, minkejja li hija parti minn grupp akbar ta’ kumpaniji, fil-fatt tammonta għall-parti predominanti tal-fatturat (94 %) u għalhekk ma hemm ebda possibbiltà li xi parti oħra tal-grupp tiffinanzja r-ristrutturar tal-kumpanija tal-ajru. Barra minn hekk, il-kontijiet juru li t-telf tal-kumpanija tal-ajru huwa speċifiku għall-kumpanija tal-ajru nnifisha u għalhekk ma hi attribwibbli għal ebda parti tal-grupp.

(101)

Il-Kummissjoni b’hekk tqis li d-diffikultajiet ta’ ČSA ma jirriżultawx minn allokazzjoni arbitrarja tal-ispejjeż fil-grupp iżda huma dovuti l-aktar għal dħul dgħajjef fin-negozju ewlieni tagħha. Id-diffikultajiet huma serji wisq sabiex jiġu riżolti mill-grupp innifsu, speċjalment minħabba li l-kontribuzzjoni pożittiva minn kumpaniji sussidjarji profittabbli hija żgħira wisq sabiex tikkumpensa għat-telf fin-negozju ewlieni ta’ ČSA.

(102)

Il-Kummissjoni tinnota li l-ħolqien ta’ ČAH (fl-aħħar tal-2011/fil-bidu tal-2012), li fil-prinċipju tikkostitwixxi grupp kummerċjali skont il-punt 13 tal-Linji Gwida R&R, sar wara li ngħatat l-għajnuna għar-ristrutturar u għalhekk jista’ jitqies bħala parti mir-ristrutturar li ma għandu ebda impatt fuq l-eliġibbiltà għall-għajnuna għar-ristrutturar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li r-relazzjonijiet kummerċjali kollha bejn il-kumpaniji membri ta’ ČAH sejrin isiru fuq bażi ta’ kondizzjonijiet tas-suq normali skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Ċeka (25), għalhekk, ma hija possibbli ebda kontribuzzjoni għall-proċess tar-ristrutturar ta’ ČSA minn membri oħrajn tal-grupp.

6.3.2.   Ir-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul

(103)

L-ewwelnett, skont il-punt 35 tal-Linji Gwida R&R, il-pjan ta’ ristrutturar, li jrid ikun kemm jista’ jkun qasir, irid jikseb lura l-vijabbiltà fit-tul tal-impriża fi żmien raġonevoli u fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet realistiċi dwar il-kondizzjonijiet operattivi futuri.

(104)

Skont il-punt 36 tal-Linji Gwida R&R, il-pjan irid jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi li wasslu għad-diffikultajiet tal-kumpanija u jikkunsidra l-istat preżenti u l-prospetti tas-suq fil-ġejjieni bl-aqwa xenarju, l-agħar xenarju u xenarju bażiku.

(105)

Il-pjan irid jipprovdi għal bidla li twassal lill-kumpanija, wara li tkun irristrutturat ruħha, sabiex tkun tista’ tkopri l-ispejjeż kollha tagħha, inklużi dawk ta’ diprezzament u spejjeż finanzjarji. Ir-redditu mistenni fuq il-kapital irid ikun għoli biżżejjed sabiex l-impriża ristrutturata tkun tista’ tikkompeti fis-suq skont il-merti tagħha (il-punt 37 tal-Linji Gwida R&R).

(106)

Il-Kummissjoni tinnota li l-PR, kif spjegat fil-qosor fit-taqsima 2.3 aktar ’il fuq, jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi li wasslu għad-diffikultajiet tal-kumpanija. Huwa jikkunsidra l-prospetti preżenti u futuri fis-suq prinċipali tal-kumpanija ČSA, jiġifieri t-trasport skedat tal-passiġġieri bl-ajru, filwaqt li jippreżenta xenarji bbażati fuq suppożizzjonijiet tal-aqwa xenarju, tal-agħar xenarju u ta’ xenarju bażiku, kif ukoll il-punti pożittivi u negattivi tal-kumpanija ČSA. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tinnota li l-PR jittratta l-aspetti formali kollha meħtieġa mill-punt 36 tal-Linji Gwida R&R.

(107)

Il-PR attwali jassumi li r-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul se jinkiseb sa Ġunju 2014. Il-perjodu ta’ ristrutturar rivedut ta’ ħames snin huwa relattivament twil. Madankollu, skont ix-xenarju bażiku, fl-2013, ČSA diġà ser tkun qiegħda tiġġenera profitt. Barra minn hekk, ħafna mill-miżuri ta’ ristrutturar diġà ġew implimentati, inkluż it-tnaqqis fin-numru ta’ impjegati tal-kumpanija u l-ġenerazzjoni tal-kontribuzzjoni proprja. L-awtoritajiet Ċeki wrew li l-istrateġija stabbilita fil-PR hija mifruxa fuq ħames snin wara valutazzjoni bir-reqqa tal-iqsar żmien li huwa meħtieġ għar-ritorn għall-vijabbiltà fit-tul ta’ ČSA, b’kunsiderazzjoni tal-kondizzjonijiet operattivi possibbli fil-ġejjieni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport bl-ajru, fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi attwali, trid tinkiseb l-istabbilizzazzjoni tal-prestazzjoni operattiva u tas-servizzi sabiex tiġi żgurata vijabbiltà fit-tul bħala bażi soda għat-tkabbir fil-ġejjieni u mhux biss bħala bidla għal perjodu ta’ żmien qasir. Min-natura tagħha, din tieħu bosta snin. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, f’każijiet preċedenti, ġie aċċettat perjodu ta’ ristrutturar ta’ ħames snin jew aktar (26). Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, il-Kummissjoni tqis il-perjodu ta’ ristrutturar ta’ ħames snin bħala wieħed aċċettabbli.

(108)

Sabiex tkun tista’ sseħħ bidla totali għal ČSA, il-PR jipprevedi tnaqqis sinifikanti tal-ispejjeż (speċjalment permezz tat-tnaqqis tal-kapaċità u tal-persunal u t-tnaqqis tal-flotta tal-kumpanija u n-netwerk imħaddem), kif ukoll għadd ta’ inizjattivi ta’ dħul.

(109)

Il-Kummissjoni tirrimarka li l-kumpanija ČSA naqqset in-numru tal-bdoti u tal-ekwipaġġ tal-ajru b’mod sinifikanti – fejn diġà ntilfu aktar minn 1 000 impjieg. L-inizjattivi ta’ tnaqqis tal-ispejjeż mistennija jiġġeneraw rikavati netti ta’ CZK [390–425] miljun sal-aħħar tal-2012. L-ispejjeż tal-bejgħ għal kull passiġġier kienu diġà tnaqqsu bi [15,5–17]% fl-2010.

(110)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li t-tnaqqis tal-flotta (bi 30 %) u tan-netwerk (bi [18–20]%) mistenni jirriżulta f’żieda tad-dħul għal kull ASK bi [3,9–4,3]%. Konsegwentement, il-fattur ta’ tagħbija ta’ passiġġieri għandu jitjieb għal [66–73]% taħt ix-xenarju bażiku. It-tiġdid tal-flotta, kif ukoll is-sostituzzjoni tal-ajruplani tat-tip Boeing minn dawk tat-tip Airbus se jwasslu għal spejjeż operattivi u ta’ manutenzjoni aktar baxxi, li se jġibu magħhom ġestjoni kummerċjali aktar effikaċi tal-flotta. It-tnaqqis tan-netwerk u tal-flotta mistenni jiġġenera rikavati netti ta’ CZK [195–215] miljun sal-aħħar tal-2012.

(111)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li ČSA introduċiet sistema ġdida ta’ ġestjoni tad-dħul li timmira għal żieda fid-dħul għal kull ASK bi [3–3,5]% fl-2011. Flimkien mad-dħul mill-bejgħ ta’ prodotti proprji assoċjati kif ukoll ta’ prodotti minn partijiet terzi, il-ġestjoni tad-dħul mistennija tikkontribwixxi għal profitti b’CZK [500-560] miljun sal-aħħar tal-2012.

(112)

Il-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-għarfien tagħha dwar is-settur f’każijiet oħrajn ta’ ristrutturar ta’ kumpaniji tal-ajru, tqis li dawn l-inizjattivi jistgħu jagħtu ċ-ċans lill-kumpanija ČSA tnaqqas l-ispejjeż tagħha u tiġġenera dħul addizzjonali sabiex tirritorna għal vijabbiltà fit-tul sa Ġunju 2014.

