19.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 46/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Frar 2013

dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll Supplimentari ta’ Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosigurtà

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/86/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Artikolu 27 tal-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosigurtà għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (2) (“il-Protokoll”) jipprovdi li l-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll (COP/MOP) għandha tadotta, fl-ewwel laqgħa tagħha, proċess fir-rigward tal-elaborazzjoni ta’ regoli u proċeduri internazzjonli fil-qasam tar-responsabbiltà u r-rimedju għall-ħsara kkawżata mill-movimenti transfruntieri ta’ organiżmi ħajjin modifikati.

(2)

F’Ġunju 2007, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tipparteċipa, fin-negozjati rigward ir-responsabblità u r-rimedju f’dan il-qasam f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma fil-kompetenza tal-Unjoni, skont ċerti direttivi tan-negozjar. L-awtorizzazzjoni ġiet estiża f’Ottubru 2008 biex tkopri l-istadji finali tan-negozjati.

(3)

Matul il-ħames COP/MOP, f’Nagoya, il-Ġappun, l-Unjoni appoġġjat il-kompromess finali li ntlaħaq dwar il-Protokoll Supplimentari ta’ Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosigurtà (“il-Protokoll Supplimentari”), wara li tqies li dan kien fil-limiti tal-pożizzjonijiet maqbula tal-Unjoni u d-direttivi tan-negozjar indirizzati lill-Kummissjoni.

(4)

Fil-15 ta’ Ottubru 2010, l-aħħar laqgħa plenarja tal-ħames COP/MOP adottat il-Protokoll Supplimentari.

(5)

Fl-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill laqa’ b’sodisfazzjoni l-adozzjoni tal-Protokoll Supplimentari.

(6)

F’konformità ma’ Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2011 (3), il-Protokoll Supplimentari ġie iffirmat mill-Unjoni fil-11 ta’ Mejju 2011, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(7)

Skont l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bioloġika (4), kwalunkwe Protokoll għal dik il-Konvenzjoni hu soġġett għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-integrazzjoni ekonomika.

(8)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom ifittxu li jiddepożitaw malajr kemm jista’ jkun l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-Protokoll Supplimentari.

(9)

Il-Protokoll Supplimentari jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-politika ambjentali tal-Unjoni.

(10)

Il-Protokoll Supplimentari għandu għalhekk jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll Supplimentari ta’ Nagoya-Kuala Lumpur dwar ir-Responsabbiltà u r-Rimedju għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosigurtà huwa b’hekk approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Protokoll Supplimentari huwa anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna(i) bis-setgħa li tiddepożita/jiddepożitaw, f’isem l-Unjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, l-istrument ta’ approvazzjoni stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Protokoll Supplimentari (5). Fl-istess ħin, dawn il-persuni għandhom jiddepożitaw id-dikjarazzjoni mniżżla fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, f’konformità mal-Artikolu 34(3) tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

M. NOONAN


(1)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 50.

(3)  Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  ĠU L 309, 13.12.1993, p. 3.

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Supplimentari ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ANNESS

DIKJARAZZJONI MILL-UNJONI EWROPEA F’KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 34, PARAGRAFU 3, TAL-KONVENZJONI DWAR ID-DIVERSITÀ BIOLOĠIKA.

“L-Unjoni Ewropea tiddikjara li, bi qbil mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 191 tiegħu, hija kompetenti li tidħol fi qbil internazzjonali, u li timplimenta l-obbligi li jirriżultaw minnhom, li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent;

il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali;

il-promozzjoni ta’ miżuri fuq livell internazzjonali biex jiġu ttrattati problemi ambjentali fuq livell reġjonali jew globali, u b’mod partikolari l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea tadotta miżuri f’livell tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġuridika fi kwistjonijiet ċivili għall-funzjonament korrett tas-swieq intern tagħha.

L-Unjoni Ewropea tiddikjara li diġà adottat l-istrumenti legali vinkolanti fuq l-Istati Membri tagħha, li jkopru kwistjonijiet regolati b’dan il-Protokoll Supplimentari. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni huwa, skont in-natura tagħha, soġġett għal żvilupp kontinwu. Sabiex tkun konformi mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 20(3)(a) tal-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosigurtà għall-Konvenzjoni dwar il-Bijosigurtà, l-Unjoni ser iżżomm aġġornata l-lista ta’ strumenti legali diġà trasmessa liċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-Bijosigurtà.

