3.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 92/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSSJONI

tad-9 ta’ Jannar 2012

dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.30584 (C 38/10, ex NN 69/10) mogħtija mill-Ungerija lil Malév Hungarian Airlines Zrt.

(notifikata bid-dokument C(2011) 9316)

(Il-Verżjoni Ungeriża biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/150/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE (1), fir-rigward tal-għajnuna C 38/10 (ex NN 69/10) (2),

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq, u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   L-ISFOND U L-PROĊEDURA

(1)

Wara bosta tentattivi falluti ta’ privatizzazzjoni, fl-2007 l-Istat Ungeriż ikkonkluda ftehim ta’ bejgħ u xiri ma’ AirBridge Zrt. (minn issa ‘l quddiem: (‘AirBridge’) dwar 99,95 % tal-ishma tat-trasportatur tal-bandiera nazzjonali tiegħu Malév Hungarian Airlines Zrt.. (minn issa ‘l quddiem: ‘Malév’). AirBridge ħallset HUF 200 miljun (EUR 740 000 (3)) bi skambju għall-ishma. Il-ftehim ta’ privatizzazzjoni kien innotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE iżda sussegwentement ġie rtirat (4).

(2)

Wara li s-sid il-ġdid intlaqat minn difficultajiet finazjarji, il-Vnyesekonombank tar-Russja (minn hawn 'il quddiem: ‘VEB’) kiseb sehem ta’ 49,5 % f’Air Bridge u sar l-azzjonist indirett ta’ Malév.

(3)

F’Marzu 2010, il-Kummissjoni saret konxja permezz ta’ rapporti fl-istampa dwar l-intenzjoni tal-Istat Ungeriż biex jerġa’ jinnazzjonalizza lil Malév. B’ittra elettronika tat-2 ta’ Marzu 2010 l-awtoritajiet Ungeriżi kkonfermaw dawn ir-rapporti għall-istampa.

(4)

Fl-10 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni rċeviet ilment bil-posta elettronika minn Wizz Air, kumpanija tal-ajru low-cost (li toffri prezzijiet imraħħsa) u l-kompetitriċi ewlenija ta’ Malév fl-Ungerija. F’dan l-ilment ġie allegat li kienet qed tingħata għajnuna mill-Istat lil Malév li kienet illegali u inkompatibbli mas-suq intern permezz ta’ għadd ta’ miżuri differenti. Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni bagħtet verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment lill-awtoritajiet Ungeriżi flimkien ma’ talba għal informazzjoni addizzjonali. L-Ungerija pprovdiet kummenti dwar is-sustanza ta’ dan l-ilment fit-30 ta’ April 2010, li jipprovdu risposti għall-kwistjonijiet li tqajmu hemmhekk.

(5)

Waqt laqgħa fil-5 ta’ Mejju 2010, l-awtoritajiet Ungeriżi indikaw li kienu beħsiebhom jirristrutturaw il-linja tal-ajru. Huma indikaw ukoll madankollu li dawn ma kinux għadhom jafu safejn għandha tasal din ir-ristrutturazzjoni.

(6)

It-tieni lment (minn kompetitur li ma qabilx mal-iżvelar tal-identità tiegħu), bid-data tal-5 ta’ Ottubru 2010 ġie rċevut mill-Kummissjoni u mgħoddi lill-awtoritajiet Ungeriżi permezz ta’ ittra tal-21 ta’Ottubru 2010. L-awtoritajiet Ungeriżi pprovdew kummenti dwar is-sustanza ta’ dan l-ilment fid-19 ta’ Novembru 2010.

(7)

Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Ungeriżi fl-14 ta’ Lulju 2010 u t-8 ta’ Ottubru 2010, u r-risposti waslu fil-11 ta’ Awwissu 2010, is-16 ta’ Awwissu 2010, il-5 ta’ Ottubru 2010, it-3 ta’ Novembru 2010 u t-23 ta’ Novembru 2010.

(8)

Fuq dan l-isfond, fil-21 ta’ Diċembru 2010 il-Kummissjoni fetħet proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem: ‘id-deċiżjoni ta’ ftuħ’) dwar diversi miżuri ta’ għajnuna mill-Istat allegatament implimentati favur Malév.

(9)

L-Ungerija ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċeduri tal-Kummissjoni fl-24 ta’ Frar 2011.

(10)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Mejju 2011 (5). Waslu kummenti minn żewġ partijiet interessati: Wizz Air fis-26 ta’ Ġunju 2011 u kompetitur (li talab li l-identità tiegħu tibqa’ mistura) fit-28 ta’ Ġunju 2011.

(11)

Il-Kummissjoni għaddiet dawn il-kummenti lill-Ungerija fis-6 ta’ Lulju 2011. L-Ungerija ssottomettiet kummenti dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet terzi fil-5 ta’ Settembru 2011.

(12)

Wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ, saru żewġ laqgħat fi Brussel bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ungeriżi: fl-10 ta’ Ġunju 2011 u d-19 ta’ Ottubru 2011.

(13)

Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Ungeriżi fis-26 ta’ Settembru 2011, li l-Ungerija wieġbet b’ittra tal-25 ta’Ottubru 2011.

II.   MALÉV U L-MIŻURI KONĊERNATI

II.1.   Il-Kumpanija

(14)

Malév hija bbażata fl-Ajruport Internazzjonali Liszt Ferenc ta’ Budapest u attwalment topera flotta ta’ 22 ajruplan (6) lejn destinazzjonijiet fl-Ewropa u fil-Lvant Nofsani. Fl-2009 ittrasportat 3,2 miljun passiġġier (7).

II.2.   Il-perjodu qabel il-privatizzazzjoni tal-2007

(15)

L-awtoritajiet Ungeriżi ppruvaw jipprivatizzaw lil Malév f’diversi okkażjonijiet. Fl-1992, inbiegħ sehem ta’ 35 % f’Malév lil konsorzju Taljan ikkontrollat mill-Istat, iffurmat minn Alitalia u Simest. Fl-1997, Alitalia-Simest biegħ sehmu lil konsorzju ta’ żewġ banek Ungeriżi li huma proprjetà privata (OTP u MKB). Fl-1999, il-biċċa l-kbira tal-ishma fi proprjetà privata ġew mixtrija mill-ġdid mill-Istat, li wasal għal sitwazzjoni li fiha l-istat għandu 97 % tal-ishma.

(16)

Malév, flimkien ma’ ħafna linji tal-ajru oħrajn, sofriet b’mod sinifikanti minn tnaqqis fir-ritmu tas-suq tal-avjazzjoni li segwa l-avvenimenti ta’ Settembru 2001 u bdiet tagħmel it-telf (ara t-Tabella 1 hawn taħt).

(17)

Kien fuq dan l-isfond li l-Istat iddeċieda għal darba oħra li jipprivatizza lill Malév.

II.3.   Il-privatizzazzjoni tal-2007 u Malév taħt kontroll privat

II.3.1.   Il-bejgħ lil AirBridge

(18)

Kien meħtieġ li l-kumpanija tiġi rikapitalizzata, u l-Istat, bħala sid, kien limitat fl-abbiltà tiegħu li jiffinanzja tali investiment. Intalbu offerti għall-Malév u kmieni fl-2007 ġie deċiż li entità ad hoc bl-isem ta’ AirBridge għamlet l-aktar offerta attraenti. Airbridge offriet pjan ta’ direzzjoni tan-negozju u ta’ ristrutturar attraenti u allegatament kummerċjalment vijabbli.

(19)

Fit-23 ta’ Frar 2007 ġie konkluż ftehim ta’ bejgħ u xiri li kien jipprovdi għall-bejgħ ta’ 99,95 % tal-ishma ta’ Malév lil AirBridge. Sehem ta’ 49 % minn AirBridge kien proprjetà ta’ Boris Abramovich (8), negozjant Russu, li kellu sehem maġġoritarju f’għadd ta’ linji tal-ajru Russi (KrasAir, u l-alleanza AirUnion ta’ linji tal-ajru Russi) u sehem ta’ 51 % kien proprjetà ta’ individwi Ungeriżi. AirBridge kienet għalhekk mistennija li ġġib l-għarfien u t-tmexxija industrijali lil Malév, flimkien ma’ pjanijiet ta’ direzzjoni tan-negozju u ta’ ristrutturar.

(20)

L-aktar partijiet sinifikanti ta’ dan il-Ftehim kienu:

(a)

Airbridge xtrat 99,95 % tal-ishma f’Malév għal HUF 200 miljun (EUR 740 000). Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008, AirBridge kienet obbligata li tipprovdi finanzjament (9) fl-ammont ta’ EUR 50 miljun.

(b)

Self mogħti fl-2003 lil Malév mill-Bank tal-Iżvilupp Ungeriż (Magyar Fejlesztési Bank, minn hawn ‘il quddiem ‘MFB’) li jammonta għal EUR 76 miljun tneħħa minn fuq il-karta tal-bilanċ ta’ Malév u ġie trasferit lejn entità ad hoc, 100 % proprjetà tal-Istat, Malév Asset Management Company (Malév Vagyonkezelő Kft., minn hawn ‘l quddiem ‘MAVA’).

Dan is-self mill-MFB tal-2003 kien self fil-valuta EUR, self 100 % garantit mill-Istat, b’rata tal-imgħax ta’ 3 xhur IBOR + 0,5 %. L-iskadenza oriġinali tas-self kienet fl-2013, bis-somma prinċipali li trid titħallas f’pagament wieħed fi tmiem il-maturità. Mat-trasferiment tas-somma prinċipali u tal-imgħax lill-MAVA, il-maturità tas-self ġiet ukoll estiża sa l-2017.

Skont l-awtoritajiet Ungeriżi, assi li għandhom valur ta’ EUR 76 miljun ġew trasferiti lill-MAVA flimkien mas-self. Dawn l-assi kienu jinkludu l-marka kummerjali tal-Malév, pajpijiet għat-twassil tal-pitrolju, u ajruplan wieħed B767. F’każ li l-Malév tagħmel profitt, ikollha wkoll tħallas 25 % tal-profitti ta’ wara t-taxxa lill-MAVA. Airbridge ipprovdiet ukoll garanzija bankarja lil MAVA minn VEB biex tkopri r-rimborż tas-self sa EUR 32 miljun.

(c)

Malév tħallas ukoll lill-MAVA s-somma ta’ EUR 200 000 kull sena bħala miżata tal-liċenzja għall-użu tal-isem u l-logo ‘Malév’. Airbridge kienet obbligata żżomm l-użu tal-isem kummerċjali u li tara li l-kumpanija tibqa’ topera bħala linja tal-ajru sal-31 ta’ Diċembru 2017, id-data l-ġdida tal-iskadenza tas-self.

(d)

Malév tikri lura l-ajrupjan B767 ajruplani – li kien għadu kif ġie trasferit lill-MAVA (ara l-punt b hawn fuq) – mill-MAVA mill-1 ta’ Jannar 2008 sal- 31 ta’ Diċembru 2017 (10).

(21)

Inħatret tmexxija ġdida u bdew jitħaddmu diversi miżuri ta’ ffrankar tal-ispejjeż, u ta’ ġenerazzjoni ta’ dħul. Dawn kienu jinkludu d-diskontinwazzjoni ta’ operazzjonijiet fuq distanzi twal u tnaqqis fil-persunal. Skont l-Ungerija, madankollu, peress li dawn il-miżuri ħabtu ma’ żieda qawwija fil-prezzijiet tal-fjuwil, ma kellhom l-ebda effett globali fuq il-profittabbiltà tal-kumpanija.