(113)

Ir-riżultati tat-tbassir huma bbażati fuq suppożizzjonijiet realistiċi, speċjalment ir-rati ta’ tkabbir, l-inflazzjoni, il-prezzijiet tal-fjuwil u r-rati tal-kambju fil-muniti USD/CZK. Fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, ir-Repubblika Ċeka indirizzat id-dubji tal-Kummissjoni dwar is-suppożizzjonijiet sottostanti billi pprovdiet aktar kjarifiki, b’mod partikolari:

Minbarra li tawlet il-perjodu ta’ ristrutturar inizjali, ir-Repubblika Ċeka rrevediet il-previżjonijiet tagħha għall-iżvilupp ta’ ritorn għall-vijabbiltà, billi bbażat ruħha fuq xenarju bażiku rivedut minflok fuq l-aqwa xenarju, kif kien il-pjan oriġinali. ČSA issa għandha l-għan li tikseb ROCE ta’ [1,7–1,85]% sal-2014 minflok ta’ [3–3,5]% kif stabbilit fil-verżjoni oriġinali tal-PR.

ČSA skedat mill-ġdid il-kunsinna ta’ 7 inġenji tal-ajru mis-snin 2013 u 2014 għas-snin 2014 sa 2016. Hija tikkonferma li sejra tiffinanzja x-xiri ta’ dawn l-inġenji tal-ajru kollha permezz ta’ finanzjament kummerċjali, mingħajr ebda għajnuna mill-Istat.

Ir-Repubblika Ċeka kkonfermat li ČSA qiegħda tabbanduna l-attivitajiet kollha li qegħdin jagħmlu t-telf.

(114)

Il-Kummissjoni tinnota b’mod pożittiv li, wara d-deċiżjoni tal-ftuħ, ġew riveduti s-suppożizzjonijiet sottostanti għall-fatturi interni u esterni, bħall-antiċipazzjoni ta’ rata ta’ tkabbir aktar bil-mod fid-domanda bejn l-2010 u l-2013 u spejjeż ogħla relatati mal-fjuwil. Ir-reviżjoni u l-adattament ta’ numru ta’ suppożizzjonijiet ewlenin wasslu għal projezzjonijiet finanzjarji riveduti li rriżultaw fi tnaqqis fil-profitt imbassar għall-2013 minn CZK [123–135] miljun għal CZK [68–75] miljun. Is-suppożizzjonijiet adattati issa jagħtu stampa aktar realistika u tajba tal-iżvilupp tal-kumpanija ČSA fil-ġejjieni.

(115)

Minbarra dan, ČSA pprovdiet analiżi tax-xenarju li tinkludi, minbarra s-suppożizzjonijiet aktar realistiċi msemmija fuq (xenarju bażiku), l-aqwa xenarju u l-agħar xenarju b’suppożizzjonijiet immodifikati fuq bosta fatturi ewlenin.

(116)

Skont ix-xenarju bażiku, ČSA qiegħda tipprevedi li tikseb marġini operattiv pożittiv mill-2013. Anki fl-agħar xenarju, ČSA tikseb profittabbiltà sal-2014.

(117)

Madankollu, ir-ROCE tal-kumpanija għandu jirritorna biss għal livelli modesti (madwar [1,9-2,2]%) sal-2015. Tali redditi huma pjuttost baxxi iżda jidhru li huma realistiċi fid-dawl tal-fatt li l-grupp ta’ pari tal-kumpanija ČSA (AF-KLM, AA, Finnair, SAS, BA, Croatia Airlines, LH) laħaq ROCE ta’ bejn [-1,2–-1]%–[5,4–6,3]% fis-snin mill-2003 sal-2009. ROCE pożittiv f’dan il-grupp inkiseb biss minn Lufthansa ([5,3–6]%), British Airways ([4,9–5,7]%) u AF-KLM ([2–2,3]%). Min-naħa l-oħra, it-trasportaturi bi prezzijiet baxxi kisbu ROCE ta’ [5,5 – 6,5]–[15,5–17]% fis-snin 2004-2007 (27).

(118)

Ir-ROCE mmirat ta’ ČSA b’hekk sejjer jibqa’ taħt dak tal-aktar trasportaturi bi prezzijiet baxxi jew trasportaturi kbar effikaċi msemmija fuq illi jibbenifikaw minn ekonomiji ta’ skala. Il-kumpanija ČSA, bil-flotta ristrutturata tagħha (20-23 inġenju tal-ajru) tibqa’ parteċipanta reġjonali żgħira li l-iżvilupp fit-tul tagħha jista’ jiġi assigurat bl-aħjar mod bid-dħul ta’ investitur privat.

(119)

Fid-dawl tal-fatt li r-Repubblika Ċeka, bħala l-proprjetarja tal-kumpanija, hija konxja sewwa tas-sitwazzjoni u favur privatizzazzjoni f’waqtha, dan ir-ritorn modest għall-vijabbiltà jidher li huwa aċċettabbli. Barra minn hekk, il-fatt li ČSA rnexxielha tikseb kirja ffinanzjata mill-privat għall-inġenji tal-ajru l-ġodda, minflok kreditu bankarju garantit mill-Istat, kif previst oriġinarjament, huwa sinjal li s-swieq jemmnu fil-fattibbiltà tar-ritorn għall-vijabbiltà tal-kumpanija.

(120)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota b’mod pożittiv li ČSA għamlet progress sinifikanti fil-proċess ta’ ristrutturar tagħha sa issa u li l-implimentazzjoni tal-inizjattivi previsti diġà kellha impatt pożittiv fuq ČSA fl-2011: filwaqt li [15,5–17]% tat-titjiriet ġew sospiżi minn sena għal sena, it-tnaqqis minn sena għal sena fid-dħul mit-traffiku kien ta’ [8–9]% biss. Fl-ewwel kwart tal-2012 kien hemm tkabbir ta’ [7,9–8,4]% fil-volum ta’ passiġġieri minn post għal ieħor, li min-naħa tiegħu kellu impatt pożittiv fuq id-dħul għal kull post-kilometru disponibbli (RASK), li żdied bi [12,5–14]%. Fl-2011, ČSA rnexxielha wkoll tnaqqas l-ispejjeż tagħha relatati mal-forniment tal-ikel b’CZK [115–130] miljun u l-ispiża unitarja għal kull passiġġier b’[14,5–16]%. Minħabba l-implimentazzjoni tal-miżuri għall-iffrankar tal-ispejjeż, l-ispejjeż relatati mal-użu tas-Sistema ta’ Distribuzzjoni Globali naqsu b’CZK [68–75] miljun fl-2010 u b’CZK [89–96] miljun fl-2011 fuq bażi minn sena għal sena.

(121)

ČSA diġà implimentat il-miżuri previsti tat-tnaqqis tal-impjegati u tal-bejgħ tal-assi, kif ukoll l-ispin-off tas-servizzi mhux ewlenin tagħha f’kumpaniji sussidjarji li mbagħad inbiegħu lil ČAH.

(122)

Fid-dawl tal-miżuri ta’ ristrutturar sinifikanti meħuda u l-progress li sar diġà sal-lum, il-Kummissjoni tqis li l-PR rivedut sejjer jagħti ċ-ċans lill-kumpanija ČSA tikseb lura l-vijabbiltà fit-tul tagħha fi żmien raġonevoli.

6.3.3.   L-evitar ta’ tfixkil żejjed għall-kompetizzjoni (miżuri ta’ kumpens)

(123)

It-tieni, skont il-punt 38 tal-Linji Gwida R&R, iridu jittieħdu miżuri ta’ kumpens sabiex jiġi żgurat li l-effetti negattivi fuq il-kondizzjonijiet tal-kummerċ jitnaqqsu kemm jista’ jkun. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu t-trasferiment tal-assi, tnaqqis tal-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq u tnaqqis tal-ostakoli għad-dħul fis-swieq ikkonċernati (il-punt 39 tal-Linji Gwida R&R).