L-Unjoni Ewropea hi responsabbli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi li jirriżultaw minn dan il-Protokoll Supplimentari li huma koperti mil-liġi tal-Unjoni fis-seħħ.”


TRADUZZJONI

NAGOYA-KUALA LUMPUR DWAR IR-RESPONSABBILTÀ U L-KUMPENS TAL-PROTOKOLL TA’ KARTAĠENA DWAR IL-BIJOSIKUREZZA

IL-PARTIJIET GĦAL DAN IL-PROTOKOLL SUPPLIMENTARI,

LI HUMA Partijiet għall-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, minn hawn ’il quddiem imsemmi bħala ’il-Protokoll’,

FILWAQT li jqisu l-Prinċipju 13 tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp,

FILWAQT LI JIRRIAFFERMAW l-approċċ prekawzjonarju li jinsab fil-Prinċipju 15 tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa li jiġu pprovduti miżuri ta’ rispons xieraq meta jkun hemm ħsara jew li x’aktarx jista’ jkun hemm ħsara, konsistenti mal-Protokoll,

FILWAQT LI JIFTAKRU fl-Artikolu 27 tal-Protokoll,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

L-għan ta’ dan il-Protokoll Supplimentari huwa li jikkontribwixxi għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, billi jqis ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem, billi jipprovdi regoli u proċeduri internazzjonali fil-qasam tar-responsabbiltà u r-rimedju relatat mal-organiżmi ħajjin modifikati.

Artikolu 2

Użu ta’ termini

1.   It-termini wżati fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni”, u l-Artikolu 3 tal-Protokoll għandhom japplikaw għal dan il-Protokoll Supplimentari.

2.   Barra minn hekk, għal finijiet ta’ dan il-Protokoll Supplimentari:

(a)

“Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll” tfisser il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll;

(b)

“Ħsara” tfisser effett negattiv fuq il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, billi jitqiesu r-riskji fuq is-saħħa tal-bniedem, li:

(i)

Tista’ titkejjel jew inkella tiġi osservata billi fejn disponnibbli, jitqiesu l-linji bażi stabbiliti xjentifikament u rikonoxxuti minn awtorità kompetenti li tqis kwalunkwe varjazzjoni magħmula mill-bniedem u l-varjazzjoni naturali; kif ukoll

(ii)

Tkun sinifikanti kif stipulat fil-paragrafu 3 ta’ hawn taħt;

(c)

“Operatur” tfisser kwalunkwe persuna f’kontroll dirett jew indirett tal-organiżmu ħaj modifikat, li fejn ikun xieraq u kif jiġi determinat mil-liġi domestika, inter alia tista’ tinkludi d-detentur tal-permess, il-persuna li tkun poġġiet fis-suq l-organiżmu ħaj modifikat, l-iżviluppatur, il-produttur, in-notifikatur, l-esportatur, l-importatur, it-trasportatur jew il-fornitur;

(d)

“Miżuri ta’ rispons” tfisser azzjonijiet raġonevoli:

(i)

Għall-prevenzjoni, il-minimizzar, il-konteniment, il-mitigazzjoni jew inkella l-evitar tal-ħsara, kif ikun xieraq;

(ii)

Għar-restawr tad-diversità bijoloġika permezz ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu f’din l-ordni ta’ preferenza li ġejja:

a.

Ir-restawr tad-diversità bijoloġika għall-kundizzjonijiet li kienu jeżistu qabel ma tkun saret il-ħsara, jew l-eqreb ekwivalent ta’ din; u meta l-awtorità kompetenti tiddetermina li dan mhuwiex possibbli;

b.

Ir-restawr billi, inter alia jiġi sostitwit it-telf tal-bijodiversità b’komponenti oħrajn tad-diversità bijoloġika għall-istess tip ta’ użu jew għal tip ieħor jew f’post alternattiv, kif ikun xieraq.