(22)

Il-pożizzjoni finanzjarja ta’ Malév kompliet sejra lura u, wara 4 xhur, din ma kellhiex il-likwidità meħtieġa sabiex tagħmel il-ħlasijiet tar-royalties għall-użu tal-isem tal-marka Malév.

(23)

Skont l-Ungerija, il-pagamenti għall-ajruplan B767 mikri mill-MAVA ma ‘twaqqfux’ hekk kif Malév kienet iddeċidiet li tissospendi rotot fuq distanzi twal peress li Malév ‘kienet tagħraf’ dawn id-djun u dak li hemm hu biss dewmien fil-ħlasijiet li fuqhom hu jitħallas l-imgħax.

(24)

Fit-tieni nofs tal-2008, il-kriżi finanzjarja globali bdiet tħalli l-impatt tagħha fuq Malév kif ukoll fuq l-imsieħba Russi tagħha. Diversi linji tal-ajru tas-Sur Abramovich fallew. AirBridge sabet ruħha fil-pożizzjoni li ma tistax tiffinanzja aktar lil Malév u ma setgħetx tonora l-obbligi tagħha li tħallas lura s-self lil VEB. Peress li d-49 % sehem mill-ishma f’AirBridge ġew kommessi lil VEB, VEB ħa dawk l-ishma. VEB indika li kien lesta li jkompli jiffinanzja lil Malév, iżda bħala bank u mhux bħala proprjetarju.

II.3.2.   Il-bejgħ ta’ Malév Ground Handling

(25)

Kif intqal qabel, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Malév kompliet sejra lura kmieni fl-2009. L-azzjonisti tagħha għalhekk avviċinaw il-Kumpanija “Holding” tal-Istat (Magyar Nemzeti Vagyonkezelő Zrt., minn hawn ‘il quddiem ‘MNV’) bi proposta biex ibigħu lil MNV is-sussidjarja proprjetà 100 % ta’ Malév, Malév Ground Handling, (minn hawn ‘l quddiem: ‘Malév GH’).

(26)

Skont l-Ungerija, Malév GH kienet f’dak iż-żmien, u għadha, impriża finanzjarjament soda.

(27)

F’Jannar 2009 ġie ffirmat ftehim ta’ xiri preliminari (u emendat fi Frar) li kien jipprovdi għal ħlasijiet bil-quddiem ta’ HUF 4,3 biljun (EUR 16 miljun). MNV għamlet ħlasijiet bil-quddiem lil Malév f’Jannar u Frar 2009. Dawn il-ħlasijiet bil-quddiem kellhom jitħallsu lura fi żmien jumejn lavorattivi f’każ li, wara li tkun saret id-diliġenza dovuta, MNV ma tkunx iddeċidiet li tipproċedi bl-iffirmar tal-ftehim finali tax-xiri u tal-bejgħ. Dan l-obbligu ta’ ħlas lura potenzjali kien garantit permezz ta’ ftehimiet kollaterali. F’Lulju 2009, MNV eventwalment iddeċediet li twaqqaf it-tranżazzjoni u r-rimborż tal-prezz tax-xiri sar dovut.

(28)

Il-ħlas bil-quddiem qatt ma ġie rimborżat lil MNV. L-imgħax dovut fuq ħlasijiet bil-quddiem qatt ma tħallas lil MNV (11).

II.3.3.   Postponiment tat-taxxa

(29)

Bejn Jannar 2007 u Marzu 2010, l-Amministrazzjoni Ungeriża tat-Taxxa u tal-Kontroll Finanzjarju (Adó- és Pénzügyi Ellenőrzési Hivatal, minn hawn ‘il quddiem: ‘APEH’) tat permess lil Malév li tipposponi jew tiskeda mill-ġdid il-ħlasijiet għal tipi differenti ta’ obbligi tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali. L-APEH ma nfurzatx id-dejn li kellu jitħallas sa minn Lulju 2008 u sussegwentemnt anki ppermettiet l-iskedar mill-ġdid ta’ ammonti ulterjuri. F’Marzu 2010, id-dejn ta’ Malév fejn tidħol taxxa u ħlasijiet tas-sigurtà soċjali (somma prinċipali u imgħax għal ħlas tard) ammontaw għal HUF 13,7 biljun (EUR 51 miljun). Fir-rigward tal-Grupp Malév kollu, din iċ-ċifra hija ta’ HUF 16,8 biljun (EUR 62 miljun). Fil-11 ta’ Marzu 2010, il-bilanċ rimanenti tal-kont kurrenti ta’ Malév mal-APEH ġie riżolt bl-użu ta’ parti mill-flus miksuba permezz taż-żieda fil-kapital, fi Frar 2010, imsemmi iktar l-isfel.

II.4.   Ir-rinazzjonalizzazzjoni tal-2010 u Malév taħt kontroll pubbliku

II.4.1.   Raġunijiet li wasslu għar-rinazzjonalizzazzjoni tal-Malév

(30)

Fl-2010 ma kienx possibbli li jinstabu investituri privati biex jieħdu f’idejhom lil Malév minn Airbridge/VEB bħala l-azzjonist prinċipali. B'mod partikolarment, VEB ma kellhiex l-intenzjoni li tiffinanzja l-linja tal-ajru bħala investitur strateġiku. Il-prestazzjoni finanzjarja tal-linja tal-ajru baqgħet dgħajfa, kif jidher fit-Tabella 1 hawn taħt.

Tabella 1

Indikaturi tal-prestazzjoni ta’ Malév ” 2003-2010 (HUF biljun)

 

2003

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

EBITDA

qligħ/(telf)

(4,4)

(1,8)

(4,9)

(8,8)

(10,6)

(8,3)

(15,5)

(19,1)

EBIT

qligħ/(telf)

(9,4)

(6,8)

(9,4)

(12,5)

(14,7)

(10,8)

(17,9)

(20,6)

Riżultat nett

qligħ/(telf)

(13,5)

(4,9)

(1,3)

(10,9)

0,7

(14,5)

(24,8)

(24,6)

Sors:

Informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ungeriżi u mill-kontijiet finanzjarji tal-Malév tal-2010

(31)

Aktar minn likwidazzjoni, l-awtoritajiet Ungeriżi ddeċidew li jinnegozjaw ma’ VEB u ma’ AirBridge sabiex jipprovaw itejbu l-pożizzjoni kummerċjali ta’ Malév fuq perjodu ta’ żmien minn medju sa twil.

II.4.2.   Iż-żieda fil-kapital fi Frar 2010: it-tpartit bejn dejn u ekwità u kapital frisk

(32)

Fis-26 ta’ Frar 2010, VEB, AirBridge, MNV, Malév u l-Gvern Ungeriż ftiehmu dwar żieda fil-kapital ta’ HUF 25,4 biljun (EUR 94 miljun), parzjalment realizzata bl-injezzjoni ta’ kapital ġdid ta’ HUF 20,7 biljun (EUR 77 miljun) u parzjalment permezz ta’ tpartit ta’ dejn ma’ azzjonijiet fejn jidħol il-ħlas avvanzat għal Malév GH (ara s-sezzjoni II.3.2 hawn fuq) flimkien mal-imgħax ta’ dan, għal total ta’ HUF 4,7 biljun (EUR 17-il miljun). AirBridge skambjat ukoll HUF 1,5 biljun (EUR 5,4 miljun) f’ishma. Bħala konsegwenza, il-pretensjonijiet kontra Malév sparixxew u l-exkredituri saru sidien ta’ parti mill-kumpanija.

(33)

Qabel iż-żieda, il-kapital reġistrat eżistenti f’Malév kien tnaqqas għal kważi żero biex jassorbi parti mit-telf akkumulat u biex jirrifletti l-fatt li l-ishma eżistenti f’Malév kienu tilfu l-valur kollu. Il-kapitali reġistrat ta’ Malév kien imbagħad żdied bil-ħruġ ta’ ishma ġodda fl-ammont nominali ta’ HUF 0,01 kull wieħed. L-iżvilupp tas-sitwazzjoni azzjonarji ta’ Malév huwa muri fil-Figura 1 hawn taħt.

(34)

Il-HUF 20,7 biljun (EUR 77 miljun) kontribwiti minn MNV fi flus kontanti ippermettew lil Malév biex tirrimborża l-obbligi tat-taxxa pendenti kollha (ara l-paragrafu 29 hawn fuq) u biex tistabbilizza b’mod temporanju l-operat tagħha.

(35)

Wara ż-żieda fil-kapital, l-Istat sar azzjonist b’sehem ta’ 94,6 % f’Malév u s-sehem ta’ AirBridge/VEB tnaqqas għall-minimu.

Figura 1

L-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-ekwità tal-Malév

Image

II.4.3.   Mejju – Awwissu 2010: Is-self tal-azzjonist u l-konverżjoni f’ekwità

(36)

Bejn Mejju u Awwissu 2010 l-Istat Ungeriż ipprovda diversi drabi ‘self mill-azzjonisti’ lil Malév permezz ta’ MNV għal total ta’ HUF 9,2 biljun (EUR 34 miljun).

(37)

L-ewwel self minn dawn, f’Mejju 2010, kien għall-ammont ta’ HUF 2,16 biljun (EUR 7,9 miljun). Kien deskritt bħala self mill-azzjonisti ta’ tliet snin b’rata ta’ imgħax ta’ 9,97 %. Il-ħlas lura kien permezz ta’ ħlas wieħed fi tmiem il-perjodu ta’ maturità u s-sigurtà kienet dritt fuq l-ishma ta’ Malév GH.

(38)

It-tieni wieħed minn dan is-self f’Ġunju 2010, għall-ammont ta’ HUF 1,34 biljun (EUR 4,9 miljun), reġa’ kien self mill-azzjonisti ta’ tliet snin b’rata tal-imgħax ta’ 9,97 %, il-ħlas lura kien mill-ġdid permezz ta’ pagament wieħed fi tmiem il-perjodu ta’ maturità u s-sigurtà kienet dritt fuq l-ishma ta’ Malév GH.

(39)

F’Awwissu 2010 ingħata t-tielet self mill-azzjonisti għall-ammont ta’ HUF 5,7 biljun (20,8 miljun EUR). Dan reġa’ kien self mill-azzjonisti b’rata ta’ imgħax ta’ 9,97 %, ripagabbli permezz ta’ pagament wieħed fi tmiem il-perjodu ta’ maturità. F’dan il-każ il-garanzija kienet dritt fuq ajruplan (HA-LNA – ajruplan jet tat-tip CRJ).

(40)

Fl-24 ta’ Settembru, dawn it-tliet selfiet, li ammontaw għal HUF 9,2 biljun (EUR 33,6 miljun), flimkien mal-imgħax dovut fuqhom (b’mod li l-ammont totali kien ta’ HUF 9,4 biljun jew EUR 34,3 miljun), ġie kkonvertit minn dejn għal ekwità f’Malév u l-garanziji sottostanti ġew rilaxxati.