(124)

F’dan ir-rigward, l-għeluq ta’ attivitajiet li jagħmlu t-telf, li fi kwalunkwe każ ikun meħtieġ sabiex terġa’ tinkiseb il-vijabbiltà, ma jiġix ikkunsidrat bħala tnaqqis tal-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-miżuri ta’ kumpens (il-punt 40 tal-Linji Gwida R&R).

(125)

ČSA qiegħda tipproponi l-miżuri ta’ kumpens li ġejjin:

tnaqqis tal-kapaċità;

iċ-ċediment ta’ slots għall-illandjar f’ajruporti Ewropej ikkoordinati, inkluż il-bejgħ ta’ slots fl-ajruport ta’ London-Heathrow;

il-bejgħ ta’ assi.

(126)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar ċerti miżuri ta’ kumpens offruti minn ČSA fis-sens li dawn dehru li kienu sempliċiment miżuri ta’ vijabbiltà. Ir-Repubblika Ċeka kkjarifikat dan il-punt u pprovdiet ġustifikazzjoni li turi r-rilevanza tal-miżuri elenkati fuq.

Tnaqqis tal-kapaċità

(127)

ČSA ppjanat li tnaqqas il-flotta tagħha b’50 %, liema tnaqqis iħalli impatt fuq in-netwerk tar-rotot. Il-kapaċità totali tal-kumpanija fl-2009 kienet ta’ [8–9] biljun ASK. Fl-aħħar tal-proċess tar-ristrutturar, ČSA qiegħda tippjana li toffri [6,2–7] biljun ASK, jiġifieri, in-netwerk sejjer jonqos bi [2–2,2] biljun ASK (li jirrappreżentaw [20–25]%).

(128)

ČSA qablet ukoll li miżuri oħrajn għandhom jitqiesu bħala sempliċi miżuri ta’ vijabbiltà, bħad-deċiżjoni li jitħassru r-rotot lejn New York u Toronto. Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-bord tat-tmexxija ta’ ČSA f’Lulju 2009 (jiġifieri qabel il-bidu tal-perjodu ta’ ristrutturar). It-titjiriet ġew sospiżi minn Novembru 2009. Madankollu, il-fatt li ČSA ħadet id-deċiżjoni li twaqqaf ir-rotot qabel il-bidu tal-perjodu ta’ ristrutturar jindika li din id-deċiżjoni kummerċjali ttieħdet sabiex tittejjeb il-vijabbiltà tal-kumpanija tal-ajru aktar milli bil-għan li jitnaqqsu l-effetti ta’ tfixkil tal-għajnuna mill-Istat fuq il-kondizzjonijiet tal-kummerċ.

(129)

Fil-PR rivedut tagħha, ČSA tipproponi li telimina sitt rotot li jagħmlu profitt (28) u li tnaqqas il-kapaċità ta’ ASK b’10 rotot addizzjonali li jagħmlu profitt (29) bħala miżuri ta’ kumpens. Is-sospensjoni tar-rotot u t-tnaqqis propost fil-kapaċità sejrin iwasslu għal tnaqqis ta’ kapaċità offruta b’[900–1 000] miljun ASK, li jikkorrespondi għal tnaqqis ta’ [10–11]% (30) fil-kapaċità tat-trasport skedat, meta mqabbel mal-2009. ČSA kkonfermat li hija sejra żżomm il-kapaċità mnaqqsa offruta bħala miżura ta’ kumpens sal-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar.

(130)

Ir-rotot jitqiesu bħala li għamlu profitt jekk kellhom marġini pożittiv ta’ kontribuzzjoni C1 fl-2009. Il-kontribuzzjoni C1 tikkunsidra l-ispejjeż relatati mat-titjiriet, mal-passiġġieri u mad-distribuzzjoni (jiġifieri spejjeż varjabbli) li huma attribwibbli għal kull rotta individwali. Din tiġi kkalkolata bħala (dħul mir-rotot-spejjeż varjabbli tar-rotot)/dħul mir-rotot. Għalhekk, ir-rotot kollha li għandhom kontribuzzjoni C1 pożittiva jiġġeneraw biżżejjed dħul sabiex mhux biss ikopru l-ispejjeż varjabbli ta’ rotta iżda wkoll jikkontribwixxu għall-ispejjeż fissi tal-kumpanija.

(131)

Mill-perspettiva tal-Kummissjoni, il-marġini tal-kontribuzzjoni C1 jidher li huwa l-figura xierqa, billi jikkunsidra l-ispejjeż kollha li huma marbuta direttament mar-rotta inkwistjoni. Il-Kummissjoni tinnota li marġini simili ġie aċċettat f’każ komparabbli (31).

(132)

Fir-rigward tal-argument tal-parti terza (TS), li tallega li ČSA fetħet rotot ġodda li qegħdin jagħmlu t-telf, bħar-rotta bejn Praga u Abu Dhabi, il-Kummissjoni tinnota li, wara l-kjarifika pprovduta mill-awtoritajiet Ċeki, din ir-rotta hija titjira ta’ code-sharing operata b’kooperazzjoni ma’ Etihad Airways. Fi kwalunkwe każ, għalkemm jistgħu jinfetħu rotot ġodda, ČSA impenjat ruħha li tnaqqas in-netwerk totali tagħha b’[20-25]% (f’termini ta’ ASK) u li żżomm dan in-netwerk imnaqqas sal-aħħar tal-perjodu tar-ristrutturar. Barra minn hekk, ČSA offriet li telimina jew tnaqqas il-kapaċità tagħha fuq 16-il rotta li qegħdin jagħmlu profitt sabiex tikkumpensa lill-kompetituri tagħha.

Iċ-ċediment ta’ slots għall-illandjar f’ajruporti Ewropej ikkoordinati

(133)

Il-Kummissjoni tinnota li, bħala riżultat tal-bidliet fin-netwerk, ser jiġu ċeduti numru ta’ slots ta’ ČSA f’ajruporti kkoordinati (32). Iċ-ċediment tal-islots għall-illandjar se jagħti ċ-ċans lil kumpaniji tal-ajru kompetituri oħrajn iżidu l-kapaċità tagħhom f’dawk l-ajruporti kkoordinati (irrispettivament mir-rotta proprja li tkun ġiet irtirata) u b’hekk jirrappreżenta tnaqqis tal-ostakoli għad-dħul fis-suq għall-benefiċċju tal-kompetituri ta’ ČSA.

Il-bejgħ tal-assi

(134)

Barra minn hekk, ČSA ssostni li l-bejgħ tal-assi tagħha li ma jagħmlux telf, bħall-bejgħ ta’ slots fl-ajruport ta’ London-Heathrow (ara l-premessa 47) u ta’ 15-il inġenju tal-ajru (ara l-premessa 48), kif ukoll il-bejgħ tan-negozju mingħajr dazju tagħha (ara l-premessa 46) u l-bejgħ ta’ kumpaniji sussidjarji lil ČAH (ara l-premessa 53) għandhom jitqiesu wkoll bħala miżuri ta’ kumpens. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-miżuri ta’ kumpens għandhom jittieħdu b’mod partikolari fis-suq fejn l-impriża jkollha pożizzjoni sinifikanti wara r-ristrutturar, huma biss dawk il-miżuri li huma relatati mas-suq tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru li huma rilevanti.

(135)

B’hekk, minbarra t-tnaqqis ta’ [10–11]% fil-kapaċità fuq rotot li jagħmlu profitt u ċ-ċediment ta’ slots f’ajruporti kkoordinati, huwa biss il-bejgħ ta’ slots fl-ajruport ta’ London-Heathrow u ta’ 15-il inġenju tal-ajru li jista’ jitqies bħala miżura ta’ kumpens xierqa, filwaqt li l-bejgħ tan-negozju mingħajr dazju u l-bejgħ tal-kumpaniji sussidjarji ta’ ČSA lil ČAH ma jistgħux minħabba li ma jaffettwawx il-pożizzjoni ta’ ČSA fis-suq ewlieni tagħha.

L-adegwatezza tal-miżuri ta’ kumpens proposti

(136)

Meta tivvaluta jekk il-miżuri ta’ kumpens humiex adegwati, il-Kummissjoni tikkunsidra l-istruttura tas-suq u l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni sabiex tiżgura li kwalunkwe tali miżura ma twassalx għal deterjorazzjoni fl-istruttura tas-suq (il-punt 39 tal-Linji Gwida R&R).

