20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/12


Dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni (Programm Qafas)

2013/C 373/02

DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Għall-Programm Qafas Orizzont 2020, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tissokta bl-istess qafas etiku tas-Seba' Programm Qafas biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tal-UE għar-riċerka fuq ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem.

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi l-issuktar ta' dan il-qafas etiku minħabba li dan żviluppa, abbażi tal-esperjenza, approċċ responsabbli għal qasam promettenti ħafna tax-xjenza u wera li jaħdem b'mod sodisfaċenti fil-kuntest ta' programm tar-riċerka li fih jipparteċipaw riċerkaturi minn bosta pajjiżi b'sitwazzjonijiet regolatorji differenti ħafna.

1.

Id-deċiżjoni dwar il-Programm Qafas 2020 espliċitament teskludi tliet oqsma ta' riċerka mill-finanzjament Komunitarju:

attivitajiet ta' riċerka li jimmiraw għall-klonazzjoni tal-bniedem għal finijiet ta' riproduzzjoni;

attivitajiet ta' riċerka maħsuba biex jimmodifikaw il-wirt ġenetiku tal-bnedmin, li jistgħu jwasslu biex tibdiliet bħal dawn isiru ereditarji;

attivitajiet ta' riċerka intenzjonati li joħolqu embrijuni umani bl-iskop waħdieni ta' riċerka jew tal-akkwist taċ-ċelloli staminali, inkluż b’mezzi ta’ trasferiment tan-nuklei taċ-ċelloli somatiċi.

2.

Mhija se tiġi ffinanzjata l-ebda attività li hija pprojbita fl-Istati Membri kollha. Mhija se tiġi ffinanzjata l-ebda attività fi Stat Membru fejn tali attività hija pprojbita.

3.

Id-deċiżjoni dwar Orizzont 2020 u d-dispożizzjoniiet għall-qafas etiku li jirregola l-finanzjament Komunitarju ta' riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem bl-ebda mod ma tinvolvi ġudizzju ta' valur dwar il-qafas regolatorju jew etiku li jirregola din ir-riċerka fl-Istati Membri.

4.

Meta l-Kummissjoni Ewropea tagħmel sejħa għal proposti, hija ma tissolleċitax b'mod espliċitu l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem. L-użu possibbli ta' ċelloli staminali tal-bniedem, sew jekk ikunu dderivati minn adulti jew minn embrijuni, jiddependi mill-ġudizzju tax-xjenzati, fid-dawl tal-għanijiet li jkunu jridu jilħqu. Fil-prattika, il-parti l-kbira tal-fondi Komunitarji għar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tmur għall-użu ta' ċelloli staminali adulti. Ma hemm l-ebda raġuni għaliex dan għandu jinbidel sostanzjalment f'Orizzont 2020.

5.

Kull proġett li jipproponi li juża ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem għandu jgħaddi b'suċċess minn evalwazzjoni xjentifika li matulha esperti xjentifiċi indipendenti jivvalutaw il-ħtieġa li jintużaw tali ċelloli staminali biex jintlaħqu l-għanijiet xjentifiċi.

6.

Il-proposti li jgħaddu b'suċċess mill-evalwazzjoni xjentifika mbagħad ikunu soġġetti għal reviżjoni etika stretta organizzata mill-Kummissjoni Ewropea. F'din ir-reviżjoni etika, jitqiesu l-prinċipji riflessi fil-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina, iffirmata f'Oviedo fl-4 ta' April 1997, u l-protokolli addizzjonali tagħha, kif ukoll id-Dikjarazzjoni Universali dwar il-Ġenoma tal-Bniedem u d-Drittijiet tal-Bniedem adottata mill-UNESCO. Ir-reviżjoni etika sservi wkoll biex tivverifika li l-proposti jirrispettaw ir-regoli tal-pajjiżi fejn tkun se titwettaq ir-riċerka.

7.

F'każijiet partikolari, verifika etika tista' titwettaq matul il-perjodu tal-proġett.