3.   Effett negattiv “signifikanti” għandu jiġi determinat abbażi ta’ fatturi, bħal:

(a)

Il-bidla fuq perjodu ta’ żmien fit-tul jew bidla permanenti, għandha tinftiehem bħala bidla li mhijiex ser tiġi rimedjata permezz ta’ rkupru naturali fi żmien raġonevoli;

(b)

Il-limitu tal-bidliet kwalittattivi u kwantitattivi li jaffettwaw b’mod negattiv il-komponenti tad-diversità bijoloġika;

(c)

It-tnaqqis tal-abbiltà tal-komponenti tad-diversità bijoloġika biex jipprovdu oġġetti u servizzi;

(d)

Il-limitu ta’ kwalunkwe effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem fil-kuntest tal-Protokoll.

Artikolu 3

Ambitu

1.   Il-Protokoll Supplimentari japplika għal ħsara li tirriżulta minn organiżmi ħajjin modifikati li jsibu l-oriġini tagħhom f’moviment transfruntieri. L-organiżmi ħajjin modifikati li għalihom qiegħda ssir referenza huma dawk:

(a)

Intenzjonati għall-użu dirett bħala ikel jew għalf, jew għall-ipproċessar;

(b)

Destinati għal użu limitat;

(c)

Intenzjonati għall-introduzzjoni intenzjonali fl-ambjent.

2.   Fir-rigward tal-movimenti transfruntieri intenzjonali, dan il-Protokoll Supplimentari japplika għal ħsara li tirriżulta minn kwalunkwe użu awtorizzat tal-organiżmi ħajjin modifikati msemmija fil-paragrafu 1 t’hawn fuq.

3.   Dan il-Protokoll Supplimentari japplika wkoll għal ħsara li tirriżulta minn movimenti transfruntieri mhux intenzjonati kif imsemmi fl-Artikolu 17 tal-Protokoll, kif ukoll għal ħsara li tirriżulta minn movimenti transfruntieri illegali kif imsemmi fl-Artikolu 25 tal-Protokoll.

4.   Dan il-Protokoll Supplimentari japplika għal ħsara li tirriżulta minn movimenti transfruntieri ta’ organiżmi ħajjin modifikati li jkunu bdew wara li jkun daħal fis-seħħ dan il-Protokoll Supplimentari għall-Parti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jkun sar il-moviment transfruntieri.

5.   Dan il-Protokoll Supplimentari japplika għall-ħsara li tkun iġġarbet fiż-żoni fil-limiti tal-ġuriżdizzjoni nazzjonali tal-Partijiet.

6.   Il-Partijiet jistgħu jużaw il-kriterji stipulati fil-liġi domestika tagħhom biex jindirizzaw il-ħsara li tkun saret fil-limiti tal-ġuriżdizzjoni nazzjonali tagħhom.

7.   Il-liġi domestika li timplimenta dan il-Protokoll Supplimentari għandha tapplika wkoll għal ħsara li tirriżulta minn movimenti transfruntieri ta’ organiżmi ħajjin modifikati minn dawk li mhumiex Parti.

Artikolu 4

Kawżalità

Għandha tiġi stabbilita rabta kawżali bejn il-ħsara u l-organiżmu ħaj modifikat inkwistjoni skont il-liġi domestika.

Artikolu 5

Miżuri ta’ rispons

1.   F’każ ta’ ħsara, il-Partijiet għandhom jesiġu li l-operatur jew l-operaturi xierqa, soġġett għal kwalunkwe rekwiżit tal-awtorità kompetenti:

(a)

Jinforma immedjatament lill-awtorità kompetenti;

(b)

Tevalwa l-ħsara; kif ukoll

(c)

Jieħu l-miżuri xierqa ta’ rispons.

2.   L-awtorità kompetenti għandha:

(a)

Tidentifika l-operatur li jkun ikkawża l-ħsara;

(b)

Tevalwa l-ħsara; kif ukoll

(c)

Tiddetermina liema miżuri ta’ rispons għandhom jittieħdu mill-operatur.

