19.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/133/PESK

tat-18 ta’ Marzu 2013

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 31(2) u l-Artikolu 33 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Hemm il-ħtieġa ta’ rispons reġjonali mill-Unjoni għall-isfidi kumplessi u interrelatati fis-Saħel.

(2)

Is-Sur Michel Dominique REVEYRAND – DE MENTHON għandu jinħatar bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel għall-perijodu sat-28 ta’ Frar 2014.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif jinsabu fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

1.   Is-Sur Michel Dominique REVEYRAND – DE MENTHON huwa b’dan maħtur bħala RSUE għas-Saħel sat-28 ta’ Frar 2014. Il-mandat tar-RSUE jista’ jiġi estiż jew mitmum qabel, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).

2.   Għall-finijiet tal-mandat tar-RSUE, ir-reġjun tas-Saħel huwa definit bħala l-fokus primarju tal-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel (“l-Istrateġija”), jiġifieri l-Mali, il-Mawritanja u n-Niġer. Għal kwistjonijiet b’implikazzjonijiet reġjonali usa’, għandu jkun hemm kuntatti mir-RSUE ma’ pajjiżi ġirien u entitajiet reġjonali jew internazzjonali oħra lil hinn mis-Saħel, kif ikun meħtieġ.

3.   Fid-dawl tal-ħtieġa għal approċċ reġjonali għall-isfidi inter-relatati fis-Saħel li qed jiffaċċja r-reġjun, ir-RSUE għas-Saħel għandu jaħdem f’konsultazzjoni stretta ma’ RSUE rilevanti oħrajn inklużi RSUE għar-reġjun tal-Mediterran ta’ Isfel, ma’ RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem u ma’ RSUE għall-Unjoni Afrikana.

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

1.   Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettiv ta’ politika tal- tal-Unjoni relattivament għas-Saħel bħala kontribuzzjoni attiva għall-isforzi reġjonali u internazzjonali biex jinkisbu l-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp fir-reġjun. Ir-RSUE għandu addizzjonalment jimmira li jsaħħaħ il-kwalità, l-intensità u l-impatt tal-impenn pluridimensjonali tal-Unjoni fis-Saħel.

2.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-approċċ tal-Unjoni fl-aspetti kollha tal-azzjoni tal-Unjoni, partikolarment fl-oqsma ta’ politika, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp, inkluża l-Istrateġija, u għall-koordinazzjoni tal-istrumenti rilevanti kollha għall-azzjonijiet tal-Unjoni.

3.   L-ewwel prijorità għandha tingħata lill-Mali u lid-dimensjonijiet reġjonali tal-konflitt hemmhekk.

4.   Rigward il-Mali, l-objettivi tal-politika tal-Unjoni huma mmirati sabiex, permezz tal-użu koordinat u effettiv tal-istrumenti kollha tagħha, jippromwovu r-ritorn tal-Mali u tal-poplu tiegħu fuq triq ta’ paċi, rikonċiljazzjoni, sigurtà u żvilupp.

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni relattivament għas-Saħel, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jikkontribwixxi b’mod attiv għall-implimentazzjoni, koordinazzjoni u żvilupp ulterjuri tal-approċċ komprensiv tal-Unjoni fir-rigward tal-kriżi reġjonali, abbażi tal-Istrateġija tagħha, bl-għan li jsaħħaħ il-koerenza u l-effikaċja ġenerali tal-attivitajiet tal-Unjoni fis-Saħel, partikolarment fil-Mali;

(b)

jagħmel kuntatti mal-partijiet rilevanti kollha li għandhom interessi fir-reġjun, il-gvernijiet, l-awtoritajiet reġjonali, l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, is-soċjetà ċivili u d-dijaspori, bl-għan tal-promozzjoni tal-objettivi tal-Unjoni u jikkontribwixxi għal apprezzament aħjar tar-rwol tal-Unjoni fis-Saħel;

(c)

jirrappreżenta lill-Unjoni f’fora reġjonali u internazzjonali rilevanti, inkluż il-Grupp ta’ Appoġġ u ta’ Segwitu għas-sitwazzjoni fil-Mali, u jiżgura l-viżibbiltà għall-appoġġ mill-Unjoni għall-immaniġġar tal-kriżi u l-prevenzjoni tal-konflitti, inklużi l-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta’ Mali (EUTM Mali) u l-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP SAHEL Niger);

(d)

iżomm kooperazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti (NU), b’mod partikolari l-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għas-Saħel, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Afrika tal-Punent, l-Unjoni Afrikana (UA), partikolarment ir-Rappreżentant Għoli tal-UA għall-Mali u għas-Saħel, il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) u partijiet interessati nazzjonali, reġjonali u internazzjonali ewlenin oħra inklużi Mibgħutin Speċjali oħrajn għas-Saħel;

(e)

isegwi mill-qrib id-dimensjonijiet reġjonali u transkonfinali tal-kriżi, inklużi t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-kontrabandu tal-armi, it-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tad-droga, il-flussi ta’ refuġjati u flussi migratorji kif ukoll flussi finanzjarji relatati; f’kooperazzjoni stretta mal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Terroriżmu, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu;