(137)

Il-miżuri ta’ kumpens iridu jkunu proporzjonati għall-effetti ta’ tfixkil tal-għajnuna u, b’mod partikolari, għad-daqs u l-importanza relattiva tal-impriża fis-suq jew fis-swieq tagħha. Il-grad ta’ tnaqqis irid jiġi stabbilit fuq bażi ta’ każ b’każ (il-punt 40 tal-Linji Gwida R&R).

(138)

Il-Kummissjoni tinnota li, għalkemm ČSA xorta għandha pożizzjoni ewlenija fis-suq tal-avjazzjoni Ċek, is-sehem ta’ ČSA mill-produzzjoni u l-kapaċità produttiva tal-industrija Ewropea kollha tal-kumpaniji tal-ajru (f’termini ta’ passiġġieri) huwa biss ta’ 1-2 %. Għal kumpanija tal-ajru relattivament żgħira bħal ČSA, tnaqqis ulterjuri fid-daqs tal-flotta tagħha jista’ jkollu effett negattiv fuq il-vijabbiltà tagħha, mingħajr ma jipprovdi ebda opportunità sinifikanti fis-suq għall-kompetituri.

(139)

F’dak li għandu x’jaqsam mal-aktar parti importanti tal-kontribuzzjoni proprja, jiġifieri t-tnaqqis tal-kapaċità, il-Kummissjoni hija tal-fehma li tnaqqis ta’ [10–11]% huwa wieħed suffiċjenti, b’mod partikolari meta mqabbel ma’ każijiet oħrajn ta’ ristrutturar f’kumpaniji tal-ajru (33).

(140)

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis li, skont il-Linji Gwida R&R, il-miżuri ta’ kumpens imsemmija fuq huma biżżejjed sabiex jiżguraw li l-effetti negattivi fuq il-kondizzjonijiet tal-kummerċ jitnaqqsu kemm jista’ jkun.

6.3.4.   Għajnuna limitata għall-minimu (kontribuzzjoni proprja)

(141)

It-tielet, skont il-punt 43 tal-Linji Gwida R&R, sabiex l-ammont ta’ għajnuna jiġi ristrett għall-minimu strett tal-ispejjeż tar-ristrutturar meħtieġa, hija meħtieġa kontribuzzjoni sinifikanti għar-ristrutturar mir-riżorsi proprji tal-benefiċjarju. Dan jista’ jinkludi l-bejgħ ta’ assi li mhumiex essenzjali għas-sopravivenza tal-impriża, jew finanzjament estern bil-kondizzjonijiet tas-suq.

(142)

Għal impriżi kbar, il-Kummissjoni ġeneralment tqis li kontribuzzjoni ta’ mill-inqas 50 % tal-ispejjeż tar-ristrutturar tkun waħda xierqa. Madankollu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali u f’każijiet ta’ diffikultà partikolari, il-Kummissjoni tista’ taċċetta kontribuzzjoni aktar baxxa (il-punt 44 tal-Linji Gwida R&R).

(143)

Il-kontribuzzjoni proprja trid tkun waħda reali, jiġifieri attwali, li teskludi l-profitti futuri kollha bħal fluss ta’ flus (il-punt 43 tal-Linji Gwida R&R). B’mod inerenti, il-kontribuzzjoni proprja ma trid tinkludi ebda għajnuna oħra mill-Istat.

(144)

Fid-dawl tal-ispejjeż tar-ristrutturar totali ta’ CZK [8 900–10 500] miljun, il-kontribuzzjoni proprja proposta tal-kumpanija ČSA hija komposta minn

self minn bank privat mogħti minn Komerční banka (CZK [125–140] miljun) u

bejgħ ta’ assi (art, proprjetà, inġenji tal-ajru u kumpaniji sussidjarji) (34).

(145)

Il-kontribuzzjoni proprja ta’ ČSA proposta mill-awtoritajiet Ċeki tirrappreżenta [70-80]% tal-ispejjeż tar-ristrutturar totali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li ČSA laħqet ftehim dwar kiri privat għal inġenju tal-ajru (USD [25–30] miljun) li jista’ jitqies ukoll bħala kontribuzzjoni proprja.

Kuntratt ta’ kera ta’ inġenji tal-ajru

(146)

ČSA laħqet ftehim ta’ kera ffinanzjata mill-privat għall-akkwist ta’ ajruplan tat-tip Airbus A319 u żewġ magni f’Mejju 2011. Il-kuntratt ta’ kera jingħata skont il-kondizzjonijiet tas-suq sa […]. Il-ftehim tal-kera jikkorrespondi għal self li jammonta għal USD [25–30] miljun (madwar CZK [520–600] miljun, jew [5.3–5.9]% tal-ispejjeż tar-ristrutturar).

(147)

Il-kumpanija tal-kiri se tipprovdi l-inġenji tal-ajru fornuti lil ČSA sabiex jintużaw taħt lokazzjoni finanzjarja għal perjodu ta’ 10 snin; meta jitħallsu l-pagamenti kollha b’mod sħiħ, ČSA ssir il-proprjetarja tal-inġenji tal-ajru. Minbarra l-ħlas akkont ta’ [29-33]% tal-prezz tal-inġenji tal-ajru, ČSA se tagħmel pagamenti tal-kuntratt tal-kera kull tliet xhur lil-lokatur, fejn tali ħlasijiet jiġu kkalkolati mill-prezz tal-inġenji tal-ajru flimkien mal-ekwivalenti tal-imgħax fuq is-self ipprovdut mill-bank lill-kumpanija tal-kiri (London Interbank Offered Rate (LIBOR) għal tliet xhur flimkien mal-marġini). Il-ħlas tal-pagamenti tal-kuntratt tal-kera (jew aħjar il-ħlas mill-ġdid tas-self mogħti minn […] lill-kumpanija tal-kiri) jiġi assigurat b’mod partikolari permezz ta’ ipoteka fuq l-inġenji tal-ajru favur il-bank, li ddum teżisti daqskemm iddum il-kirja.

(148)

Il-Kummissjoni tinnota li l-ftehim tal-kiri juri li ČSA diġà setgħet tikseb finanzjament estern bil-kondizzjonijiet tas-suq mingħajr ebda għajnuna mill-awtoritajiet Ċeki. Tali finanzjament juri li s-suq jemmen fil-fattibbiltà tar-ritorn previst għall-vijabbiltà. B’hekk, il-Kummissjoni tqis il-kirja ta’ CZK [520-600] miljun bħala parti mill-kontribuzzjoni proprja.

Self minn bank privat mogħti minn Komerční banka

(149)

Is-self propost mogħti minn Komerční banka jikkonsisti minn linja ta’ kreditu bbażata fuq ftehim ta’ qafas. Il-Kummissjoni tinnota li l-ftehim ta’ qafas li jipprovdi linja ta’ kreditu ta’ CZK [480–540] miljun kien diġà konkluż fil-31 ta’ Marzu 2009 u li, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja li qiegħda tiddeterjora ta’ ČSA, il-linja ta’ kreditu tnaqqset fl-emendi sussegwenti tal-ftehim ta’ qafas. L-aħħar emenda tal-ftehim ta’ qafas, li saret f’Diċembru 2009, ipprovdiet linja ta’ kreditu ta’ CZK [200–220] miljun biss sat-30 ta’ Ġunju 2010. Il-Kummissjoni tifhem li l-kontribuzzjoni proprja proposta ta’ CZK [125–140] miljun hija l-aktar bilanċ riċenti ta’ din il-linja ta’ kreditu.

(150)

Il-kontribuzzjoni proprja għandha turi li s-suq jemmen fil-fattibbiltà tar-ritorn previst għall-vijabbiltà. Billi l-ftehim tas-self rilevanti ġie konkluż ħafna qabel il-bidu tal-perjodu tar-ristrutturar u minħabba l-fatt li Komerční banka naqqset il-linja ta’ kreditu b’mod suċċessiv, il-Kummissjoni ma taċċettax dan is-self privat bħala kontribuzzjoni proprja skont il-punt 43 tal-Linji Gwida R&R.

Il-bejgħ tal-assi

(151)

Il-bejgħ tal-assi jista’ jinqasam fi tliet gruppi – (i) bejgħ lil operaturi tas-suq privati, (ii) bejgħ ta’ assi immobbli lill-Ajruport ta’ Praga u (iii) bejgħ ta’ kumpaniji sussidjarji lill-Istat Ċek (ČAH).