3.   Meta informazzjoni rilevanti, inkluża informazzjoni xjentifika disponibbli jew informazzjoni disponibbli fil-mekkaniżmu “Biosafety Clearing-House”, tindika li x’aktarx ser isseħħ il-ħsara jekk ma jitteħdux miżuri xierqa ta’ rispons fil-ħin, l-operatur għandu jiġi mitlub li jieħu miżuri xierqa ta’ rispons sabiex tiġi evitata din il-ħsara.

4.   L-awtorità kompetenti tista’ timplimenta miżuri xierqa ta’ rispons, b’mod partikolari, inkluż, meta l-operatur jonqos milli jagħmel dan.

5.   L-awtorità kompetenti għandha d-dritt li tirkupra mingħand l-operatur l-infiq u l-ispejjeż għall-evalwazzjoni tal-ħsara u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura xierqa ta’ rispons bħal din. Fil-liġi domestika tagħhom, il-Partijiet jistgħu jipprovdu għal sitwazzjonijiet oħrajn li fihom l-operatur jista’ ma jiġix mitlub iġorr l-infiq u l-ispejjeż.

6.   Id-deċiżjonijiet tal-awtorità kompetenti li jirrikjedu li l-operatur jieħu miżuri ta’ rispons għandhom ikun iġġustifikati. Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu notifikati lill-operatur. Il-liġi domestika għandha tipprovdi għal rimedji, inkluża l-opportunità għal reviżjoni amministrattiva jew ġuridika ta’ tali deċiżjonijiet. Skont il-liġi domestika, l-awtorità kompetenti għandha tinforma wkoll lill-operatur bir-rimedji disponibbli. Rikors għal tali rimedji ma għandux iżomm lill-awtorità kompetenti milli tieħu miżuri ta’ rispons f’ċirkostanzi xierqa, sakemm dan ma jkunux ipprovduti mill-liġi domestika.

7.   Fl-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu u bil-għan li jkunu definiti l-miżuri speċifiċi ta’ rispons li għandhom jintalbu jew jittieħdu mill-awtorità kompetenti, fejn ikun xieraq, il-Partijiet għandhom jivvalutaw jekk il-miżuri ta’ rispons humiex diġà indirizzati mil-liġi domestika tagħhom dwar ir-responsabbiltà ċivili.

8.   Il-miżuri ta’ rispons għandhom jiġu implimentati skont il-liġi domestika.

Artikolu 6

Eżenzjonijiet

1.   Fil-liġi domestika tagħhom, il-Partijiet jistgħu jipprovdu għall-eżenzjonijiet li ġejjin:

(a)

Diżastru naturali jew forza maġġuri; kif ukoll

(b)

Att ta’ gwerra jew inkwiet ċivili.

2.   Fil-liġi domestika tagħhom, il-Partijiet jistgħu jipprovdu għal kwalunkwe eżenzjoni oħra jew mitigazzjoni kif jidhrilhom li jkun xieraq.

Artikolu 7

Limiti ta’ żmien

Fil-liġi domestika tagħhom, il-Partijiet jistgħu jipprovdu għal:

(a)

Limiti ta’ żmien relattivi jew assoluti inklużi għal azzjonijiet relatati ma’ miżuri ta’ rispons; kif ukoll

(b)

Il-bidu tal-perjodu li għalih ikun japplika limitu ta’ żmien.

Artikolu 8

Limiti finanzjarji

Fil-liġi domestika tagħhom, il-Partijiet jistgħu jipprovdu għal limiti finanzjarji għall-irkupru tal-ispejjeż relatati mal-miżuri ta’ rispons.

Artikolu 9

Dritt ta’ rikors

Il-Protokoll Supplimentari ma għandux jillimita jew jirrestrinġi l-ebda dritt ta’ rikors jew kumpens li operatur jista’ jkollu kontra kwalunkwe persuna oħra.

Artikolu 10

Sigurtà finanzjarja

1.   Fil-liġi domestika tagħhom, il-Partijiet jistgħu jżommu d-dritt li jipprovdu għas-sigurtà finanzjarja.

2.   Il-Partijiet għandhom jeżerċitaw id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 t’hawn fuq f’manjiera konsistenti mad-dritijijiet u l-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali, billi jqisu l-aħħar tliet paragrafi preambulari tal-Protokoll.