II.4.4.   Settembru 2010: Żieda ulterjuri fil-kapital u self mill-azzjonisti

(41)

Fl-24 ta’ Settembru 2010, MNV ukoll żiedu l-kapital ta’ Malév billi njettaw HUF 5,3 biljun (EUR 19,3 miljun) oħra ta’ flus kontanti fil-kumpanija. Sehem l-MNV (jiġifieri sehem l-Istat) f’Malév b’hekk żdied għal 96,5 %

(42)

Fl-istess data, l-Istat ta’ lil Malév self mill-azzjonisti ulterjuri għall-ammont ta’ HUF 5,7 biljun (20,8 miljun EUR) għal perjodu ta’ 3 snin b’rata ta’ imgħax ta’ 9,97 %. L-ewwel ħlas ta’ imgħax kien dovut 6 xhur wara d-data ta’ żborżament filwaqt li restituzzjoni tas-somma prinċipali huwa permezz ta’ ħlas f'daqqa mal-maturità. Il-garanziji fuq dan is-self huma dritt reġistrat fuq l-ajruplan HA-LNA tat-tip CRJ li għandu valur tal-assi ta’ madwar HUF 1,8 biljun u dritt stabbilit fuq dħul mit-traffiku tal-aġenti, organizzat mill-IATA, sew internazzjonali kif ukoll Ungeriż.

III.   SOMMARJU TAL-MIŻURI TAĦT INVESTIGAZZJONI

(43)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni eżaminat jekk il-miżuri hawn taħt jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

Miżura 1: It-teħid ta’ responsabbiltà, fil-31 ta’ Diċembru 2007, mill-kumpanija tal-Istat MALÉV MAVA, ta’ self mogħti lil Malév mill-MFB, bank tal-iżviupp 100 % proprjetà tal-Istat, li jammonta għal EUR 76 miljun flimkien ma’ xi assi ta’ Malév. Il-maturità tas-self ġiet estiża sa mhux aktar tard mill-2017.

Miżura 2: L-għoti ta’ HUF 4,3 biljun‘faċilità ta’ flus kontanti’ għal sena waħda fil-kuntest tax-xiri ppjanat (li sussegwentement falla) mill-MNV tas-sussidjarjja ta’ Malév li tieħsu ħsieb l-operazzjonijiet tal-art, li skont l-awtoritajiet Ungeriżi kienet impenn finanzjarjament sod. Minkejja li dan il-ftehim ma twettaqx, dan il-ħlas minn qabel tal-prezz tax-xiri ma tħallasx lura.

Miżura 3: Id-differiment ta’ ħlasijiet differenti ta’ taxxa u ta’ sigurtà soċjali, dovuti bejn Jannar 2007 u Marzu 2010. F’Marzu 2010, il-kontribuzzjoni ta’ Malév tat-taxxa u tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà kien jammonta għal HUF 13,7 biljun.

Miżura 4: Fi Frar 2010, żieda kapitali minn MNV ta’ HUF 25,4 biljun parzjalment imwettqa bl-injezzjoni ta’ kapital ġdid għall-ammont ta’ HUF 20,7 biljun (EUR 77 miljun) u parzjalment permezz ta’ tpartit ta’ dejn ma' ekwità tal-ħlas avvanzat għall-kumpanija li tieħu ħseib l-operazzjoni tal-art (ara l-miżura 2) flimkien mal-imgħax, total ta’ HUF 4,7 biljun. (AirBridge partet ukoll HUF 1,5 biljun f’ekwità.)

Miżura 5: Minn Mejju sa Awwissu 2010, ingħata għal tliet darbiet self mill-azzjonisti li jammonta għal HUF 9,2 biljun mogħti lil Malév mill-MNV. It-tliet każijiet ta’ self denominat fil-munita HUF kellhom rata ta’ imgħax ta’ 9,97 %, bi ħlas lura tas-somma prinċipali bħala somma f’daqqa fi tmiem il-maturità (il-porzjonijiet kollha fi 3 snin). L-ewwel żewġ porzjonijiet li jammontaw għal total ta’ HUF 3,5 biljun (EUR 13 miljun) kienu assigurati mis-sussidjarja Malév GH u t-tielet porzjon ta’ HUF 5,7 biljun (EUR 21 miljun) minn ajruplan (HA-LNA, jet tat-tip CRJ).

Miżura 6: F’Settembru 2010, il-konverżjoni ta’ dan is-self mill-azzjonist (flimkien mal-imgħax dovut fuqu) minn dejn għal ekwità fl-ammont ta’ HUF 9,4 biljun.

Miżura 7: F’Settembru 2010, żieda ulterjuri tal-kapital fl-ammont ta’ HUF 5,3 biljun fi flus kontanti. Sehem l-Istat żdied għal 96,5 %.

Miżura 8: F’Settembru 2010, self mill-azzjonist ulterjuri fl-ammont ta’ HUF 5,7 biljun, b’rata ta’ imgħax ta’ 9,97 %, b’fidi tas-somma prinċipali bħala somma f’daqqa fi tmiem il-maturità. Is-self kien assigurat permezz tal-ajruplan HA-LNA tat-tip CRJ, imsemmi hawn fuq, u dritt stabbilit fuq dħul mit-traffiku tal-aġenti, internazzjonali u Ungeriż, organizzat mill-IATA.

(44)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni fissret ukoll dubji kemm dawn il-miżuri, safejn dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, huma kompatibbli mas-suq intern fid-dawl tal-eċċezzjonijiet speċifikati fit-TFUE u, b’mod partikolari, il-linji gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà (12) (minn hawn ‘il quddiem: ‘il-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar’).

IV.   IL-KUMMENTI MILL-UNGERIJA

(45)

Fir-risposta tagħha għad-deċiżjoni tal-ftuħ l-Ungerija reġgħet stqarret il-fatti deskritti hawn fuq u spjegat ulterjorment ir-raġunijiet li wasslu għad-diffikultajiet tal-linji tal-ajru. L-Ungerija kkonfermat ukoll li Malév kwalifikat bħala kumpanija f’‘diffikultà permanenti’ fit-tifsira tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar mill-inqas mit-tieni nofs tal-2006.

(46)

Qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Ungeriżi ressqu l-argument, fil-qosor, li l-miżuri kollha jikkonformaw mal-prinċipji ta’ investitur f’ekonomija tas-suq u l-prinċipji tal-kreditur f’ekonomija tas-suq.

(47)

Fir-rigward tal-miżuri li jakkumpanjaw il-bejgħ ta’ Malév lil AirBridge, l-awtoritajiet Ungeriżi ddikjaraw li dawn il-miżuri huma konformi mas-suq minħabba l-kollateral li ġie stabbilit bħala garanzija li jittieħed is-self mill-MAVA. Fejn jidħol il-bejgħ ta’ Malév GH li ma seħħx, huma argumentaw li ma kien ingħata ebda vantaġġ fuq Malév peress li r-rimborż tard tal-prezz tal-bejgħ ġie korrettament kollateralizzat u li kien ġie kkalkulat l-imgħax fuq il-prezz tal-bejgħ. Rigward il-posponiment tat-taxxa huma jargumentaw li kien hemm l-eżistenza ta’ kollateral għal dawn l-ammonti, li l-imposti fuq l-imgħaxijiet u l-penali applikabbli kollha ġew applikati u li barra minn hekk li dawn il-posponimenti huma miżuri ġenerali. Dwar ir-rinazzjonalizzazzjoni ta’ Malév, l-awtoritajiet Ungeriżi jiddikjaraw li setgħu infurzaw it-talbiet tagħhom kontra Malév, ħaġa li kienet twassal għall-falliment u l-likwidazzjoni tal-kumpanija. Kieku għamlu dan, huma tal-opinjoni li kienu jirkupraw parti żgħira biss tat-talbiet tagħhom (minbarra parti koperta mill-garanzija VEB msemmija fil-paragrafu (20) hawn fuq). Barra minn hekk, kienu jiffaċċjaw konsegwenzi negattivi sinifikanti għall-ekonomija nazzjonali (13).

(48)

Fir-rigward tas-self mill-azzjonist u t-trasformazzjoni sussegwenti tiegħu f’ekwità f’Malév, l-Istat huwa tal-fehma li dawn ma taw l-ebda vantaġġ lil Malév peress li l-ħin kollu dawn is-selfiet kienu garantiti kompletament kontra assi, ġew applikati r-rati ta’ imgħax konformi mas-suq, u li fil-mument tat-trasformazzjoni f’ekwità ttieħed kont sħiħ tal-imgħax dovut.

(49)

L-awtoritajiet Ungeriżi ma ppreżentaw l-ebda elementi ġodda wara d-deċiżjoni tal-ftuħ. Il-kummenti tal-Ungerija dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ ma fihom l-ebda elementi ġodda li jissustanzjaw il-karattru mhux ta’ għajnuna tal-miżuri, u lanqas ma jinkludu informazzjoni li tissustanzja l-kompatibbiltà tal-miżuri implimentati mas-suq intern, partikolarment mal-Gwida għas-Salvataġġ u r-ristrutturar.

V.   IL-KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(50)

Żewġ kompetituri ssottomew kummenti (ara paragrafu (10) hawn fuq), it-tnejn li huma jappoġġjaw l-investigazzjoni tal-Kummissjoni:

(51)

Il-kompetitur li talab li l-identità tiegħu ma tiġix żvelata allega li ċerti investituri privati kienu interessati jakkwistaw sehem ta’ kontroll f’Malév, li juri li kien hemm alternattivi vijabbli disponibbli għall-Ungerija bħala alternattiva għar-rinazzjonalizzazzjoni tal-2010 ta’ Malév.

(52)

Wizz Air evalwat il-valur tas-suq aggregat tal-assi li kienu ġew trasferiti lil MAVA flimkien mal-self tal-MFB (il-Miżura 1), inkluż il-marka kummerċjali ta’ Malév, pajp tal-pitrolju, u ajruplan wieħed B767, bħala li ma jaqbiżx is-EUR 27 miljun, li huwa sostanzjalment inqas mill-ammont tas-self. Għalhekk, Wizz Air ikkonkludiet li din it-tranżazzjoni ma saritx fuq bażi distakkata u kkonferiet vantaġġi sinifikanti lil Malév.

(53)

Rigward id-differiment tat-taxxa (Miżura 3), Wizz Air allegat li taħt il-liġi Ungeriża impriża privata f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ Malév ma tistax tingħata differiment tat-taxxa simili bħal dak li qed tissemma, la awtomatikament u lanqas bħala eċċezzjoni.

VI.   IL-KUMMENTI TAL-UNGERIJA DWAR L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(54)

Wara li l-Kummissjoni estendiet l-iskadenza għat-tweġiba, l-Ungerija wieġbet għal dawn il-kummenti fil-5 ta’ Settembru 2011. L-Ungerija żżomm il-pożizzjoni tagħha li l-miżuri tal-passat huma ġġustifikati bit-test tal-prinċipju tal-investitur fl-ekonomija tas-suq test (ara l-paragrafu (59) hawn taħt) u għaldaqstant ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Skont l-Ungerija, l-eżistenza ta’ objettivi ta’ politika pubblika ma jaffettwax il-karattru tal-miżuri bħala li mhumiex ta’ għajnuna.

(55)

L-Ungerija ddikjarat li ma kien hemm l-ebda għażliet vijabbli u li kien biss permezz tar-rinazzjonalizzazzjoni li l-awtoritajiet Ungeriżi setgħu jerġgħu jiksbu l-kontroll fuq l-operat sħiħa ta’ Malév, biex il-kumpanija nazzjonali tal-ajru tkun tista' attwalment timplimenta l-proċedura ta’ ristrutturazzjoni li kienet ilha ssegwi mill-2007, sabiex jiġi żgurat is-suċċess kummerċjali tal-kumpanija. Fir-rigward tal-miżura 1, l-Ungerija kienet tal-fehma li l-valur tal-assi in kwistjoni kien jikkorrispondi għall-valur tas-self. Fir-rigward tal-miżura 3, l-Ungerija ddikjarat li l-awtoritajiet tat-taxxa Ungeriżi ttrattaw lil Malév bħal kwalunkwe kontribwent ieħor f’sitwazzjoni simili.