8.

Qabel ma jibda, kull proġett li jipproponi l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem għandu jikseb l-approvazzjoni tal-kumitat tal-etika nazzjonali jew lokali rilevanti. Ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha għandhom jiġu osservati, inkluż f'dak li jirrigwarda kwistjonijiet bħall-kunsens tal-ġenituri, l-assenza ta' tħajjir finanzjarju, eċċ. Ser isiru kontrolli dwar jekk il-proġett jinkludix referenzi għal miżuri ta' liċenzjar u kontroll li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ser titwettaq ir-riċerka.

9.

Proposta li tgħaddi b’suċċess l-evalwazzjoni xjentifika, ir-reviżjonijiet etiċi nazzjonali jew lokali u r-reviżjoni etika Ewropea, ser titressaq għall-approvazzjoni, kull każ għalih, tal-Istati Membri, mlaqqa’ bħala Kumitat li jaġixxi skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni. L-ebda proġett li jinvolvi l-użu ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem u li ma jiksibx l-approvazzjoni mill-Istati Membri mhuwa se jiġi ffinanzjat.

10.

Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli taħdem biex ir-riżultati tar-riċerka dwar ċelloli staminali, li tkun ġiet iffinanzjata mill-Komunità, ikunu ġeneralment aċċessibbli għar-riċerkaturi kollha, għall-benefiċċju aħħari tal-pazjenti fil-pajjiżi kollha.

11.

Il-Kummissjoni Ewropea se tappoġġa azzjonijiet u inizjattivi li jikkontribwixxu għall-koordinazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni, f'approċċ etiku responsabbli, tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se tissokkta bl-appoġġ għal reġistru Ewropew ta' linji ta' ċelloli staminali tal-embrijuni tal-biedem. Appoġġ għal tali reġistru se jippermetti monitoraġġ taċ-ċelloli staminali eżistenti tal-embrijuni tal-bniedem fl-Ewropa, se jikkontribwixxi għall-massimizzazzjoni tal-użu tagħhom mix-xjenzjati u jista' jgħin biex jiġu evitati derivazzjonijiet mhux meħtieġa ta' linji ġodda ta' ċelloli staminali.

12.

Il-Kummissjoni Ewropea se tissokkta l-prattika attwali, u mhijiex sejra tressaq quddiem il-Kumitat, li jaġixxi skont il-proċedura ta’ eżami, proposti għal proġetti li jinkludu attivitajiet tar-riċerka li jeqirdu l-embrijuni tal-bniedem, inklużi dawk għall-ksib ta’ ċelloli staminali. L-esklużjoni mill-finanzjament ta' dan il-pass ta' riċerka mhux se jimpedixxi l-finanzjament Komunitarju għal azzjonijiet fil-futur li jinvolvu ċ-ċelloli staminali tal-embrijuni tal-bniedem.

Dikjarazzjoni dwar l-Enerġija

“Il-Kummissjoni tagħraf ir-rwol essenzjali fil-ġejjieni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-istadju tal-użu finali u tal-enerġija li tiġġedded, l-importanza ta' grids u ħżin itjeb fil-massimizzazzjoni tal-potenzjal tagħhom, u l-ħtieġa ta' miżuri għall-adozzjoni mis-suq, sabiex tinbena l-kapaċità, titjieb il-governanza u jingħelbu l-ostakoli tas-suq sabiex ikunu jistgħu jintużaw soluzzjonijiet tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-enerġija li tiġġedded.

Il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tiżgura li tal-inqas 85 % tal-baġit għall-isfida enerġetika ta' Orizzont 2020 jintefaq fl-oqsma tal-fjuwils mhux fossili, u li minnhom tal-anqas 15 % tal-baġit globali għall-isfida enerġetika jintefaq għal attivitajiet ta' adozzjoni mis-suq ta' teknoloġiji eżistenti tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-Programm Enerġija Intelliġenti Ewropa III. Dan il-programm se jiġi implimentat permezz ta’ struttura ddedikata ta’ ġestjoni u se jinkludi wkoll appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika tal-enerġija sostenibbli, il-bini tal-kapaċità u l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament għall-investiment, hekk kif sar sal-lum.