(i)   Bejgħ lil operaturi tas-suq privati

(152)

Parti minn dan il-bejgħ saret fuq il-bażi ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti u mhux kondizzjonali, bħall-bejgħ tan-negozju mingħajr dazju u l-bejgħ ta’ Slovak Air Services, s.r.o.. Parti oħra nbiegħet wara negozjati individwali lil entitajiet privati, bħall-bejgħ tal-inġenji tal-ajru u ta’ slots fl-ajruport ta’ London-Heathrow, li nbiegħu lil diversi kumpaniji tal-ajru u lil British Airways, rispettivament. Dan il-bejgħ sar f’Lulju 2010 u ġġenera CZK [3–3,5] biljun ([31–35]% tal-ispejjeż totali tar-ristrutturar).

(153)

Il-Kummissjoni tinnota li din il-parti tal-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tar-ristrutturar fil-fatt ġejja mir-riżorsi proprji tal-kumpanija u hija reali u attwali kif mitlub mill-punt (43) tal-Linji Gwida R&R. Għaldaqstant, il-Kummissjoni taċċetta dawn ir-rikavati bħala kontribuzzjoni proprja.

(ii)   Bejgħ lill-Ajruport ta’ Praga

(154)

L-art u l-proprjetà li jinsabu fil-perimetru tal-Ajruport ta’ Prague-Ruzyně nbiegħu lill-Ajruport ta’ Praga fid-9 ta’ Diċembru 2009, fit-2 ta’ Frar 2010 u fit-13 ta’ Mejju 2010. Il-bejgħ ta’ dawn l-assi kien jammonta għal CZK [1 620–1 850] miljun ([15–17]% tal-ispejjeż totali tar-ristrutturar).

(155)

Ir-Repubblika Ċeka daħħlet fis-seħħ liġi dwar il-proprjetà tal-Ajruport ta’ Prague-Ruzyně, li permezz tagħha l-art u l-proprjetà kollha fil-perimetru tal-Ajruport ta’ Prague-Ruzyně iridu jkunu kkontrollati minn kumpanija tal-Istat minħabba l-importanza strateġika tagħhom. Skont l-awtoritajiet Ċeki, il-proprjetà hija strateġikament importanti għall-Ajruport ta’ Prague-Ruzyně minħabba r-runway il-ġdida li sejra tinbena hemmhekk.

(156)

Dawn l-assi kollha nbiegħu bi prezz li ġie stabbilit f’rapporti ta’ evalwazzjoni miktuba minn esperti indipendenti mir-Repubblika Ċeka (35) qabel saru t-tranżazzjonijiet rispettivi. Il-Kummissjoni analizzat ir-rapporti ta’ evalwazzjoni sottomessi u sabet li kienu tajbin biżżejjed. L-evalwazzjonijiet ma jagħtu ebda lok għal tħassib minħabba li ma ġie identifikat ebda żball, il-metodoloġiji aċċettati ġew applikati u l-evalwazzjonijiet huma bbażati fuq suppożizzjonijiet kredibbli. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li r-rapporti ta’ evalwazzjoni ġew prodotti qabel saru t-tranżazzjonijiet rispettivi u ma jieħdux f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ monopolju tal-Istat bħala l-uniku xerrej possibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-riżultati tar-rapporti ta’ evalwazzjoni preżenti huma approssimazzjoni xierqa għall-prezzijiet realistiċi tal-assi fis-suq.

(157)

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ma kkunsidra ebda garanzija jew forom oħrajn ta’ ipoteka. Fir-rigward tal-garanziji, speċjalment dawk li jassiguraw is-self ta’ Osinek, l-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li l-garanziji kollha tneħħew qabel sar il-bejgħ. Fi tnejn mit-tliet kuntratti tal-bejgħ, datati d-9 ta’ Diċembru 2009 u t-2 ta’ Frar 2010, il-partijiet qablu li l-proprjetà se tiġi ttrasferita mingħajr ebda ipoteka. Huwa biss it-tielet kuntratt, datat it-13 ta’ Mejju 2010, li jinkludi dispożizzjoni li permezz tagħha l-proprjetà ttrasferita tinkludi l-ipoteki u s-servitujiet elenkati fir-reġistru tal-artijiet. L-ipoteki rilevanti huma dawn li ġejjin:

(a)

servitù favur l-Ajruport ta’ Praga għall-użu ta’ transformers u punti ta’ distribuzzjoni (fuq il-plott Nru. 2587);

(b)

servitù favur ČSA għall-użu tal-art għal skopijiet ta’ tħaddim (il-plott Nru. 2588/3);

(ċ)

servitù favur PREdistribuce, a.s. għall-manutenzjoni tan-netwerk tal-kejbils u d-dritt tad-dħul fil-proprjetà (il-plott Nru. 2586/1).

(158)

Il-Kummissjoni tqis li l-ipoteki u s-servitujiet jistgħu fil-prinċipju jnaqqsu l-valur tal-proprjetà immobbli. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li s-servitù msemmi fil-punt (a) fil-premessa 157 ma baqax jeżisti fiż-żmien meta ġiet ittrasferita l-proprjetà, billi s-servitù kien favur ix-xerrej innifsu. L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li s-servitù msemmi fil-punt (b) fil-premessa 157 ma baqax jeżisti fiż-żmien meta ġiet ittrasferita l-proprjetà. It-tielet servitù, jiġifieri dak imsemmi fil-punt (ċ) fil-premessa 157, għadu fis-seħħ, iżda dan is-servitù huwa wieħed mill-kondizzjonijiet għall-konnessjoni tal-Ajruport ta’ Praga man-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku mħaddem minn PREdistribuce, a.s.

(159)

Minħabba n-natura vitali tal-uniku servitù ttrasferit mal-proprjetà, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-servitujiet imsemmija fuq ma kellhom ebda impatt fuq il-valur tal-assi mibjugħa.

(160)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni taċċetta r-rikavati mill-bejgħ tal-art li jammontaw għal CZK [1 620–1 850] miljun bħala kontribuzzjoni proprja.

(iii)   Bejgħ ta’ kumpaniji sussidjarji lil ČAH

(161)

Parti oħra tal-bejgħ lill-Istat tikkonsisti mill-bejgħ tal-kumpaniji sussidjarji ta’ ČSA lil ČAH. Dawn kienu HCA (CZK [500–580] miljun); Czech Airlines Handling, a.s. (CZK [700–800] miljun); ČSA Services, s.r.o. (CZK [25–28] miljun) u Czech Airlines Technics, a.s. (CZK [1–1,15] biljun). Il-valur totali ta’ dan il-bejgħ huwa ta’ CZK [2,35–2,6] biljun (jiġifieri [24–26]% tal-ispejjeż totali tar-ristrutturar).

(162)

Il-valuri tal-bejgħ ġew stabbiliti fuq il-bażi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni li saru minn Deloitte Advisory, s.r.o. u PricewaterhouseCoopers Česká republika, s.r.o. imsemmija fil-premessa 53. Il-Kummissjoni analizzat ir-rapporti ta’ evalwazzjoni ppreżentati u sabet li kienu tajbin biżżejjed. L-evalwazzjonijiet ma jagħtu ebda lok għal tħassib minħabba li ma ġie identifikat ebda żball, il-metodoloġiji aċċettati ġew applikati u l-evalwazzjonijiet huma bbażati fuq suppożizzjonijiet kredibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-riżultati tar-rapporti ta’ evalwazzjoni preżenti huma approssimazzjoni xierqa għall-prezzijiet realistiċi tal-assi fis-suq. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li r-rapporti ta’ evalwazzjoni ġew prodotti qabel saru t-tranżazzjonijiet rispettivi.

(163)

Il-ħolqien ta’ ČAH kien il-mira tal-kummenti li saru mill-kompetitur, li ddikjara li l-għan ta’ tali struttura huwa biss li l-kumpanija ČSA tiġi pprovduta b’fondi addizzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li r-Repubblika Ċeka ddikjarat li l-ħolqien ta’ ČAH għandu raġunijiet differenti minn sempliċi trasferiment ta’ kapital lil ČSA. L-għan ewlieni ta’ ČAH huwa li tagħmel lill-kumpaniji tal-Istat aktar attraenti għall-investituri potenzjali. Bl-istruttura ta’ ČAH fis-seħħ, ser ikun tabilħaqq aktar faċli li l-kumpaniji sussidjarji individwali ta’ ČSA jiġu privatizzati lil investituri differenti separatament. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ ČAH għandu jiżgura prezzijiet kompetittivi tas-servizzi fi ħdan il-grupp u jistimola l-ġenerazzjoni tal-profitti tal-kumpaniji sussidjarji kollha, kif ukoll l-orjentazzjoni tagħhom lejn il-klijenti esterni.