VII.   IL-PREŻENZA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT SKONT IT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 107(1) TFUE

VII.1.   Ġenerali

(56)

Sabiex taċċerta jekk il-miżuri li qed jiġu kkunsidrati jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni trid tqis jekk dawn jissodisfawx il-kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Din id-dispożizzjoni tgħid li “Ħlief għal derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(57)

Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni se tevalwa jekk il-miżuri favur Malév li qed jiġu kkontestati jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

(58)

Fir-rigward tal-kriterji kumulattivi tal-għajnuna mill-Istat, bħal fil-każ attwali, m’hemm l-ebda dubju li hemm effett fuq il-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni u dan lanqas biss ma ġie disputat mill-awtoritajiet Ungeriżi. Malév tinsab f’kompetizzjoni ma’ linji tal-ajru oħra tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari wara d-dħul fis-seħħ tat-tielet stadju tal-liberalizzazzjoni tat-trasport bl-ajru (‘it-tielet pakkett’) fl-1 ta’ Jannar 1993 (14). Il-miżuri inkwistjoni ippermettew lil Malév tkompli topera b’mod li ma kellhiex taffaċċja, bħal ma kellhom jagħmlu kompetituri oħra, il-konsegwenzi li normalment jitnisslu mir-riżultati finanzjarja batuti tagħha.

(59)

Rigward ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà tal-miżuri, lanqas dan ma ġie kkontestat mill-Ungerija. L-APEH hija l-awtorità tat-taxxa Ungeriża u bħala tali b’mod ċar imputabbli lill-Istat. L-MNV hija l-kumpanija holding tal-Istat. Id-dmirijiet tagħha huma mfissra fl-aktar regoli ta’ qafas importanti tal-Att dwar l-Assi tal-Istat. L-MNV teżegwixxi d-deċiżjonijiet tal-gvern u tal-ministru kompetenti. Fir-rigward tal-MAVA, hija wkoll 100 % proprjetà tal-Istat (via l-MNV) u – kif jispjegaw l-awtoritajiet Ungeriżi – tirrappreżenta ‘emanazzjoni tal-Istat Ungeriż’.

(60)

Dwar is-selettività, bl-eċċezzjoni tal-miżura 3 (id-differiment tat-taxxa) dan ma kienx ikkontestat mill-Ungerija. Il-miżuri kellhom jiffavorixxu kumpanija waħda, Malév.

(61)

Il-fatt jekk hemmx vantaġġ ekonomiku jew le favur Malév fil-miżuri li qed jiġu eżaminati jiġi evalwat hawn taħt.

(62)

Hawnhekk, il-Kummissjoni tinnota li skont prinċipji stabbiliti sew tal-liġi Komunitarja, jekk ‘impriża’ tingħata kapitali addizzjonali b’kundizzjonijiet li jkunu aħjar minn kundizzjonijiet normali tas-suq, dan jista’ jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE peress li jwassal biex l-impriża partikolari tkun ‘iffavorita’ fi ħdan it-tifsira ta’ dan l-Artikolu. Sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx qed jingħata tali vantaġġ, il-Kummissjoni tapplika l-‘Prinċipju ta’ Investitur f’Ekonomija tas-Suq’ (PIES). Skont dan il-prinċipju, jekk, f’ċirkustanzi simili, ‘investitur privat li jopera f’kundizzjonijiet normali tas-suq, f’ekonomija tas-suq ta’ daqs komparabbli ma’ dak tal-korpi li joperaw fis-settur pubbliku, seta’ jħossu inċentivat biex jagħmel il-kontribuzzjoni kapitali in kwistjoni’, ma tkun involuta l-ebda għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni għalhekk trid tivvaluta jekk ‘investitur privat ikunx daħal fit-tranżazzjoni in kwistjoni bl-istess kundizzjonijiet  (15)’. L-attitudni tal-investitur privat ipotetiku hija dik ta’ investitur prudenti (16) li l-għan aħħari tiegħu li jimmassimizza l-profitti jittaffa b’kawtela dwar il-livell ta’ riskju aċċettabbli għal rata partikolari ta’ ritorn (17).

(63)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea, għalkemm l-imġiba ta’ investitur privat li magħha jrid jitqabbel l-intervent tal-investitur pubbliku li jkun qed isegwi għanijiet ta’ politika ekonomika m’hemmx għalfejn tkun l-imġiba ta’ investitur komuni li jkun qed joħroġ kapital bil-għan li jikseb profitt fi żmien relattivament qasir, trid għall-anqas tkun l-imġiba ta’ kumpanija holding privata jew grupp privat ta’ impriżi li jkun qed isegwi politika strutturali – kemm jekk ġenerali kif ukoll settorjali – u li jkun iggwidat minn prospetti ta’ qligħ fuq medda itwal taż-żmien (18).

(64)

Barra minn hekk, ‘… it-tqabbil bejn l-imġiba ta’ investituri pubbliċi u dawk privati trid issir b’referenza lejn l-attitudni li investitur privat kien ikollu fil-mument tat-tranżazzjoni inkwistjoni, f’kunsiderazzjoni tal-informazzjoni disponibbli u ta’ l-iżviluppi li jkunu prevedibbli f’dak iż-żmien  (19).

(65)

L-analiżi u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tinkludi ‘dawk il-fatturi kollha li huma rilevanti għat-transazzjoni inkwistjoni u l-kuntest tagħha’. Dan jinkludi s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja u s-suq rilevanti. Abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-kwistjoni ewlenija li l-Kummissjoni tixtieq tesplora hija jekk l-impriża rċevietx ‘vantaġġ ekonomiku li kieku ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq  (20)’.

(66)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-PIES huwa applikabbli wkoll għal self. Meta jiġi applikat għall-għoti ta’ self, dan il-prinċipju jqajjem il-kwistjoni dwar jekk investitur privat kienx jagħti s-self lill-benefiċjarju bil-kundizzjonijiet li taħthom ġie fil-fatt mogħti (21).

VII.2.   Valutazzjoni tat-totalità tal-miżuri

(67)

Kif diġà tfisser fid-deċiżjoni tal-ftuħ, is-sentenza fil-kawża BP Chemicals  (22) hija rilevanti għall-valutazzjoni tal-każ inkwistjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri mhumiex awtonomi u huma marbuta permezz tal-kronoloġija tagħhom, tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Malév u tal-finalità tagħhom peress li kollha għandhom l-għan li jżommu fil-wiċċ il-linja tal-ajru u li jsolvu l-ħtiġijiet ta’ likwidità tagħha u s-sottokapitalizzazzjoni minħabba t-telf li għamlet. L-Ungerija targumenta wkoll fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ li l-passi differenti tal-‘proċess’ huma ‘inseparabbli’ u l-miżuri kollha kienu maħsuba biex isegwu għan wieħed, jiġifieri li jitħares l-operat tal-linja tal-ajru billi jinstab investitur strateġiku.

(68)

Mis-sottomissjonijiet tal-Ungerija ħareġ ċar li l-miżuri implimentati mill-Ungerija favur Malév huma mmotivati minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika pubblika u mhumiex imsejsa fuq il-konsiderazzjoni dwar il-profittabbiltà futura tal-kumpanija. L-Ungerija enfasizzat f’bosta okkażjonijiet l-fatt li l-privatizzazzjoni kienet falliet u l-importanza ta’ Malév għall-ekonomija nazzjonali. Ġie rikonoxxut li, fit-twettiq tal-miżuri, l-Istat ħa f’kunsiderazzjoni ‘r-rwol tal-linja tal-ajru fl-infrastruttura nazzjonali, is-suq tax-xogħol u l-interess tal-fornituri’. L-awtoritajiet Ungeriżi enfasizzaw ukoll li ma hemm ebda investitur privat li jkun lesti li jieħu f’idejh il-linja tal-ajru fil-forma attwali tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tassumi li l-ebda investitur privat ma kien jaġixxi bħall-gvern Ungeriż f’ċirkustanzi simili meta jkun qed iwettaq il-miżuri. Hawnhekk, il-Kummissjoni tfakkar ukoll li fis-sentenza fil-kawża Boch il-Qorti indikat li ‘it-test huwa, b’mod partikolari, jekk f’ċirkostanzi simili azzjonist privat, wara li jkun ikkunsidra l-probabbiltà li jikseb ritorn u wara li jkun warrab kull kunsiderazzjoni ta’ natura soċjali, ta’ politika reġjonali u settorjali, ikunx lest li jissottoskrivi l-kapital inkwistjoni (23).

(69)

Fid-dawl tar-riżultati finanzjarji ħżiena ta’ Malév fuq perjodu twil (ara t-Tabella 1 u l-paragrafi (103)-(104) hawn taħt) u d-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi li l-linja tal-ajru kienet f’diffikultà permanenti mill-inqas mill-2006, ritorn aċċettabbli għal investitur privat seta’ kien mistenni biss f’każ li l-kumpanija tkun għaddiet minn ristrutturar drastiku. Madankollu, la l-Ungerija u lanqas Malév ma qatt taw prova li pjan ta’ ristrutturar bħal dan kien fil-bażi ta’ xi waħda mill-miżuri eżami.

(70)

Fuq il-bażi ta’ dan kollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri 1-8 meħuda flimkien mhumiex kumpatibbli mal-PIES. Din il-valutazzjoni tkompli tiġi kkonfermata permezz ta’ analiżi individwali ta’ kull miżura.

VII.3.   Valutazzjoni tal-miżuri 1-8 individwalment

VII.3.1.   Miżura 1

(71)

Skont l-Ungerija, l-attivitajiet tal-MAVA huma limitati għal funzjoni ta’ darba, jiġifieri li żżomm ċerti assi li qabel kienu jappartjeni lil Malév u li taġixxu bħala ‘passaġġ għal ċerti pagamenti bejn Malév u l-MFB’. Il-MAVA nħolqot biss għal dan il-għan.

(72)

Fir-rigward ta’ dejn li jammonta għal EUR 76 miljun trasferit lejn il-MAVA, dan joriġina minn ftehim ta’ self bejn Malév u l-MFB tal-2003. Is-self kellu jitħallas lura fi ħlas wieħed fi tmiem il-maturità u kopert minn garanzija tal-Istat. Dan is-self tal-2003 kien inkluż fil-lista ta’ miżuri ta’ għajnuna eżistenti tat-Trattat tal-Adeżjoni (24). Madankollu, fl-2007 il-maturità tal-ftehim tas-self ittawwlet sa l-2017. Għalhekk, mill-2007, din il-miżura ma tistax titqies aktar bħala miżura eżistenti ta’ għajnuna. Tabilħaqq, l-estensjoni ta’ miżura ta’ għajnuna tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna ġdida skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (25).

(73)

L-investigazzjoni wriet li din it-tranżazzjoni (jiġifieri l-estensjoni tal-maturità tad-dejn, il-ħolqien tal-MAVA, it-trasferiment tad-dejn lejn il-MAVA, it-trasferiment tal-assi lejn il-MAVA u l-ftehimiet ta’ kiri lura) huma mmirati biss lejn ir-ristrutturar tad-dejn ta’ Malév. L-Ungerija stess ammettiet li l-MAVA qatt ma kienet intenzjonata sabiex tagħmel profitt. Bħala riżultat ta’ din it-tranżazzjoni, id-dejn (flimkien mal-assi) kien tħassar minn fuq il-karta tal-bilanċ ta’ Malév.

