25.1.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 22/15 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-22 ta’ Jannar 2013
li tawtorizza lir-Repubbliak tas-Slovenja sabiex tintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
(2013/54/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
B’ittra rreġistrata mas-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni fit-30 ta’ Lulju 2012, is-Slovenja talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi regola mill-punt 15 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, li tkun tippermetti lis-Slovenja teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx jaqbeż il-EUR 50 000. |
(2) |
B’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, b’ittra datata t-18 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba li saret mis-Slovenja. Permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tqis it-talba. |
(3) |
Skont l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ċerti Stati Membri li ssieħbu fl-Unjoni wara l-1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali tal-ammonti bir-rata tal-kambju fil-ġurnata tal-adeżjoni tagħhom, kif speċifikat f’dik id-dispożizzjoni. Is-Slovenja talbet li l-limitu massimu korrispondenti tagħha, li huwa stabbilit bħala EUR 25 000 skont il-punt 15 tal-Artikolu 287, jiżdied għal EUR 50 000. |
(4) |
Limitu massimu ogħla għall-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar hu miżura ta’ simplifikazzjoni peress li dan jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT għan-negozji ż-żgħar. L-iskema speċjali hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli. |
(5) |
Fil-proposta tagħha tad-29 ta’ Ottubru 2004 għal Direttiva li temenda d-Direttiva 77/338/KEE, issa d-Direttiva 2006/112/KE, bil-ħsieb li tissimplifika l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-limitu tal-fatturat annwali għall-iskema ta’ eżenzjoni mill-VAT sa ammont massimu ta’ EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali, bil-possibbiltà li dan l-ammont ikun aġġornat kull sena. It-talba ppreżentata mis-Slovenja hi konformi ma’ dik il-proposta. |
(6) |
Il-miżura ta’ deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ dħul mit-taxxa tas-Slovenja miġbura fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-punt 15 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubbliak tas-Slovenja hija awtorizzata teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 50 000.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.
Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013 sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ Direttiva li temendaw l-ammonti tal-limiti massimi ta’ fatturat annwali li taħthom il-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT jew sal-31 ta’ Diċembru 2015, skont liema data tiġi l-ewwel.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Jannar 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
M. NOONAN
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.