(164)

Fl-aħħarnett, il-ħolqien ta’ ČAH fil-forma attwali tagħha kien approvat mill-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka (bl-impenji), filwaqt li l-bejgħ tal-kumpaniji sussidjarji sar fuq il-bażi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fuq.

(165)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li l-kontribuzzjoni proprja totali, inkluż il-bejgħ tal-kumpaniji sussidjarji, tammonta għal [78–85]% tal-ispejjeż totali tar-ristrutturar. Madankollu, fil-każ preżenti, mhuwiex meħtieġ li tiġi kkunsidrata din il-miżura, billi anki mingħajrha ČSA pprovdiet kontribuzzjoni proprja suffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż tar-ristrutturar tagħha (li jikkonsistu mill-bejgħ lil operaturi tas-suq privati, il-bejgħ tal-art u tal-proprjetà lill-Ajruport ta’ Praga kkontrollat mill-Istat u l-kiri tal-inġenji tal-ajru), li tammonta għal CZK [5,2–5,8] biljun jew [55–60]% tal-ispejjeż tar-ristrutturar (36).

(166)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-rekwiżiti tal-punt 43 tal-Linji Gwida R&R ġew issodisfati u, b’hekk, l-ammont tal-għajnuna huwa limitat għall-minimu strett tal-ispejjeż tar-ristrutturar meħtieġa.

6.3.5.   Il-prinċipju ta’ ‘l-ewwel u l-aħħar darba’

(167)

Fl-aħħarnett, l-għajnuna trid tirrispetta l-kondizzjoni li hija tkun ‘tal-ewwel u tal-aħħar’. Il-Punt 72 tal-Linji Gwida R&R jistabbilixxi li kumpanija li rċeviet għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar fl-aħħar għaxar snin mhijiex eliġibbli għal għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar.

(168)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar l-elementi possibbli ta’ għajnuna mill-Istat involuti fis-self ta’ Osinek. Madankollu, fid-deċiżjoni finali tagħha fil-kawża SA.29864 – L-implikazzjonijiet possibbli għall-għajnuna mill-Istat ta’ self ipprovdut minn Osinek, a.s., il-Kummissjoni kkonkludiet li s-self ta’ Osinek ma kien jikkostitwixxi ebda għajnuna mill-Istat, u anki li kieku kien il-każ, tali għajnuna tkun kompatibbli skont it-TF (37). Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li ČSA ma bbenefikat minn ebda għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar matul l-aħħar 10 snin. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-prinċipju ta’ ‘l-ewwel u l-aħħar darba’ ġie rrispettat.

6.3.6.   Kwistjonijiet possibbli oħrajn relatati mal-għajnuna mill-Istat

(169)

Matul il-proċedura tal-investigazzjoni formali, il-partijiet terzi qajmu għadd ta’ kwistjonijiet potenzjali addizzjonali relatati mal-għajnuna mill-Istat, jiġifieri kwistjonijiet li jikkonċernaw il-bejgħ ta’ HCA, finanzjament trasversali tar-rimunerazzjoni tas-CEO tal-kumpanija ČSA mill-Ajruport ta’ Praga u vantaġġ possibbli mogħti lil ČSA għat-tħaddim tar-rotta bejn Praga u Tel Aviv.

Il-bejgħ ta’ HCA

(170)

Fil-kummenti tagħha, TS sostniet li ČSA użat l-għajnuna mill-Istat li rċeviet sabiex tespandi n-negozju charter tagħha (permezz tal-kumpanija sussidjarja tagħha HCA), billi qiegħda toffri titjiriet bi prezz li huwa 20 % aktar baxx mill-prezzijiet standard fis-suq.

(171)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni dettaljata rigward il-bejgħ u t-tħaddim futur ta’ HCA. Ir-Repubblika Ċeka kkjarifikat li ma ġie kkontribwit ebda inġenju tal-ajru lil HCA mat-trasferiment tan-negozju tat-trasport charter u kkonfermat li l-kirjiet kollha tal-inġenji tal-ajru qegħdin isiru bil-kondizzjonijiet tas-suq skont opinjoni esperta dwar il-prezzijiet tat-trasferiment (38) jew skont ir-rati tal-kiri stabbiliti fuq il-bażi tal-Lease Rate Digest ippubblikat mill-Bureau Internazzjonali tal-Avjazzjoni (39), li jispeċjalizza f’estimi tar-rati tal-kirjiet operattivi fis-suq għal tipi individwali ta’ inġenji tal-ajru u s-snin tal-produzzjoni.

(172)

Fir-rigward ta’ xi trasferiment potenzjali ta’ impjegati, l-awtoritajiet Ċeki kkjarifikaw li għadd żgħir ta’ impjegati amministrattivi (madwar 20) ġew ittrasferiti lil HCA minn ČSA fl-2010 b’konnessjoni mal-kontribuzzjoni tan-negozju charter ta’ ČSA u skont ir-regoli stabbiliti fil-Kodiċi Kummerċjali Ċek. Il-maġġoranza tal-impjegati, inklużi l-bdoti u l-membri kollha tal-ekwipaġġ, issieħbu ma’ HCA wara proċess ġdid ta’ għażla. Il-ħaddiema kollha li qabel kienu impjegati mill-kumpanija ČSA temmew il-kuntratti tagħhom u kkonkludew oħrajn ġodda ma’ HCA. Ma ġie ttrasferit ebda dritt ta’ anzjanità mal-kuntratti l-ġodda.

(173)

Fl-aħħarnett, ir-Repubblika Ċeka kkonfermat li ma kien hemm ebda trasferiment ta’ parti mill-flotta ta’ ČSA lil HCA sabiex tkun tista’ tintuża għall-operat tat-titjiriet tal-kumpanija ČSA. HCA baqgħet ma kibritx mill-2009 u sempliċiment qiegħda tirritorna għall-volum oriġinali ta’ titjiriet imħaddma mit-taqsima charter ta’ ČSA fis-snin 2008 u 2009. Hija mhijiex se tieħu f’idejha l-operat ta’ titjiriet skedati lejn destinazzjonijiet li ma baqgħux isiru minn ČSA, iżda se toffri biss titjiriet charter.

(174)

Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni mhijiex tal-fehma li qiegħed isir sussidjar laterali tal-attivitajiet bejn ČSA u HCA u li l-vantaġġ selettiv ipprovdut lil ČSA ma ġiex ittrasferit lil HCA.

Finanzjament trasversali tar-rimunerazzjoni tas-CEO

(175)

Is-CEO tal-kumpanija ČSA kien ukoll is-CEO tal-Ajruport ta’ Praga u rċieva salarju mingħand it-tnejn li huma fl-2010 u fl-2011. Fir-rigward tal-affermazzjoni li tikkonċerna l-vantaġġ potenzjali mogħti lil ČSA fil-forma tas-salarju tas-CEO tagħha, ir-Repubblika Ċeka spjegat li r-rimunerazzjoni tas-CEO ġiet stabbilita fuq il-bażi ta’ żewġ ftehimiet amministrattivi separati konklużi bejn is-CEO u ČSA u l-Ajruport ta’ Praga rispettivament. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka affermat li l-Ajruport ta’ Praga ma kien qiegħed jipprovdi ebda kumpens għall-ħlas tar-rimunerazzjoni għall-attivitajiet tas-CEO fil-kumpanija ČSA. Skont iż-żewġ ftehimiet amministrattivi, ir-rimunerazzjoni kienet tikkonsisti minn żewġ komponenti, salarju bażiku u bonus ibbażat fuq il-prestazzjoni. Il-komponent bażiku fil-kuntratt ta’ ČSA tnaqqas għal CZK 1 fix-xahar sakemm ČSA tikseb riżultati operattivi pożittivi. Madankollu, l-ammont ta’ bonusijiet relatati mal-prestazzjoni kien għadu ffissat bħala tnax-il darba aktar mill-komponent bażiku mhux imnaqqas fis-sena.