(74)

L-argument tal-Ungerija li l-obbligi finanzjarji li daħlu għalihom Malév u AirBridge kienu biżżejjed sabiex ikopru l-ispejjeż tal-MAVA m’huwiex aċċettabbli biex juri li t-tranżazzjoni hija konformi mas-suq, peress li l-ebda attur tas-suq privati ma kien ikollu l-inċentiv biex jaġixxi bl-istess mod. Fir-rigward tal-kollaterali offruti, dawn kellhom jippermettu lill-MAVA biex tħallas lura d-dejn fi tmiem il-maturità tas-self, jiġifieri fl-2017 (26). L-ebda investitur privat ma kien jieħu riskju bħal dan, jiġifieri li jieħu fuqu assi li jkollhom valur futur inċert kontra ċertu obbligu ta’ ħlas.

(75)

Għalkemm l-awtoritajiet Ungeriżi pprovdew evalwazzjonijiet pjuttost komprensibbli (27) għall-ajruplan B767 (28) u l-pipeline tal-pitrolju (29), l-evalwazzjoni pprovduta (il-metodu ta’ fluss skontat ta’ flus) għall-marka Malév (EUR 56 miljun) jidher li hu ċirkolari u dipendenti ħafna fuq il-prestazzjoni tal-linja tal-ajru tant li r-riżultat tiegħu ma jistax jittieħed bħala l-valur oġġettiv tal-marka Malév, speċjalment meta wieħed iqis l-istat tal-linja tal-ajru u l-prestazzjoni tagħha. Minħabba l-fatt li l-Istat kien konxju tal-probabbiltà li Malév ma tkunx kapaċi tissodisfa l-obbligi tagħha tal-ħlas tar-royalties, il-metodu tal-fluss skontat ta’ flus kellu jirriżultaw f’valur daqstant baxx li jkun żero. Taħt din l-istruttura kuntrattwali speċifika, il-valur tal-marka għalhekk ma jistax jiġi aċċettat bħala kollateral suffiċenti.

(76)

Il-partijiet kontraenti kellhom suppost ikun jafu li Malév, bħala kumpanija f’diffikultajiet diġà fl-2007, ma kinitx realistikament kapaċi tissodisfa biżżejjed l-obbligu ta’ ħlas tar-royalties tagħha. Fil-fatt, fis-segwitu ta’ din it-tranżazzjoni, il-‘kosti’ tal-MAVA (jiġifieri l-pagament tal-imgħax lill-MFB) ma setgħux ikunu koperti mill-pagamenti tar-royalties ta’ Malév għall-marka. Il-MAVA qatt ma ħadet passi sabiex tinforza l-ħlasijiet pendenti.

(77)

Fir-rigward tat-EUR 32 miljun garanzija tal-VEB, din kienet maħsuba biex tkopri mhux biss is-somma prinċipali iżda wkoll pagamenti regolari tal-imgħax li l-MAVA għandha mal-MFB.

(78)

Fuq dan l-isfond u minħabba l-fatt li ma ġie trasferit l-ebda ekwivalenti adegwat lejn il-MAVA, li tneħħi d-dejn mill-karta tal-bilanċ tal-kumpanija għandu jitqies bħala vantaġġ favur Malév.

VII.3.2.   Miżura 2

(79)

Fir-rigward tal-ħlas bil-quddiem mill-MNV għall-bejgħ tal-kumpanija li tmexxi l-operazzjonijiet fuq l-art (li aktar tard falla), skont l-evalwazzjoni esperta mressqa mill-Ungerija, din il-kumpanija kellha valur tal-assi netti ta’ HUF 1,6 biljun u valur tas-suq stmat ta’ HUF 3,5 biljun fl-2009. Fil-fatt f’Jannar 2009 l-MNV ħallset lil Malév HUF 1,6 biljun bħala ħlas bil-quddiem. Dan il-ħlas kien assigurat permezz ta’ rahan fuq HA-LNA, l-ajruplan jet tat-tip CRJ (bil-valur tas-suq stimat ta’ HUF 1,8 biljun). Fi Frar 2009 il-ftehim preliminari tax-xiri kien emendat u l-MNV ħallset HUF 2,7 biljun (total ta’ HUF 4,3 biljun) addizzjonali, u ġie rreġistrat impenn tat-tieni livell fuq l-istess ajruplan.

(80)

Fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ, l-awtoritajiet Ungeriżi jammettu li ħlas bil-quddiem fil-fatt sar sabiex tiġi żgurata l-likwidità ta’ Malév matul il-fażi tan-negozjati ta’ rinazzjonalizzazzjoni.

(81)

Skont il-ftehim tax-xiri preliminari, il-ħlas lura ta’ din is-somma kien dovut immedjatament (fi żmien jumejn tax-xogħol) fil-każ li tfalli t-tranżazzjoni. Madankollu, ma ttieħdu l-ebda passi mill-MNV biex jiġi rkuprat dan id-dejn wara li l-MNV reġa’ lura mill-ftehim f’Lulju 2009. L-interess ex-post kien impost biss - iżda qatt ma tħallas - meta d-dejn kien skambjat ma’ ekwità fl-2010. Malév għalhekk kellha din il-faċilità kontanti għad-dispożizzjoni tagħha mingħajr ħlas.

(82)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura ttrasferiet lejn Malév vantaġġ meta r-rimborż tal-ħlas bil-quddiem ma ġiex infurzat wara li sar dovut f’Lulju 2009. Barra minn hekk, kien seħħ vantaġġ anki qabel, fil-mument meta ġie modifikat il-ftehim tax-xiri preliminari fi Frar 2009 u żdied il-ħlas bil-quddiem (fuq il-prezz tas-suq stmat tal-kumpanija) mingħajr ma kien kopert minn kollateral biżżejjed.

VII.3.3.   Miżura 3

(83)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-għoti ripetut mill-awtorità tat-taxxa ta’ differimenti ta’ obbligi ta’ taxxa u obbligi soċjali, il-Kummissjoni tinnota li fuq il-bażi tas-sottomissjonijiet mill-Ungerija huwa ċar li matul l-2006-2007 intalab differiment tal-ħlas tal-obbligi tat-taxxa minn Malév fi 12-il okkażjoni differenti (li kienu jolqtu pagamenti differenti). L-awtorità tat-taxxa tat differiment kull darba. Skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża rilevanti, l-għoti ta’ dawn il-differimenti hi diskrezzjonali, u setgħu ġew miċħuda. Għalhekk, il-miżura għandha titqies bħala selettiva (30).

(84)

Sa Lulju 2008, l-imgħax statutorju kien impost u mħallas minn Malév skont l-iskedi ta’ differiment. Fid-deċiżjonijiet tagħha l-awtorità tat-taxxa ċċitat is-sitwazzjoni diffiċli ta’ Malév u r-ristrutturar ippjanat f’dak l-istadju bħala r-raġunijiet għal dan.

(85)

Minn Lulju 2008, madankollu, Malév waqqfet tħallas il-kontribuzzjonijiet tagħha tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali kif ukoll l-imgħax (bl-eċċezzjoni ta’ ħlas wieħed parzjali f’Diċembru 2008), u ma ttieħdu l-ebda passi mill-awtorita tat-taxxa biex dan id-dejn jiġi rkuprat. Barra minn hekk, pagamenti oħra ġew riskedati mill-ġdid wkoll wara li Malév ma osservatx ftehimiet għall-iskedar mill-ġdid. Minn April 2009, l-obbligazzjonijiet ta’ taxxa u dawk soċjali dovuti minn dak il-mument (jiġifieri mhux il-pagamanti ta’ qabel diġà dovuti) lanqas biss kienu għadhom riskedati mingħajr kwalunkwe azzjoni konkreta meħuda mill-APEH sabiex jinforzaw xi parti mid-dejn.

(86)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda kreditur privat ma kien jaġixxi bħall-Istat Ungeriż. Tabilħaqq, sa minn Lulju 2008, qatt ma ttieħdu passi konkreti biex jinfurzaw id-dejn. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija, minkejja xi sforzi ta’ ristrutturar, baqgħet dgħajfa ħafna (ara t-Tabella 1 hawn fuq), u kien hemm biss ftit prospetti, jew anki xejn, li l-kumpanija terġa’ lura għal profittabilità. F’ċirkostanzi simili, kreditur privat kien isegwi l-infurzar tal-ftehim. Barra minn hekk, wara li Malév ma rrispettatx il-ftehimiet għall-iskedar mill-ġdid, l-ebda kreditur privat ma kien jaċċetta riskedar ulterjuri.

(87)

Għalhekk, tal-anqas sa minn Lulju 2008, in-nuqqas ta’ infurzar tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa mill-awtorità tat-taxxa u r-riskedar ulterjuri ttrasfew vantaġġ lil Malév.

VII.3.4.   Miżura 4

(88)

Għal dak li għandu x’jaqsam maż-żieda fil-kapital fi Frar 2010, li permezz tagħha l-Istat innazzjonalizza mill-ġdid il-linja tal-ajru li fiha huwa ma kellu l-ebda sehem wara l-privatizzazzjoni tagħha, l-aktar fatt li jolqot huwa li filwaqt li 99,5 % ta’ Malév inbiegħ għal prezz ekwivalenti għal madwar EUR 740 000 fl-2007, fl-2010 l-Istat de facto ħallas l-ekwivalenti ta’ EUR 94 miljun biex jerġa’ jakkwista 94,6 % tal-appartenenza (permezz taż-żieda fil-kapital: parzjalment imwettqa bl-injezzjoni ta’ kapital ġdid ta’ HUF 20,7 biljun u parzjalment permezz ta’ tpartit ta’ dejn ma’ ekwità tal-ħlas minn qabel għall-kumpanija li tmexxi l-operazzjonijiet tal-art ta’ HUF 4,7 biljun, jiġifieri 127 darba l-prezz tal-bejgħ oriġinali. Din l-imġiba tal-Istat, speċjalment fid-dawl tal-fatt li sadattant il-linja tal-ajru kienet qed takkumula t-telf, li kompliet bl-ekwità negattiva u li ma kien hemm l-ebda pjan ta’ ristrutturar kredibbli, mhix konformi mas-suq. Fil-fatt, l-awtoritajiet Ungeriżi rikonoxxew huma stess li l-kumpanija kienet f’‘diffikultà permanenti’ u l-ebda investitur privat ma kien lest li jixtri lil Malév kmieni fl-2010.

(89)

Filwaqt li ż-żieda fil-kapital kienet tammonta għal HUF 25,4 biljun (jiġifieri dan kien l-ammont li l-Istat Ungeriż ħallas biex jerġa jakkwista 94,6 % pussess tal-linja tal-ajru), fiż-żmien it-tpartit, il-Malév kellha ekwità negattiva ta’ HUF 41 biljun (EUR 152 miljun), telf akkumulat fl-ammont ta’ HUF 51 biljun (EUR 189 miljun) u dejn totali ta’ HUF 75 biljun (EUR 278 miljun) (31). Skont il-kontijiet finanzjarji tal-2010, fil-bidu tal-2010 ‘il-problemi finanzjarji tal-linja tal-ajru kienu serji, id-dejn laħaq livell drammatiku, is-sorsi tal-finanzjament prattikament ma kinux preżenti. […] Minħabba n-nuqqas ta’ proprjetarju strateġiku, ma kien disponibbli l-ebda finanzjament kummerċjali strateġiku.’ Tabilħaqq, il-linja tal-ajru kienet ilha ġġarrab it-telf mill-anqas sa mill-2003 mingħajr l-ebda prospett realistiku li tirritorna għall-vijabbiltà, lanqas is-sid privat ma kien irnexxielu jdawwar din is-sitwazzjoni tal-kumpanija. Fuq dan l-isfond kien ċar li ż-żieda fil-kapital ma kinitx se tkun biżżejjed biex terġa tpoġġi lill-kumpanija f’sitwazzjoni ta’ vijabbiltà u li wara r-rinazzjonalizzazzjoni Malév tkun teħtieġ iktar kapital u aktar likwidità sempliċement biex tibqa’ fil-wiċċ. Il-Kummissjoni tikkonkludi li taħt dawk iċ-ċirkostanzi ir-rinazzjonalizzazzjoni fi Frar 2010 ta’ Malév permezz taż-żieda tal-kapital tat vantaġġ lill-kumpanija.

