26.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 54/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ April 2011

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji

(2013/93/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali Pan-Ewro-Mediterranji, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni”, għandha l-għan li tissostitwixxi l-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini attwalment fis-seħħ fost il-pajjiżi taż-żona Pan-Ewro-Mediterranja.

(2)

Il-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni ddaħħlu fis-sistema tal-akkumulazzjoni tal-oriġini Pan-Ewro-Mediterranja permezz tal-Konvenzjoni.

(3)

Fis-26 ta’ Novembru 2009 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Istati tal-EFTA, mal-parteċipanti fil-Proċess ta’ Barċellona, mal-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni u mal-Gżejjer Faroe dwar il-Konvenzjoni.

(4)

Fid-9 ta’ Diċembru 2009 t-test tal-Konvenzjoni ġie approvat mill-Ministri Ewro-Mediterranji tal-Kummerċ waqt il-Konferenza tagħhom li saret fi Brussell.

(5)

Il-Konvenzjoni għandha tiġi ffirmata u d-Dikjarazzjoni mehmuża għandha tiġi approvata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmija Konvenzjoni (1).

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni stabbilita fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni b'dan hija approvata f'isem l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Konvenzjoni f'isem l-Unjoni Ewropea soġġett għall-konklużjonijiet tagħha u li jagħmel id-Dikjarazzjoni stabbilita fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Lussemburgu, l-14 ta’ April 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

FAZEKAS S.


(1)  It-test tal-Konvenzjoni ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


ANNESS

DIKJARAZZJONI

L-Unjoni Ewropea tiddikjara li r-referenza għall-Kosovo ma tippreġudika la l-pożizzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u lanqas kwalunkwe pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-istatus tal-Kosovo u lanqas id-dritt tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jiddeterminaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kosovo.