(f)

iżomm kuntatti politiċi ta’ livell għoli fuq bażi regolari mal-pajjiżi fir-reġjun li huma milquta mit-terroriżmu u mill-kriminalità internazzjonali biex ikun żgurat approċċ koerenti u komprensiv u biex ikun żgurat ir-rwol ewlieni tal-Unjoni fl-isforzi internazzjonali kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali. Dan jinkludi l-appoġġ attiv mill-Unjoni għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet reġjonali fil-qasam tas-sigurtà, u biex ikun żgurat rispons adegwat lill-kawżi li huma l-egħruq tat-terroriżmu u tal-kriminalità internazzjonali fis-Saħel;

(g)

isegwi mill-qrib il-konsegwenzi ta’ politika u sigurtà tal-kriżijiet umanitarji fir-reġjun;

(h)

fir-rigward tal-Mali, jikkontribwixxi għall-isforzi reġjonali u internazzjonali biex tiġi faċilitata r-riżoluzzjoni tal-kriżi f’Mali, b’mod partikolari l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali għat-transizzjoni politika, proċess elettorali liberu u trasparenti u djalogu inklużiv nazzjonali kredibbli;

(i)

jippromwovi l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet, ir-riforma fil-qasam tas-sigurtà u l-iżvilupp tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni fuq bażi dejjiema fil-Mali;

(j)

jikkoopera mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-liġi umanitarja internazzjonali u jżomm kuntatti regolari mal-awtoritajiet rilevanti f’Mali u fir-reġjun, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-osservaturi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun. Jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem inklużi l-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, u tal-liġi umanitarja internazzjonali, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitt Armat kif ukoll il-Linji Gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfajliet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom, u l-Linji Gwida Aġġornati tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni tal-konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali, il-Linji Gwida Riveduti dwar il-Protezzjoni taċ-Civili fil-Missjonijiet u Operazzjonijiet tal-PKSD u l-politika tal-Unjoni rigward ir-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, anke permezz ta’ monitoraġġ u r-rappurtar dwar żviluppi kif ukoll bit-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward;

(k)

isegwi u jirrapporta dwar il-konformità ma’ kull UNSCR rilevanti, partikolarment 2056 (2012), 2071 (2012) u 2085 (2012).

2.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu, fost l-oħrajn:

(a)

jagħti parir u jirrapporta dwar il-formulazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE f’fora reġjonali u internazzjonali, kif meħtieġ, sabiex tippromovi u ssaħħaħ proattivament l-approċċ komprensiv tal-Unjoni lejn il-kriżi fis-Saħel;

(b)

iżomm ħarsa ġenerali fuq l-attivitajiet tal-Unjoni u jikkopera mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 4

Koordinazzjoni mal-Kunsill

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE bi gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE sat-28 ta’ Frar 2014 għandu jkun ta’ EUR 1 350 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi ġestita konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-ġestjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Struttura u kompożizzjoni tal-grupp

1.   Fil-limiti tal-mandat u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-kostituzzjoni tal-grupp tiegħu. Il-grupp għandu jinkludi konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika u ta’ sigurtà kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tal-grupp.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ persunal issekondat mar-RSUE għandu jkun kopert mill-Istat Membru kkonċernat, mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew mis-SEAE. Esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jibagħtu, tal-istituzzjoni tal-Unjoni jew tas-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

4.   Il-persunal tar-RSUE għandu jiġi kollokat mad-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew id-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata koerenza u konsistenza fir-rigward tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiżi ospitanti, kif meħtieġ. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (1).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif meħtieġ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

B’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra mill-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tiegħu u mas-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu li jaqa’ taħt l-awtorità diretta tiegħu, b’mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku għall-missjoni, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà u pjan ta’ kontinġenza u ta’ evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif ikunu jeħtieġu l-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tal-grupp li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati li dik iż-żona;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà jiġu implimentati u li r-RGħ, il-Kunsill u l-Kummissjoni jingħataw rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport tal-progress u r-rapport tal-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtaġġ

1.   Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment lir-RGħ u lill-KPS rapporti bil-fomm u bil-miktub. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport skont il-ħtieġa lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Għandhom jiġu ċċirkolati rapporti regolari bil-miktub permezz tan-netwerk COREU. Fuq inizjattiva tar-RGħ, ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin.

2.   Ir-RSUE għandu jirrapporta dwar l-aħjar mod sabiex jintlaħqu l-inizjattivi tal-Unjoni, bħall-kontribut tal-Unjoni għar-rifromi, u inklużi l-aspetti politiċi tal-proġetti ta’ żvilupp rilevanti tal-Unjoni, f’koordinazzjoni mad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun.

Artikolu 12

Koordinazzjoni ma’ atturi oħra tal-Unjoni

1.   Fil-qafas tal-Istrateġija, ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni politika u diplomatika tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiżgura konsistenza fl-użu tal-istrumenti kollha tal-Unjoni u fl-indirizz tal-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri, biex jintlaħqu l-objettivi politiċi tal-Unjoni.

2.   L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tad-delegati tal-Unjoni u dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun aġġornamenti regolari ta’ informazzjoni.

3.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri. Ir-RSUE, f’kooperazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni ta’ EUCAP Sahel Niger u lill-Kmandant tal-Missjoni ta’ EUTM Mali. Ir-RSUE, il-Kmandant tal-Missjoni ta’ EUTM Mali u l-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili tal-EUCAP Sahel Niger għandhom jikkonsultaw lill xulxin kif meħtieġ.

Artikolu 13

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jinżammu taħt reviżjoni regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport tal-progress qabel it-tmiem ta’ Awwissu 2013 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat fi tmiem il-mandat.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

S. COVENEY


(1)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.