14.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/36


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Frar 2013

li ttemm il-proċediment ta’ anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ tubi wweldjati, pajpipjiet u profili vojta minn ġewwa b’sezzjoni trasversali kwadrata jew rettangolari, tal-ħadid għajr il-ħadid fondut jew tal-azzar għajr l-azzar inossidabbli li joriġinaw f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija u l-Ukraina

(2013/80/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

(1)

Fis-16 ta’ Frar 2012 il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment dwar allegazzjoni ta’ dumping inġurjuż li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ tubi wweldjati, pajpipjiet u profili vojta minn ġewwa b’sezzjoni trasversali kwadrata jew rettangolari, tal-ħadid għajr il-ħadid fondut jew tal-azzar għajr l-azzar inossidabbli (“profili vojta minn ġewwa”) li joriġinaw f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija u l-Ukraina (“il-pajjiżi kkonċernati”).

(2)

L-ilment ġie sottomess f’isem il-produtturi tal-Unjoni (“l-ilmentaturi”) li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ profili vojta minn ġewwa. L-ilment kien fih evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ dumping u ta’ ħsara materjali li rriżultat mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, li tqieset biżżejjed biex ikun ġustifikat il-bidu ta’ proċediment ta’ anti-dumping.

(3)

Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, b’avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) nediet proċediment ta’ anti-dumping rigward l-importazzjonijiet ta’ profili vojta minn ġewwa li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati.

(4)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-industrija tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati, lill-importaturi u lill-awtoritajiet ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija u l-Ukraina. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Avviż ta’ tnedija.

(5)

Il-partijiet kollha interessati li talbu dan u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta ta’ smigħ.

B.   L-IRTIRAR TAL-ILMENT U T-TMIEM TAL-PROĊEDURA

(6)

L-ilmentaturi rtiraw formalment l-ilment tagħhom permezz ta’ ittra lill-Kummissjoni datata t-23 ta’ Novembru 2012.

(7)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċedura tista’ tintemm meta jiġi irtirat l-ilment, sakemm it-tali tmiem ma jkunx kontra l-interess tal-Unjoni.

(8)

Il-Kummissjoni qieset li l-proċediment attwali għandu jintemm minħabba li l-investigazzjoni ma sabet l-ebda raġuni jew konsiderazzjoni li turi li dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

(9)

Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b’dan u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma tressqu l-ebda kummenti li jindikaw li dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

(10)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-proċediment ta’ anti-dumping li jikkonċerna importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ profili vojta minn ġewwa li joriġinaw f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fit-Turkija u fl-Ukraina għandu jintemm mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment ta’ anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ tubi wweldjati, pajpijiet u profili vojta minn ġewwa b’sezzjoni trasversali kwadrata jew rettangolari, tal-ħadid għajr il-ħadid fondut jew tal-azzar għajr l-azzar inossidabbli li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7306 61 92 u 7306 61 99 , li joriġinaw f’dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija u l-Ukraina, huwa hawnhekk mitmum.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Frar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU C 96, 31.3.2012, p. 13.