(90)

Fir-rigward tal-argument tal-Ungerija li għall-Istat huwa aħjar li l-kumpanija tiġi nnazzjonalizzata milli jinforza l-pretensjonijiet tiegħu kontra Malév, il-Kummissjoni tinnota dan li ġej. Kif l-Ungerija tirrikonoxxi, f’każ ta’ falliment, kienu jirkupraw porzjon żgħir ħafna tat-talbiet tagħhom minbarra dak koperta mill-garanzija tal-VEB. (Fil-fatt, il-valur tal-assi ta’ Malév kien negattiv fil-mument tat-tranżazzjoni.) B’kuntrast, l-Istat Ungeriż iddeċieda li jżomm il-linja tal-ajru ħajja billi partat id-dejn kif ukoll billi injetta flus ġdid għall-ammont ta’ HUF 20,7 biljun (madwar EUR 77 miljun). L-ebda investitur privat ma kien jieħu dan il-piż finanzjarju ulterjuri f’sitwazzjoni simili, speċjalment mingħajr opportunitajiet realistiċi li l-kumpanija terġa’ ssir vijabbi.

(91)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li fl-istess ħin li l-Istat Ungeriż żied il-kapital ta’ Malév, AirBridge (indirettament il-VEB) ukoll skambjat id-dejn tagħha, li jammonta għal HUF 1,4 biljun, f’ekwità. Madankollu, dan l-ammont huwa biss 5 % tal-kapital il-ġdid u, barra minn dan, l-Istat, b’żieda mad-dejn ikkonvertit, ikkontribwixxa wkoll ammont sostanzjali ta’ kapital ġdid. Fil-fatt, l-injezzjoni tal-flus ġodda għamlu 77 % miż-żieda tal-kapital. Barra minn hekk, minħabba kundizzjonijiet finanzjarji ħżiena ta’ Malév, il-perspettiva ta’ Airbridge biex jikseb il-ħlas ta’ dak l-ammont kienet limitata ħafna jew saħansitra ineżistenti. Għalhekk l-imġieba tal-entità privata f’dan il-każ hija materjalment differenti minn dik tal-Istat Ungeriż u wieħed ma jistax jeħodha bħala punt ta’ referenza biex jiġi kkunsidrat li l-Istat aġixxa bħala investitur privat.

Tabella 2

Iż-Żieda Kapitali 2010

Parteċipant għaż-żieda fil-kapital

Kontribuzzjoni HUF biljun

Tip ta’ kontribuzzjoni

Sehem tal-kontribuzzjoni

MNV

20,7

Kapital ġdid

77  %

MNV

4,7

Tpartit dejn-ekwità

18  %

AirBridge/VEB

1,4

Tpartit dejn-ekwità

5  %

TOTAL

26,8

 

100  %

(92)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq il-Kummissjoni tikkonkludi li taħt dawk iċ-ċirkostanzi ta’ Frar 2010 ir-rinazzjonalizzazzjoni ta’ Malév permezz taż-żieda tal-kapital ittrasferiet vantaġġ lill-kumpanija.

VII.3.5.   Miżuri 5-8

(93)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri wara r-rinazzjonalizzazzjoni, jidher li s-self mill-azzjonist u l-injezzjonijiet tal-kapital kienu maħsuba sabiex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet kurrenti ta’ Malév u biex tkun evitata l-insolvenza imminenti tagħha. L-Istat għalhekk implimenta dawn il-miżuri bl-istess għan: li Malév tinżamm għaddejja. Barra minn hekk, huma wkoll marbuta mill-qrib mill-kronoloġija tagħhom, peress li seħħew f’intervali ta' żmien qosra ħafna (jiġifieri minn Mejju sa Settembru 2010). Konsegwentement, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, skont BP Chemicals, dan is-self mill-azzjonisti ma jistax jiġi evalwat skont il-Prinċipju ta’ Investitur f’Ekonomija tas-Suq u b’mod partikolari, billi tiġi applikata l-Komunikazzjoni tar-Rata ta' Referenza (32), peress li huma kollha direttament marbuta mal-miżura 4 u għaldaqstant il-karattru tagħhom bħala għajnuna mill-Istat ma jkunx jista’ jiġi evalwat f’iżolazzjoni.

(94)

Mis-sottomissjoni Ungeriża joħroġ ċar li ebda investitur privat ma kien lest li jiffinanzja lil Malév, l-uniku sorsi tal-finanzjament kienu krediti fornituri u l-likwidità mogħtija mill-Istat. Fiż-żmien l-allokazzjoni tas-self l-Istat ma setax serjament jistrieħ fuq Malév li twettaq l-obbligu ta’ ħlas tal-imgħax u li tifdi s-self. Barra minn hekk, huwa wkoll dubjuż kemm kwalunkwe kreditur privat se jieħu r-riskju li jagħti self li jrid jitħallas lura f’somma waħda fi tmiem il-maturità lil kumpanija fi stat kumparabbli għal dak ta’ Malév (jiġifieri f’diffikultà permanenti). Fl-aħħarnett, minħabba l-istorja tal-kumpanija fejn jidħol kreditu fil-konfront tal-Istat (eż. nuqqas ta’ rimborż tal-ħlas bil-quddiem għall-kumpanija tal-operazzjonijiet tal-rt, differimenti ripetuti tat-taxxa u nuqqas ta’ ħlas), l-Istat u kwalunkwe investitur oħra ma setgħux jistennew li realistikament Malév tissodisfa l-obbligi tagħha.

(95)

Min-naħa l-oħra, anki skont il-Komunikazzjoni tar-Rata ta’ Referenza, l-imgħax u l-kollaterali stipulati miftiehma ma jkunx biżżejjed biex tiġi eskluża l-preżenza tal-għajnuna mill-Istat. Ir-rata tal-imgħax stipulata kienet 9,97 % filwaqt li r-referenza tal-HUF fil-mument tal-għotja kien jammonta għal 5,97 %. Marġini ta’ 400 bps biss fuq ir-rata bażi f'HUF mhix biżżejjed fid-dawl tal-prestazzjoni passata ta’ Malév u tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha (kumpanija kontinwament f’tarf il-falliment). Fir-rigward tal-kollateralizzazzjoni tas-self, il-valur tas-suq tal-kumpanija li tmexxi l-operazzjoni fuq l-art (HUF 3,5 biljun) fil-każ tal-falliment ta’ Malév hu diskutibbli, peres li Malév kienet l-imsieħeb dominanti tal-operazzjonijiet fuq l-art: fl-2009 63% tad-dħul kien iġġenerat minn Malév. Għalhekk, għallinqas fuq terminu qasir, il-prestazzjoni ekonomika tagħha kienet dipendenti fuq l-eżistenza ta’ Malév u l-valur tas-suq tagħha kienet għalhekk jonqos sostanzjalment kieku Malév falliet.

(96)

Fin-nuqqas ta’ pjan kredibbli ta’ ristrutturar, deher ċar mill-bidu li la s-self u lanqas iż-żieda kapitali ma kienu se jpoġġu fuq saqajha kumpanija li ma kellha l-ebda valur tas-suq li baqgħet fi stat kritiku. Dawn il-miżuri huma għalhekk prattikament ekwivalenti ta’ għotja sempliċi, peress li l-Istat ma kellu l-ebda prospetti li jirkupra l-fondi ‘investiti’.

(97)

Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri 5-8 taw vantaġġ lil Malév.

VII.4.   Konklużjoni dwar il-preżenza tal-għajnuna mill-Istat

(98)

Skont din l-evalwazzjoni, il-miżuri kollha involuti (miżuri 1-8) jikkonferixxu vantaġġ lil Malév. Dan il-vantaġġ ingħata mir-riżorsi tal-Istat.

(99)

Barra minn hekk, Malév hija linja tal-ajru u bħala tali tikkwalifika bħala impriża. Hija tikkompeti ma’ linji tal-ajru oħra li ma jibbenefikawx mill-istess vantaġġ. Għalhekk, il-miżuri huma distorsjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn dan, hija attiva f’settur (l-avjazzjoni) fejn definittivament jeżisti kummerċ bejn l-Istati Membri; il-kriterju ta’ impatt fuq il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni huwa mwettaq ukoll.

(100)

Fl-aħħarnett, il-miżuri huma speċifiċi u selettivi fis-sens li jiffavorixxu biss impriża waħda (jiġifieri lil Malév).

(101)

Abbażi tal-argumenti miġjuba hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri 1-8 jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Taħt dawk iċ-ċirkostanzi, iridu jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

VII.5.   Kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern

(102)

L-Artikoli 107(2) u 107(3) tat-TFUE jipprovdu għal eżenzjonijiet mir-regola ġenerali li l-għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq intern kif iddikjarat fl-Artikolu 107(1).

(103)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li Malév ilha f’diffikultà permanenti mill-inqas mill-2006. B’mod partikolari, ilha tagħmel telf mill-anqas sa mill-2003 (ara t-Tabella 1 hawn fuq) u diġà fl-2006 l-ekwità tagħha kienet negattiva (l-Figura 1 hawn fuq). Barra minn dan, l-awtoritajiet Ungeriżi kkonfermaw id-diffikultajiet permanenti tal-linja tal-ajru u li sa mit-tieni nofs tal-2006 hija kkwalifikat għal proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza u għalhekk issodisfat il-punt 10(c) tal-Linji Gwida għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar. Konsegwentement, l-unika bażi għall-kompatibilità ikunu l-Linji Gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar.

(104)

Rigward l-eliġibbiltà u l-kundizzjoni ta’ ‘tal-ewwel u tal-aħħar’, il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri taħt skrutinju ma jiffurmawx ‘proċess kontinwu ta’ ristrutturazzjoni’. Il-linja tal-ajru bidlet is-sid darbtejn fil-perjodu relevanti (jiġifieri bejn l-2007-2010) peress li kienet ġiet privatizzata u rinazzjonalizzata. Kienet taħt ‘ristrutturazzjoni’ kontinwa iżda mingħajr pjan koerenti. Fil-fatt wara l-privatizzazzjoni kienu nbdew xi inizjattivi ta’ tnaqqis fl-ispejjeż (is-sensji u l-għeluq ta’ ċerti rotot) iżda l-ispejjeż għal kull unità ma tnaqqsux biżżejjed. Skont l-awtoritajiet Ungeriżi, fl-2009 kienet inħadmet ‘orjentazzjoni strateġika’ ġdida fl-2009, li reġgħet ġiet riveduta mill-konsulenza Roland Berger fil-kuntest ta’ rinazzjonalizzazzjoni. Għalhekk, il-miżuri inkwistjoni huma miżuri ta’ ristrutturar differenti, li fil-prinċipju jiksru l-prinċipju ‘tal-ewwel u tal-aħħar’.