(176)

Il-Kummissjoni vverifikat il-prospett tas-salarju tas-CEO li juri li, fil-fatt, is-salarju u l-bonusijiet imħallsa minn ČSA lis-CEO kienu jammontaw għal madwar […] tad-dħul annwali tiegħu, bl-ammont ta’ […] li jifdal ġejjin mill-impjieg tiegħu mal-Ajruport ta’ Praga. Din id-differenza hija ġġustifikata b’mod partikolari mill-prestazzjoni differenti taż-żewġ kumpaniji fil-perjodu rilevanti.

(177)

Billi s-CEO tħallas għall-ħidma tiegħu fiż-żewġ kumpaniji b’mod li kien jirrifletti l-prestazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ssib li ma ngħatat ebda għajnuna mill-Istat lil ČSA mill-mod ta’ kif is-CEO tagħha tħallas għall-ħidma tiegħu.

Ir-rotta ta’ Tel Aviv

(178)

Fil-kummenti tagħha, TS tallega li r-Repubblika Ċeka nnegozjat il-possibbiltà li tħaddem ir-rotta bejn Praga u Tel Aviv għal aktar minn trasportatur wieħed, b’mod partikolari għall-benefiċċju tal-kumpanija ČSA. In-negozjati, li kienu jinvolvu bidla fil-Ftehim bilaterali dwar it-Trasport bl-Ajru (li minn hawn ’il quddiem issir referenza għalih bħala "il-Ftehim") bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Istat tal-Iżrael (40), saru ftit wara l-konklużjoni ta’ sejħa għall-offerti miftuħa sabiex titħaddem din ir-rotta, li ntrebħet minn TS (ara l-premessa 73).

(179)

Il-Kummissjoni tinnota li r-Repubblika Ċeka kellha d-dritt legali li tibda negozjati mal-Istat tal-Iżrael għal estensjoni tad-drittijiet għal aċċess għas-suq tat-trasportazzjoni għat-trasportaturi bl-ajru taż-żewġ partijiet sakemm jiġi konkluż Trattat Ewro-Mediterranju bilaterali għall-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha fuq naħa waħda, u l-Istat tal-Iżrael fuq in-naħa l-oħra.

(180)

Fil-proċess tal-konsultazzjonijiet li saru qabel il-konklużjoni tal-Ftehim, l-awtoritajiet tal-avjazzjoni qablu, fost l-oħrajn, fuq estensjoni temporanja tal-aċċess għas-suq tat-trasportazzjoni li ppermettiet li jsiru “titjiriet speċjali”, li kienet segwita minn emenda tal-Ftehim.

(181)

L-awtoritajiet Ċeki spjegaw li l-estensjoni tal-aċċess għas-suq tat-trasport Ċek-Iżraeljan ma ġietx innegozjata biss għall-benefiċċju ta’ ČSA u li l-estensjoni tal-aċċess saret b’konformità sħiħa mar-regolamenti legali domestiċi u ma kinitx f’konflitt mad-Deċiżjoni tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Ministeru tat-Trasport tar-Repubblika Ċeka li tagħti drittijiet ta’ trasportazzjoni għat-tħaddim tar-rotta lil Travel Service (41).

(182)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li fil-fatt huwa dritt tal-Istat Membru li jagħti bidu għal bidla fil-Ftehim bilaterali fi kwalunkwe ħin jekk is-suġġett ma jkunx f’konflitt mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li permezz tagħha TS ingħatat id-dritt li tħaddem ir-rotta bejn Praga u Tel Aviv ma tistabbilixxix li jistgħu ma jingħatawx drittijiet simili lil operatur ieħor jekk dan ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

(183)

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tinnota li l-Paragrafu 1 tal-Artikolu III tal-Ftehim rivedut jistabbilixxi li "Kull Parti Kontraenti għandu jkollha d-dritt li tinnomina bil-miktub kumpanija tal-ajru waħda jew aktar lill-Parti Kontraenti l-oħra bl-iskop li topera s-servizzi miftiehma fuq ir-rotot speċifikati." Għalhekk, ČSA mhijiex l-unika kumpanija tal-ajru li tista’ tibbenifika mill-bidla tal-Ftehim. Tabilħaqq, ir-reviżjoni tal-Ftehim tidher li tikkostitwixxi miżura ta’ ftuħ tas-suq li tista’ titqies bħala pro-kompetittiva. Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li din il-miżura tiffavorixxi lil ČSA speċifikament u, għalhekk, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

6.4.   KONKLUŻJONI

(184)

Il-miżura nnotifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-awtoritajiet Ċeki ma kkonformawx mal-obbligu ta’ “standstill” skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Madankollu, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mogħtija li tammonta għal CZK 2 500 miljun u l-PR huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet tal-Linji Gwida R&R. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna għar-ristrutturar innotifikata mir-Repubblika Ċeka li tikkonsisti fl-għoti ta’ CZK 2 500 miljun lil České aerolinie, a.s. (il-Kumpanija tal-Ajru tar-Repubblika Ċeka) fil-forma ta’ skambju ta’ dejn għall-ekwità ta’ self, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-implimentazzjoni ta’ din l-għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Magħmula fi Brussell, id-19 ta’ Settembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ("TFUE"). Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza, identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE, fejn ikun xieraq. It-TFUE introduċa wkoll ċerti bidliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta’ "Komunità" b’"Unjoni" u ta’ "suq komuni" b’"suq intern". It-terminoloġija tat-TFUE sejra tintuża f’din id-Deċiżjoni.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 994 finali tat-23 ta’ Frar 2011 (ĠU C 182, 23.6.2011, p. 13).

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali

(3)  L-ammont tal-ispejjeż tar-ristrutturar wara reviżjoni tal-pjan tar-ristrutturar (mit-3 ta’ Jannar 2012). Fin-notifika, l-ispejjeż tar-ristrutturar kienu jammontaw għal CZK [7,60-9,20] biljun.

(4)   ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1.

(5)  Il-kontijiet riċevibbli minn ČSA li jirriżultaw mill-ftehim tas-self tal-Osinek ġew assenjati lill-Ministeru tal-Industrija u l-Kummerċ f’Settembru 2009. Dan l-arranġament ippermetta li ssir il-likwidazzjoni ta’ Osinek.

(6)   ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2. Il-validità tal-Linji Gwida ġiet imtawwla fl-2009 (ĠU C 156, 9.7.2009, p. 3).

(7)  Deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Ċeka Nru. S178/2011/KS-16953/2011/840/RP.

(8)  Fl-1992, Air France akkwistat 19 % tal-ishma fis-ČSA iżda reġgħet neħħiethom fl-1994. F’April 2009, ġiet organizzata offerta għall-bejgħ tal-ishma azzjonarji tal-Istat fis-ČSA, iżda billi ma ġiet ippreżentata ebda offerta adegwata lill-Gvern Ċek, il-Gvern Ċek eventwalment irrakkomanda lill-Ministru tal-Finanzi sabiex jikkanċella l-offerta f’Ottubru 2009.

(9)  Jiġifieri, l-islots allokati lilhom għall-perjodu ta’ skedar tas-sajf 2011 (mis-27 ta’ Marzu 2011 sad-29 ta’ Ottubru 2011) u għall-perjodu ta’ skedar tax-xitwa 2010/2011 (mill-31 ta’ Ottubru 2010 sas-26 ta’ Marzu 2011).

(10)  Bir-rata tal-kambju ta’ 18,5 CZK għal kull USD kif ikkalkolata mir-Repubblika Ċeka. (Skont il-Bank Nazzjonali Ċek, ir-rata medja tal-kambju ta’ kull tliet xhur bejn USD u CZK kienet tvarja bejn 18,3 u 20,2 CZK għal kull USD fl-2010 u bejn 16,9 u 18,78 CZK għal kull USD fl-2011.)

(11)  Il-kumment kien issupplimentat minn żewġ sottomissjonijiet addizzjonali u lment.

