7.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 64/4


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-5 ta’ Marzu 2013

li tawtorizza lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi biex japplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2013/116/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittri rreġistrati mal-Kummissjoni fit-12 ta’ Lulju 2012 u fl-4 ta’ Ottubru 2012, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab awtorizzazzjoni biex jintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-persuna responsabbli li tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

(2)

Bi qbil mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra li ġġib id-data tal-17 ta’ Ottubru 2012 bit-talba li saret mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Permezz ta’ ittra ddatata d-19 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(3)

L-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE jipprevedi li persuna taxxabbli li tforni merkanzija jew servizzi hija, bħala regola ġenerali, responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa. L-iskop tad-deroga mitluba mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa li, f’ċerti ċirkostanzi, ir-riċevitur ta’ fornimenti ta’ ċerti prodotti responsabbli għall-ħlas tal-VAT fil-każ ta’ prodotti partikolari, b’mod speċjali settijiet tat-telefown ċellulari, tagħmir b’ċirkwit integrat, consoles għal-logħob u kompjuters personali għall-użu mhux fiss.

(4)

Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, għadd ta’ kummerċjanti f’dawk il-prodotti jinvolvu ruħhom f’attivitajiet frodulenti billi jbiegħu il-prodotti mingħajr ma jħallsu l-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa. Il-klijenti tagħhom, madanakollu, huma intitolati għal tnaqqis tal-VAT peress li jkollhom fattura valida. Fil-każijiet l-aktar aggressivi, il-prodotti jiġu fornuti diversi drabi wara xulxin mingħajr ma titħallas il-VAT (“frodi karużell”). F’dan il-kuntest, is-servizzi ta’ investigazzjoni tat-taxxa tal-Pajjiżi l-Baxxi nnotaw ċaqliqa minn frodi bit-telefowns ċellulari u t-tagħmir b’ċirkwit integrat lejn frodi bil-consoles għal-logħob u kompjuters personali għall-użu mhux fiss.

(5)

Bin-nomina tal-persuna li jsirilha l-forniment tal-prodotti bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT, id-deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE telimina l-opportunità biex wieħed jidħol f’dik il-forma ta’ evażjoni tat-taxxa.

(6)

Sabiex jiżgura t-tħaddim effettiv tad-deroga u sabiex jevita li l-evażjoni tat-taxxa testendi għall-kummerċ bl-imnut jew għal prodotti oħra, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jintroduċi obbligi xierqa ta’ kontroll u rappurtar. Barra minn hekk, il-livell minimu ta’ ammont taxxabbli għandu jnaqqas ir-riskju li l-frodi tgħaddi għall-kummerċ bl-imnut.

(7)

L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida biss għal perjodu qasir ħafna billi jibqgħu ħafna mistoqsijiet rigward, b’mod partikolari, l-impatt possibbli tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fuq il-funzjonament tas-sistemi tal-VAT fi ħdan dawk l-Istati Membri li japplikawh, jew fi Stati Membri oħra. Id-data tat-tmiem tal-awtorizzazzjoni tikkoinċidi mat-tmiem ta’ derogi simili awtorizzati fir-rigward ta’ telefowns ċellulari u tagħmir b’ċirkwit integrat sabiex tippermetti l-iżvilupp ta’ politika kontra l-frodi aktar komprensiva u aktar armonizzata fil-ġejjieni.

(8)

Id-deroga mhux se jkollha effett ħażin fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa awtorizzat li jinnomina bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT il-persuna taxxabbli li lilha jsir il-forniment tal-prodotti li ġejjin:

(a)

settijiet tat-telefown ċellulari, li jkunu strumenti magħmula jew adattati għall-użu f’konnessjoni ma’ netwerk liċenzjat u operati fuq frekwenzi speċifiċi, ikollhom jew ma jkollhomx kwalunkwe użu ieħor;

(b)

tagħmir b’ċirkwit integrat bħal mikroproċessuri u unitajiet għall-ipproċessar ċentrali fi stat qabel ma jiġu integrati fi prodotti għall-utent aħħari;

(c)

consoles għal-logħob, li minħabba l-karatteristiċi u l-funzjonijiet prinċipali tagħhom, huma maħsuba għall-video games u logħob ieħor fuq il-kompjuter, ikollhom jew ma jkollhomx kwalunkwe użu ieħor;

(d)

laptops u tablet PC’s.

Din id-deroga għandha tapplika għal fornimenti ta’ prodotti li għalihom l-ammont taxxabbli huwa ta’ EUR 10 000 jew aktar.

Artikolu 2

Id-deroga stipulata fl-Artikolu 1 hija soġġetta għall-introduzzjoni mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ obbligi xierqa ta’ kontroll u rappurtar fuq il-persuni taxxabbli li jfornu prodotti li għalihom japplika l-mekkaniżmu ta’ reverse charge skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.

Din id-deċiżjoni għandha tiskadi jew fil-31 ta’ Diċembru 2013, jew, jekk aktar kmieni, fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-Unjoni li jippermettu lill-Istati Membri kollha jadottaw tali miżuri li jidderogaw mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

M. NOONAN


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.