3.   L-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll wara li jidħol fis-seħħ il-Protokoll Supplimentari għandha titlob lis-Segretarjat biex twettaq studju komprensiv li għandu jindirizza, inter alia:

(a)

Il-modalitajiet tal-mekkaniżmi tas-sigurtà finanzjarja;

(b)

Valutazzjoni tal-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali ta’ dawn il-mekkaniżmi, b’mod partikolari fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw; kif ukoll

(c)

Identifikazzjoni tal-entitajiet xierqa biex jipprovdu sigurtà finanzjarja.

Artikolu 11

Responsabbiltà tal-Istati għal atti internazzjonalment ħżiena

Dan il-Protokoll Supplimentari ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Istati skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali ġenerali fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Istati għal atti internazzjonalment ħżiena.

Artikolu 12

Implimentazzjoni u relazzjoni għar-responsabbiltà ċivili

1.   Fil-liġi domestika tagħhom, il-Partijiet għandhom jipprovdu għal regoli u proċeduri li jindirizzaw il-ħsara. Biex jimplimentaw dan l-obbligu, il-Partijiet għandhom jipprovdu għal miżuri ta’ rispons skont dan il-Protokoll Supplimentari u fejn ikun xieraq, jistgħu:

(a)

Japplikaw il-liġi domestika eżistenti tagħhom, inkluż, fejn ikun applikabbli, ir-regoli u l-proċeduri ġenerali dwar ir-responsabbiltà ċivili;

(b)

Japplikaw jew jiżviluppaw regoli u proċeduri dwar ir-responsabbiltà ċivili għal dan il-għan; jew

(c)

Japplikaw jew jiżviluppaw kombinazzjoni tat-tnejn.

2.   Bil-għan li jipprovdu regoli u proċeduri adegwati fil-liġi domestika tagħhom dwar ir-responsabbiltà ċivili għal ħsara materjali jew personali assoċjati mal-ħsara kif definit fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2(b), il-Partijiet għandhom:

(a)

Ikomplu japplikaw il-liġi ġenerali eżistenti tagħhom dwar ir-responsabbiltà ċivili;

(b)

Jiżviluppaw u japplikaw jew ikomplu japplikaw il-liġi dwar ir-responsabbiltà ċivili speċifikament għal dak l-iskop; jew

(c)

Jiżviluppaw u japplikaw jew ikomplu japplikaw kombinazzjoni tat-tnejn.

3.   Meta jiżviluppaw liġi dwar ir-responsabbiltà ċivili kif imsemmi fis-subparagrafu (b) jew (c) tal-paragrafi 1 jew 2 ta’ hawn fuq, meta jkun xieraq il-Partijiet għandhom jindirizzaw inter alia, l-elementi li ġejjin:

(a)

Il-ħsara;

(b)

L-istandard tar-responsabbiltà inkluża r-resonsabbiltà stretta jew dik ibbażata fuq il-ħtija;

(c)

L-indirizzar tar-responsabbiltà, meta jkun xieraq;

(d)

Id-dritt tal-preżentazzjoni ta’ pretensjonijiet.

Artikolu 13

Valutazzjoni u reviżjoni

Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll għandha twettaq reviżjoni tal-effikaċja ta’ dan il-Protokoll Supplimentari wara ħames snin minn meta dan jidħol fis-seħħ u kull ħames snin wara dan, sakemm l-informazzjoni li tirrikjedi din ir-reviżjoni tkun saret disponibbli mill-Partijiet. Ir-reviżjoni għandha titwettaq fil-kuntest tal-valutazzjoni u r-reviżjoni tal-Protokoll kif speċifikat fl-Artikolu 35 tal-Protokoll, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet għal dan il-Protokoll Supplimentari. L-ewwel reviżjoni għandha tinkludi reviżjoni tal-effikaċja tal-Artikoli 10 u 12.

Artikolu 14

Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll

1.   Soġġett għall-paragrafu 2 tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll għandha sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Protokoll Supplimentari.

