|
12.1.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 8/17 |
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-12 ta’ Diċembru 2012
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b’konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2012/005/SE/Saab mill-Isvezja)
(2013/18/UE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b’mod partikulari l-punt 28 tiegħu,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija b’riżultat tal-globalizzazzjoni u biex dawn jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. |
|
(2) |
Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun. |
|
(3) |
L-Isvezja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji fl-intrapriża Saab Automobile SA, waħda mis-sussidjarji tagħha u 16 mill-fornituri tagħha, fil-25 ta’ Mejju 2012 u ssupplimentatha b’tagħrif addizzjonali sal-20 ta’ Awwissu 2012. Din l-applikazzjoni hi konformi mar-rekwiżiti biex jiġu determinati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk, tipproponi li jiġi mmobilizzat l-ammont ta’ EUR 5 454 560. |
|
(4) |
Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Isvezja, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 5 454 560 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Diċembru 2012.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
A. D. MAVROYIANNIS