(105)

Il-Kummissjoni tinnota li, anke kieku Malév kellhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna skont il-Linji gwida tas-salvataġġ u ristrutturazzjoni (jiġifieri kieku l-kundizzjoni ‘tal-ewwel u tal-aħħar’ kienet ġiet sodisfatti, quad non), ir-rekwiżiti għal għajnuna kompatibbli ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturar ma tiġix sodisfatti, għar-raġunijiet stabbiliti hawn taħt.

(106)

Fir-rigward ta’ għajnuna għas-salvataġġ, il-punti 25(a)-(e) tal-Linji Gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar mhumiex sodisfatti. B’mod partikolari, il-miżuri li qed jiġu kkunsidrati mhumiex ristretti għall-minimu neċessarju, ma ngħatatx prova la ta’ ġustifikazzjoni minħabba raġunijiet soċjali serji u lanqas li ma għandhom l-ebda effetti negattivi mhux mixtieqa li jinfirxu għal fuq Stati Membri oħra. Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni tal-miżuri 5 u 8, il-maġġoranza tagħhom ma ngħatawx fil-forma ta’ self jew garanziji.

(107)

Fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturar, ma ġiet issodisfata l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet ta’ kumpatibbiltà skont il-linji gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar.

(108)

B’mod partikolari, rigward il-punti 34-35 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar, ‘ir-restorazzjoni tal-vijabililtà għat-tul’, l-awtoritajiet Ungeriżi ma tawx prova tal-prospetti ta’ vijabilità tal-linja tal-ajru u ma ppreżentawx pjan ta’ ristrutturar konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-punti 36-37 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar.

(109)

Barra minn hekk, fejn jidħol l-obbligu ta’ ‘evitar ta’ distorsjoni mhux mixtieqa tal-kompetizzjoni’ (il-punti 38-42 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar), il-Kummissjoni tinnota li ma kienu implimentati l-ebda miżuri kumpensatorji.

(110)

Fl-aħħarnett, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ ‘għajnuna limitata għall-minimu’ (il-punti 43-45 tal-Linji gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar), ma hemm l-ebda kontribuzzjoni proprja.

(111)

Fid-dawl tal-affarijiet imsemmija hawnhekk, il-miżuri 1-8 implimentati favur Malév sa mill-2007 mhumiex kompatibbli mal-linji gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar. Peress li l-miżuri ngħataw lil kumpanija f’diffikultà, ma hi applikabbli l-ebda bażi oħra għall-kompatibilità. Għalhekk, il-miżuri huma inkompatibbli mas-suq intern.

VIII.   RKUPRU

VIII.1.   Ġenerali

(112)

Skont it-TFUE u ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat ikkonċernat irid jabolixxi jew ibiddel għajnuna (33) meta hija tkun iddeċidiet li hija inkompatibbli mas-suq intern. Il-Qorti, b’mod konsistenti, dehrilha li l-obbligu ta’ Stat li jabolixxi għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern hu mfassal sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel (34). F’dan il-kuntest, il-Qorti stabbiliet li dak l-objettiv jinkiseb meta r-reċipjent ikun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta’ għajnuna mhux skont il-liġi, biex b’hekk jitilef il-vantaġġ li kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien hemm qabel il-ħlas tal-għajnuna (35).

(113)

Fuq dik il-każistika, l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (36) stabbilixxa li ‘fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju.’

(114)

Għalhekk, minħabba li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna li mhix skont il-liġi u inkompatibbli mas-suq intern, l-għajnuna għandha tiġi rkuprata sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti tal-għajnuna. L-irkupru għandu għalhekk jiġi effettwat mill-mument ta’ meta l-benefiċjarju jkun ingħata l-vantaġġ, jiġifieri meta l-għajnuna tkun tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju u għandu jeħel l-imgħax sal-mument tal-irkupru effettiv.

VIII.2.   L-element ta’ għajnuna fil-miżuri individwali

VIII.2.1.   Miżura 1

(115)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ‘Malév’, bħala l-marka tal-linja nazzjonali tal-ajru Ungeriża li ilha topera għal għexieren ta’ snin, għandha ċertu valur fis-suq tal-avjazzjoni. Min-naħa l-oħra l-Kummissjoni hija tal-fehma li taħt l-istruttura kuntrattwali speċifika, il-valur tal-marka kif allegat mill-awtoritajiet Ungeriżi ma jistax jiġi aċċettat. Valur oġġettiv għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni indipendenti li tkun tqis ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja globali ta’ Malév.

(116)

Fuq il-bażi ta’ dan, l-element ta’ għajnuna tal-miżura 1 huwa għalhekk ikkalkulat bħala li jilħaq is-EUR 56 miljun, jiġifieri EUR 76 miljun li minnhom jitnaqqas il-valur tal-pajplajn tal-pitrolju u tal-ajruplan (li jammonta għal EUR 20 miljun), bit-tnaqqis tal-valur oġġettiv tal-marka Malév (37). L-element eżatt ta’ għajnuna għandu jkun ikkalkulat mill-Ungerija. Fil-każ li l-Ungerija ma tippreżentatx argumenti konvinċenti għal valur oġġettiv tal-marka fil-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni għat-trasferiment tal-marka lill-MAVA, l-ammont kollu ta’ EUR 56 miljun se jitqies bħala għajnuna.

VIII.2.2.   Miżura 2

(117)

Kif stabbilit hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura ittrasferiet lil Malév vantaġġ meta r-rimborż tal-ħlas bil-quddiem ma ġiex infurzat wara li sar dovut. Barra minn hekk, kien seħħ vantaġġ anki qabel, mill-inqas fil-mument meta l-ftehim ta’ xiri preliminai kien innotifikat fi Frar 2009 u l-ħlas bil-quddiem żdied (fuq il-prezz tas-suq stmat tal-kumpanija).

(118)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li tali faċilità kontanti ma kinitx tingħata mill-ebda operatur privat. Fil-fatt, l-ebda operatur tas-suq privat ma kien jaċċetta li jpoġġi dawn il-fondi għad-dispożizzjoni ta’ Malév, b’mod partikolari mingħajr ħlas, u ma jieħu l-ebda pass biex jirkuprahom. Fil-fatt, fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ l-awtoritajiet Ungeriżi infushom jirrikonoxxu li l-ħlas bil-quddiem kien maħsub biex Malév tibqa’ teżisti (ara l-paragrafu (80) hawn fuq). Għalhekk, l-ammont kollu tal-faċilità għall-perjodu li fih kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju huwa l-element tal-għajnuna: bejn Frar 2009 u Lulju 2009 HUF 0,8 biljun (id-differenza bejn il-valur tas-suq tal-kumpanija li tmexxi l-operazzjonijiet fuq l-art u l-‘pagament żejjed’) u bejn Lulju 2009 u Frar 2010 HUF 4,3 biljun (l-ammont kollu tal-ħlas bil-quddiem). L-irkupru għandu għalhekk jieħu kont tal-fatt li l-ammont kien skambjat f’ekwità fi Frar 2010 (ara l-miżura 4 hawn taħt).

VIII.2.3.   Miżura 3

(119)

Fejn jidħol il-posponiment u n-nuqqas ta’ infurzar tal-kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, il-Kummissjoni tqis li d-dejn kollu dovut ta’ Malév minn Lulju 2008 sa Marzu 2010 lejn l-APEH jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, l-ammont kollu skedat mill-ġdid kollu wara din id-data (Lulju 2008) jikkostitwixxi wkoll għajnuna mill-Istat. Tabilħaqq, mhemm xejn li jissuġġerixxi li kreditur privat kien jikkonċedi dawk il-posponimenti u skedar mill-ġdid. L-irkupru għandu jqis il-fatt li l-ammonti dovuti tħallsu lura f’'Marzu 2010.

VIII.2.4.   Miżura 4

(120)

Rigward iż-żieda fil-kapital, il-Kummissjoni tikkunsidra li, minħabba l-istat finanzjarju ta’ Malév, il-ħtieġa apparenti għal aktar appoġġ wara ż-żieda fil-kapital u n-nuqqas ta’ kwalunkwe prospett realistiku ta’ rkupru tal-fondi ‘investiti’, l-ebda investitur privat ma kien iqiegħed dawk il-fondi għad-dispożizzjoni ta’ Malév. Il-kapital injettat ta’ HUF 25,4 biljun miżjuda mat-tpartit tad-dejn ma’ ekwità ta’ HUF 4,7 biljun għal ħlasijiet bil-quddiem għall-Malév Ground Handling hija l-element tal-għajnuna.

VIII.2.5.   Miżura 5

(121)

Fir-rigward tas-self li jammonta għal HUF 9,2 biljun, il-Kummissjoni tikkunsidra li minħabba l-istorja tad-dejn u l-qagħda tal-linja tal-ajru fil-mument tal-għoti ta’ dak is-self, l-Istat ma kellu l-ebda raġuni ta’ xejn li jistenna l-ħlas lura u fil-mument tal-għoti tas-self kien ukoll dubjuż jekk Malév kinitx tkun kapaċi tħallas l-imgħax. Fil-fatt, l-imgħax iddebitat ma tħallasx iżda sussegwentement ġie kkonvertit f’ekwità.

(122)

Għalhekk il-Kummissjoni tqis li s-self jista’ jitqabbel ma’ għotja sempliċi u għalhekk l-element tal-għajnuna huwa l-ammont tas-self kollu ta’ HUF 9,2 biljun għall-perjodu li fih kien għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, jiġifieri bejn l-għoti tal-porzjonijiet (Mejju, Ġunju u Lulju 2010) u l-konverżjoni tas-self f’ekwità (Settembru 2010). Imgħax dovut u imgħax mhux imħallas għandu jiġi nkluż fl-element tal-għajnuna. L-irkupru għandu għalhekk jieħu kont tal-fatt li l-ammont kien skambjat f’ekwità f’Settembru 2010 (ara l-miżura 6 hawn taħt). -

VIII.2.6.   Miżura 6

(123)

Għar-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafu (120) hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-ammont totali tad-dejn konvertit f’ekwità jista’ jitqies bħala għotja sempliċi u għalhekk l-ammont kollu ta’ HUF 9,4 biljun huwa l-element tal-għajnuna minn Settembru 2010.

VIII.2.7.   Miżura 7

(124)

Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq fil-paragrafu (120), il-Kummissjoni tikkunsidra li l-element ta’ għajnuna huwa l-kapitali ta’ HUF 5,3 biljun injettat minn Settembru 2010.

VIII.2.8.   Miżura 8

(125)

Għar-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafu (120) hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-ammont totali tas-self huwa kumparabbli ma’ għotja sempliċi u għalhekk l-ammont kollu ta’ HUF 5,7 biljun huwa l-element tal-għajnuna minn Settembru 2010.

IX.   KONKLUŻJONI

(126)

Fuq il-bażi ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri 1-8 implimentati mill-Ungerija favur Malév jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(127)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri 1-8 huma inkompatibbli mas-suq intern.