2.   Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll għandha kontinwament tħares lejn l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll Supplimentari u għandha tieħu, skont il-mandat tagħha, id-deċiżjonijiet neċessarji biex tippromovi l-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Il-Konferenza għandha taqdi l-funzjonijiet mogħtija lilha minn dan il-Protokoll Supplimentari, u mutatis mutandis taqdi l-funzjonijiet mogħtija lilha mill-paragrafi 4(a) u (f) tal-Artikolu 29 tal-Protokoll.

Artikolu 15

Segretarjat

Is-Segretarjat stabbilit bl-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni għandu jservi bħala s-segretarjat għal dan il-Protokoll Supplimentari.

Artikolu 16

Relazzjoni bejn il-Konvenzjoni u l-Protokoll

1.   Dan il-Protokoll Supplimentari għandu jissupplimenta l-Protokoll u la għandu jimmodifika u lanqas jemenda l-Protokoll.

2.   Dan il-Protokoll Supplimentari ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet għal dan il-Protokoll Supplimentari skont il-Konvenzjoni u l-Protokoll.

3.   Ħlief jekk ikun ippprovdut f’dan il-Protokoll Supplimentari, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u l-Protokoll għandhom japplikaw mutatis mutandis, għal dan il-Protokoll Supplimentari.

4.   Bla ħsara għall-paragrafu 3 ta’ hawn fuq, dan il-Protokoll Supplimentari ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta’ Parti skont il-liġi internazzjonali.

Artikolu 17

Firma

Dan il-Protokoll Supplimentari għandu jkun miftuħ għall-iffirmar mill-Partijiet għall-Protokoll fil-Kwartieri tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York mis-7 ta’ Marzu 2011 sas-6 ta’ Marzu 2012.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Protokoll Supplimentari għandu jidħol fis-seħħ fid-dsatax-il jum wara d-data tad-depożitu tal-erbgħin strument ta’ ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew adeżjoni mill-Istati jew l-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali li huma Partijiet għall-Protokoll.

2.   Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ għal Stat jew organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali li tirratifika, taċċetta jew tapprova dan il-Protokoll jew taċċedi għalih wara li jkun iddepożitat l-erbgħin strument kif imsemmi fil-paragrafu 1 hawn fuq, fid-dsatax-il jum wara d-data li fiha dak l-Istat jew l-organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali tiddepożita l-istrumenti tagħha tar-ratifikazzjoni, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, jew fid-data meta l-Protokoll jidħol fis-seħħ għal dak l-Istat jew l-organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali, liema waħda minnhom tkun l-aktar tard.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ hawn fuq, kull strument depożitat minn organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali għandu jitqies bħala addizzjonali ma’ dawk depożitati minn Stati Membri ta’ din l-organizzazzjoni.

Artikolu 19

Riżervi

Ma jistgħux isiru riżervi għal dan il-Protokoll Supplimentari.

Artikolu 20

Irtirar

1.   Fi kwalunkwe żmien wara sentejn mid-data li fiha dan il-Protokoll Supplimentari jkun daħal fis-seħħ għal Parti, dik il-Parti tista’ tirtira minn dan il-Protokoll Supplimentari billi tagħti notifikazzjoni bil-miktub lid-Depożitarju.

2.   Kull irtirar bħal dan għandu jsir wara li tgħaddi sena mid-data tal-irċevuta tiegħu mid-Depożitarju, jew xi data oħra aktar tard kif speċifikat fin-notifika tal-irtirar.

3.   Kwalunkwe Parti li tirtira mill-Protokoll skont l-Artikolu 39 tal-Protokoll, għandha tiġi kkunsidrata li tkun irtirat minn dan il-Protokoll Supplimentari.

Artikolu 21

Testi awtentiċi

L-oriġinal ta’ dan il-Protokoll Supplimentari, li tiegħu t-testi bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol huma ugwalment awtentiċi, għandhom jiġu depożitati għand is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

B’XHUD TA’ DAN l-hawn taħt iffirmati u bl-awtorità li jagħmlu hekk, iffirmaw dan il-Protokoll Supplimentari.

MAGĦMUL f’Nagoya f’dan il-ħmistax-il jum ta’ Ottubru tas-sena elfejn u għaxra.