(12)  L-assoċjazzjoni ċivika "Pro Hanspaulku" tallega li l-għajnuna mogħtija lill-Kumpaniji tal-Ajru Ċeki sservi sabiex b’mod artifiċjali żżomm il-kumpanija tal-ajru bħala klijenta tal-Ajruport ta’ Praga, li qiegħed jippjana li jibni runway addizzjonali. L-assoċjazzjoni ċivika hija primarjament imħassba dwar l-impatt ambjentali kif ukoll soċjali ta’ dan il-proġett.

(13)  B’mod partikolari, TS issostni li s-ČSA ġieli tieħu deċiżjonijiet kummerċjali żbaljati, bħall-ftuħ ta’ rotot li jagħmlu t-telf, pereżempju r-rotta ġdida bejn Praga u Abu Dhabi f’Settembru 2011.

(14)  Għal valutazzjoni, ara l-premessi (171)-(174).

(15)  Wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat żewġ verżjonijiet aġġornati tal-PR (datati l-15 ta’ Settembru 2011 u t-3 ta’ Jannar 2012) lill-Kummissjoni.

(16)  L-HCA ta’ qabel ir-ristrutturar kienet qiegħda tipprovdi biss servizzi ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar li s-ČSA ppjanat li tagħlaq fl-ewwel verżjoni tagħha tal-PR. Madankollu, fil-PR rivedut, l-aġenzija tal-ivvjaġġar HCA nżammet, filwaqt li ġiet inkluża t-taqsima tan-negozju charter ta’ ČSA.

(17)  L-Att Nru. 49/1997 dwar l-Avjazzjoni Ċivili u li jemenda l-Att Nru. 455/1991 dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ (l-Att dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ), kif emendat, u t-Trattat bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka u l-Gvern tal-Istat tal-Iżrael dwar it-Trasport bl-Ajru, iffirmat f’Ġerusalemm fl-24 ta’ April 1991.

(18)  Il-code-sharing huwa forma komuni ta’ kooperazzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru, fejn titjira operata minn trasportatur partikolari tiġi offruta minn trasportaturi oħrajn bil-għan li jittejbu l-għażliet tal-bejgħ tagħhom. Din il-forma ta’ kooperazzjoni tagħti ċ-ċans lit-trasportaturi jespandu n-netwerks tad-destinazzjonijiet tagħhom offruti attwalment.

(19)  L-Att Nru. 69/2010 dwar is-sjieda tal-Ajruport ta’ Praga–Ruzyně.

(20)  Ara s-sentenza tal-Qorti tas-16 ta’ Mejju 2002, il-Kawża C-482/99 Franza vs il-Kummissjoni (“ Stardust Marine ”) [2002] Ġabra I-4397.

(21)  Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti tat-13 ta’ Lulju 1988, il-Kawża 102/87 Ir-Repubblika Franċiża vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1988] Ġabra 4067.

(22)  Sentenza tal-Qorti tas-17 ta’ Settembru 1980, il-Kawża 730/79 Philip Morris Holland BV vs il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1980] Ġabra 2671.

(23)  Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti tal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Kawża C-66/02 L-Italja vs il-Kummissjoni [2005] Ġabra I-10968, para. 117 u tal-15 ta’ Ġunju 2006, il-Kawżi Konġunti C-393/04 u C-41/05 Air Liquide Industries Belgium [2006] Ġabra I-5332, para. 35.

(24)  Dawn kienu: Amadeus Marketing ČSA, s.r.o. (sjieda ta’ 65 %), ČSA Services, s.r.o. (sjieda ta’ 100 %), Holidays Czech Airlines, a.s. (sjieda ta’ 100 %), Slovak Air Service, s.r.o. (sjieda ta’ 100 %), Czech Airlines Handling, s.r.o. u Czech Airlines Technics, a.s. (sjieda ta’ 100 %).

(25)  L-Artikoli 66a u 196a tal-Att Nru. 513/1991 (Kodiċi Kummerċjali) u t-Taqsima 23 (7) tal-Att Nru. 586/1992 (l-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul).

(26)  Ara d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-kawżi Austrian Airlines (C 6/09), ĠU L 59, 9.3.2010, p. 1, il-premessa 296 (pjan ta’ ristrutturar ta’ sitt snin), Royal Mail Group (SA.31479), C(2012) 1834 finali, il-premessa 217 (perjodu ta’ ristrutturar ta’ ħames snin) u Air Malta (SA.33015), C(2012) 4198 finali, il-premessa 93 (perjodu ta’ ristrutturar ta’ ħames snin).

(27)  Studju tas-suq imħejji mill-Boston Consulting Group.

(28)  […].

(29)  […].

(30)  Tnaqqis nett mingħajr l-irtirar tar-rotot li jagħmlu t-telf li huma meħtieġa sabiex terġa’ tinkiseb il-vijabbiltà, anki meta wieħed iqis l-espansjoni tal-kapaċità prevista bejn is-Sena Finanzjarja 2010 u s-Sena Finanzjarja 2013.

(31)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża Air Malta (SA.33015), C(2012) 4198 finali, il-premessa 111.

(32)  Il-maġġoranza ta’ dawn l-islots jinsabu f’ajruporti kkoordinati (ajruporti fejn l-islots huma allokati minn koordinatur skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1)).

(33)  Fil-każ tal-Air Malta (id-deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.33015, C(2012) 4198 finali) it-tnaqqis fil-kapaċità tar-rotot profittabbli kien jammonta għal 5 %. Fid-deċiżjonijiet preċedenti dwar ir-ristrutturar tal-kumpaniji tal-ajru, il-miżuri ta’ kumpens li ġew aċċettati kienu jirreferu għal tnaqqis globali fil-kapaċità - Austrian Airlines: 15 % (id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C 6/2009, ĠU L 59, 9.3.2010, p. 1, il-premessa 323) LTU: 28 % (id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru. 428/2002, ĠU C 148, 25.6.2003) jew tnaqqis ta’ sehem mis-suq – Cyprus Airways: 3 % (id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C10/2006, ĠU L 49, 22.2.2008, p. 25, il-premessa 129).

(34)  Għad-dettalji, ara t-Tabella 5.

(35)  Dawn l-esperti (YBN Consult–Znalecký ústav, s.r.o. u PROSCON, s.r.o.) huma rreġistrati fir-Reġistru tal-Istituti Esperti miżmum mill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Ċeka u għandhom esperjenza fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-assi.

(36)  L-element ta’ għajnuna nnotifikat huwa ta’ 2 500 miljun. Il-kiri tal-inġenji tal-ajru (CZK [520–600] miljun), il-bejgħ lil operaturi fis-suq privat (CZK [3–3,5] biljun) u l-bejgħ tal-art u tal-proprjetà lill-Istat (CZK [1,62–1,85] biljun) jammontaw għal CZK [5,2–5,8] biljun. Għalhekk, anki li kieku l-bejgħ tal-kumpaniji sussidjarji lis-ČAH kellu jitqies bħala għajnuna, l-element ta’ għajnuna jkun ta’ CZK [4,5–5] biljun (CZK 2 500 miljun flimkien ma’ CZK [2,35–2,6] biljun). Dan l-element ta’ għajnuna huwa aktar baxx mill-ammont tal-kontribuzzjoni proprja (CZK [5,2–5,8] biljun), biex b’hekk ikopri aktar minn 50 % tal-ispejjeż totali tar-ristrutturar ta’ CZK [8,9–10,5] biljun.

(37)  L-għajnuna mill-Istat mogħtija skont it-TF isservi għal skop differenti, jiġifieri li tiffaċilita l-aċċess ta’ kumpanija għal finanzi esterni sabiex tirrimedja t-taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE u, għalhekk, ma tikkostitwixxi ebda għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar fis-sens tal-Linji Gwida R&R skont l-Artikolu 107(3)(ċ) tat-TFUE.

(38)  Opinjoni esperta datata t-3 ta’ Ġunju 2011, li saret għall-Grupp ČSA minn Ernst&Young Valuations, s.r.o.

(39)  http://www.ibagroup.com/publications/lease-rate-digest.

(40)  Trattat bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka u l-Gvern tal-Istat tal-Iżrael dwar it-Trasport bl-Ajru, iffirmat f’Ġerusalemm fl-24 ta’ April 1991.

(41)  Deċiżjoni tad-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili tal-Ministeru tat-Trasport tar-Repubblika Ċeka Nru. 278/2011-220-SP/18 tat-30 ta’ Ġunju 2011.