(128)

Din l-għajnuna inkompatibbli għandha tiġi rkuprata mingħand Malév kif stabbilit fit-taqsima VIII.2 hawn fuq sabiex tinkiseb mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti tal-għajnuna. L-ammont totali preċiż tal-irkupru, u magħdud miegħu, l-imgħax tal-irkupru, iridu jiġu kkalkulati mill-awtoritajiet Ungeriżi.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

Il-miżuri li ġejjin mogħtija mill-Ungerija lil Malév Hungarian Airlines Zrt. jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE:

a)

Miżura 1: It-teħid fil-31 ta’ Diċembru 2007 mill-impriża MAVA, proprjetà tal-Istat, ta’ self mogħti lil Malév mill-MFB, bank tal-iżvilupp 100 % proprjetà tal-Istat;

b)

Miżura 2: L-għoti ta’ HUF 4,3 biljun cash ‘faċilità kontanti’ għal sena fil-kuntest ta’ xiri ppjanat (li sussegwentement falla) minn MNV tas-sussidjarja tal-Malév li twettaq operazzjonijiet fuq l-art;

c)

Miżura 3: Id-dejn kollu fuq taxxa u sigurtà soċjali dovut minn Lulju 2008 sa Marzu 2010 u d-differiment ta’ pagamenti differenti tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali sa minn Lulju 2008;

d)

Miżura 4: Fi Frar 2010, żieda kapitali mill-MNV ta’ HUF 25,4 biljun (parzjalment realizzat bl-injezzjoni ta’ kapital ġdid ta’ HUF 20,7 biljun u parzjalment permezz ta’ tpartit ta’ dejn ma’ ekwità tal-ħlas bil-quddiem għall-kumpanija Ground Handling ta’ HUF 4,7 biljun);

e)

Miżura 5: Minn Mejju sa Awwissu 2010, tliet kontijiet ta’ self mill-azzjonisti b’total ta’ HUF 9,2 biljun mogħtija lil Malév mill-MNV, magħduda magħhom l-imgħaxijiet, iżda mhux imħallsa;

f)

Miżura 6: F’Settembru 2010, il-konverżjoni tas-self mill-azzjonisti (flimkien mal-imgħax dovut fuqu) msemmi fl-Artikollu 1(e) minn dejn għal ekwità fl-ammont ta’ HUF 9,4 biljun;

g)

Miżura 7: F’Settembru 2010, żieda ulterjuri tal-kapital fl-ammont ta’ HUF 5,3 biljun;

h)

Miżura 8: F’Settembru 2010, aktar self mill-azzjonisti fl-ammont ta’ HUF 5,7 biljun, magħdud miegħu l-imgħax dovuti imma mhux imħallas.

L-Artikolu 2

Il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1 illegalment mogħtija mill-Ungerija lil Malév Hungarian Airlines Zrt. bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE huma inkompatibbli mas-suq intern.

L-Artikolu 3

(1)   L-Ungerija għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.

(2)   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom iġorru mgħax mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-irkupru attwali tagħhom.

(3)   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

L-Artikolu 4

(1)   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

(2)   L-Ungerija għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

L-Artikolu 5

(1)   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, l-Ungerija għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

a)

L-ammont totali (l-imgħax fuq is-somma prinċipali u ta’ rkupru) li għandu jkun irkuprat mill-benefiċjarju;

b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni;

c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

(2)   L-Ungerija għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex tkun implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru bl-imgħax tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(3). Hija għandha tibgħat minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha ukoll tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ imgħaxijiet fuq l-għajnuna u l-irkuprati diġà miġbura mingħand il-benefiċjarju.

L-Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indrizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 9671 finali tal-21 ta’ Diċembru 2010 (ĠU C 156, 26.5.2011, p. 11).

(2)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-TFUE; iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza tagħhom, identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat tal-KE fejn xieraq.

(3)  Iċ-ċifri EUR fid-Deċiżjoni preżenti huma approssimazzjonijiet pprovduti biss bħala indikazzjonijiet. Iċ-ċifri HUF kollha (bl-eċċezzjoni tal-EUR 76 miljun self tal-MFB u l-EUR 32 miljun garanzija VEB, li huma denominati f’EUR, ara l-paragrafu (20)) huma kkonvertiti f’EUR billi ntużat ir-rata tal-kambju tat-2 ta’ Awwissu 2011: 270 HUF/EUR. Fl-2011, il-HUF kien qed ivarja b’mod qawwi bejn il-260 u t-300 HUF/EUR.

(4)  L-Awtoritajiet Ungeriżi nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-arranġamenti ta' ffinanzjar f'rabta mal-privatizzazzjoni ta' Malév permezz ta’ notifika elettronika bid-data tal-10 ta’ April 2008. Din il-miżura ġiet reġistrata bir-referenza N 190/2008. L-awtoritajiet Ungeriżi rtiraw il-miżura fit-12 ta’ Novembru 2009.

(5)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 2.

(6)  http://www.malev.com/companyinformation/introduction/malev-company-profile.

(7)  Skond il-website tagħhom, ‘fl-2010 taru bi ħlas mal-Malév aktar minn 3 miljun passiġġier”.

(8)  Dan is-sehem ta’ 49 % f’AirBridge twiegħed mis-Sur Abramovich lill-VEB, il-bank Russu ta’ attività ekonomika barranija, bħala garanzija għal self mingħand il-VEB lil AirBridge.

(9)  Aktar preċiżament, kapital fl-ammont ta’ EUR 20 miljun flimkien ma’ EUR 30 miljun fil-forma ta’ kapital, self subordinat jew self.

(10)  Għal miżata magħmula minn ‘miżata ta’ darba waħda’ ta’ EUR 110 000, ‘miżata annwali’ ta’ EUR 1,1 miljun u l-Malév tħallas għall-kosti kollha relatati taż-żamma u dawk operattivi.

(11)  Minflok, it-tabla għar-rimbors kontra Malév aktar tard ġiet solvuta fil-qafas tal-arranġament ta’ tpartit ta' dejn ma’ ekwità ta’ Frar 2010 imsemmija hawn taħt, jiġifieri sena wara li kienu saru l-ħlasijiet bil-quddiem lil Malév. L-ammont prinċipali flimkien mal-imgħax kien imbagħad determinat minn awditur fl-ammont ta’ HUF 4 664 604 041 (EUR 17-il miljun).

(12)  Gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f 'diffikultà, ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

(13)  Bħal ma hu telf ta’ impjieg, impatt fuq il-fornituri tal-Malév, tnaqqis fil-volumi tat-traffiku fl-airuport ta’ Budapest, anqas influss ta’ turisti u effetti negattivi fuq l-attrattività ġenerali tal-Ungerija bħala post fejn isir l-investiment.

(14)  It-“tielet pakkett” jinkludi l-introduzzjoni ta’ obbligi armonizzati għal liċenzja operattiva għal linji tal-ajru tal-UE (ir-Regolament (KEE) Nru 2407/92), aċċess miftuħ għal-linji tal-ajru kollha tal-UE b’tali liċenzja operattiva għar-rotot kollha fi ħdan l-UE (ir-Regolament (KEE) Nru 2408/92) u libertà sħiħa fir-rigward ta’ nollijiet u rati (ir-Regolament (KEE) Nru 2409/92).

(15)  Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, fil-Kawżi Konġunti T-228/99 u T-233/99 Westdeutsche Landesbank GZ v Il-Kummissjoni, [2003] ECR II-435 et seq, il-paragrafu 245.

(16)  Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002 fil-Kawża C-482-99 Franza v Il-Kummissjoni, [2002] ECR I-4397, paragrafu 71.

(17)  Sentenza fil-Każijiet Konġunti T-228/99 u T-233/99 (ikkwotata fin-nota 15), il-paragrafu 255.

(18)  Sentenza tal-21 ta’ Marzu 1991 fil-Kawża C-30589 L-Italja v Il-Kummissjoni, [1991] ECR I-1603, paragrafu 20.

(19)  Sentenza fil-Każijiet Konġunti T-228/99 u T-233/99 (ikkwotata fin-nota 15), il-paragrafu 246. Ara wkoll is-sentenza tat-30 ta’ April 1998 fil-Kawza T-16/96 Cityflyer Express v Il-Kummissjoni, [1998] ECR II-757, il-paragrafu 76.

(20)  Sentenza fil-Każijiet Konġunti T-228/99 u T-233/99 (ikkwotata fin-nota 15), il-paragrafu 251.

(21)  Is-sentenza fil-Kawża T-16/96 (ikkwotata fin-nota 19), il-paragrafi 45 u 46.

(22)  Sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998 fil-Kawża T-11/95 BP Chemicals v Il-Kummissjoni, [1998] ECR II-3235, parag. 170; sentenza tat-13 ta’ Settembru 2012 fil-Kawżi Konġunti T-415/05, T-416/05 u T-423/05 Olympic (għadha mhix ippubblikata fl-ECR), parag. 385.

(23)  Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986 fil-Kawża C-40/85 Il-Belġju v Il-Kummissjoni (Boch), [1986] ECR 2321, paragrafu 13. Ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999 fil-Kawżi Konġunti T-129/95, T-2/96 u T-97/96 Neue Maxhütte Stahlwerke GmbH vs Il-Kummissjoni, [1999] ECR II-17, il-paragrafu 132.

(24)  Lista ta’ miżuri eżistenti ta’ għajnuna msemmija fil-punt 1(b) tal-Mekkaniżmu ta’ Għajnuna Eżistenti prevista fil-Kapitolu 3 tal-Anness IV tat-Trattat ta' Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja fl-Unjoni Ewropea.

(25)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1. Sentenza tal-25 ta’ Marzu 2009 fil-Kawża T-332/06, Alcoa Trasformazioni v Il-Kummissjoni (għadha mhux ippubblikata fl-ECR), il-paragrafu 32, u sentenza tas-6 ta’ Marzu 2002, fil-Każijiet Konġunti T-127/99, T-129/99 u T-148/99 Diputación Foral de Álava vs il-Kummissjoni, [2002] ECR II-1275.

(26)  B’mod partikolari, il-Malév kienet obbligata li terġa’ tixtri l-marka Malév fl-2017 għal EUR 76 miljun, li minnhom imbagħad il-MAVA kienet tħallas lura s-self lill-MFB.

(27)  L-evalwazzjonijiet għat-tliet assi kollha kemm huma (l-ajruplan, il-pajplajn tal-pitrolju u l-marka Malév) kienu ppreparati minn American Appraisal.

(28)  Metodu bbażat fuq il-kosti, bil-kunsiderazzjoni wkoll tal-informazzjoni fuq il-magażin ‧The Aircraft Valur Reference‧ u offerta indikattiva għall-ajruplan. (L-offerta indikattiva għall-ajruplan ingħatat lil American Appraisal abbażi ta’ informazzjoni pprovduta minn Malév.)

(29)  Metodu bbażat fuq il-kosti.

(30)  Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1999 fil-kawża C-256/97, DM Transport [1999] ECR I-3913, paragrafu 27, u s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002 fil-kawża T-152/99 HAMSA, [2002] ECR II-3049, paragrafu 157.

(31)  Kontijiet finanzjarji 2010

(32)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’r eferenza u ta’ skont, ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(33)  Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1973 fil-Kawża C-70/72 Il-Kummissjoni v Il-Ġermanja, [1973] ECR 813, paragrafu 13.

(34)  Sentenza tal-14 ta’ Settembru 1994 fil-Kawżi Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs Il-Kummissjoni, [1994] ECR I-4103, paragrafu 75.

(35)  Sentenza tas-17 ta; Ġunju 1999 fil-Kawża C-375/97 Il-Belġju v Il-Kummissjoni, [1999] ECR I-3671, paragrafu 64-65.

(36)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(37)  Kif konkluż fil-paragrafu (75) hawn fuq, l-awtoritajiet Ungeriżi ma ssostanzjawx il-valur tal-marka Malév, li jista jkun tant baxx li jkun żero.