Il-parti li jifdal se tiġi ddedikata għal teknoloġiji bbażati fuq il-fossili u għal għażliet tal-iżvilupp, li huma meqjusin essenzjali għall-ilħuq tal-viżjoni 2050 u għall-appoġġ tat-trasformazzjoni f'sistema ta' enerġija sostenibbli.

Il-progress lejn dawn il-miri se jkun immonitorjat u l-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment dwar il-progress miksub.”

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 6.5

“Mingħajr preġudizzju għall-proċedura baġitarja annwali tal-Unjoni, hija l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fil-kuntest tad-djalogu strutturat mal-Parlament Ewropew tippreżenta rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tat-tqassim tal-baġit stabbilit fl-Anness II ta’ Orizzont 2020 skont il-prijoritajiet u l-għanijiet speċifiċi f’dawn il-prijoritajiet, inkluż kwalunkwe applikazzjoni tal-Artikolu 6(5)”.

Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 12

“Fuq talba, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Kumitat responsabbli fil-Parlament Ewropew il-programmi ta’ ħidma adottati.”

Dikjarazzjoni dwar is-Siġill ta' Eċċellenza

“L-intervent fil-livell ta' Unjoni jippermetti kompetizzjoni madwar l-UE sabiex jintgħażlu l-aħjar proposti, biex b’hekk jogħlew il-livelli ta’ eċċellenza u tiġi provduta viżibbiltà għar-riċerka u l-innovazzjoni ewlenija.

Il-Kummissjoni tqis li l-proposti kkunsidrati pożittivi, kemm dawk tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, l-azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie, l-azzjonijiet għall-ħolqien ta' timijiet, l-istrument tal-SMEs tat-2 fażi jew il-proposti ta' proġetti ta' kollaborazzjoni li ma setgħux jiġu ffinanzjati għal raġunijiet baġitarji, xorta waħda ssodisfaw il-kriterju ta' eċċellenza ta' Orizzont 2020.

Hekk kif il-parteċipanti jiġu approvati, din l-informazzjoni tista' tinqasam mal-awtoritajiet responsabbli.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tilqa' kull inizjattiva biex dawn il-proġetti jiġu ffinanzjati permezz ta' sorsi nazzjonali, reġjonali jew privati. F'dan il-kuntest, il-politika ta' koeżjoni għandha wkoll rwol ewlieni permezz tal-bini tal-kapaċità.”

Dikjarazzjoni dwar it-Tixrid tal-eċċellenza u tat-twessigħ tal-parteċipazzjoni

“Il-Kummissjoni hija impenjata li twaqqaf u timplimenta l-miżuri biex tnaqqas id-distakk tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa taħt l-intestatura ġdida ‘It-tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni’. Il-livell ta' finanzjament previst għal dawn il-miżuri mhuwiex se jkun anqas mill-ammont minfuq fis-Seba' Programm ta' Qafas għall-azzjonijiet li jindirizzaw it-‘twessigħ tal-parteċipazzjoni’.

L-attivitajiet ġodda ta' COST meħuda fil-kuntest tat-‘twessigħ tal-parteċipazzjoni’ għandhom jiġu appoġġjati mill-baġit allokat għat-‘tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni’. L-attivitajiet tal-COST li ma jaqgħux taħtu, u li għandhom ikunu tal-istess kobor f'termini ta' baġit, għandhom jiġu appoġġjati mill-baġit allokat għal ‘6. L-Ewropa f'dinja li qed tinbidel – Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi’.

Il-parti l-kbira tal-attivitajiet relatati mal-Faċilità ta' Sostenn għall-Politika u man-netwerks transnazzjonali tal-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom ikunu appoġġjati wkoll mill-baġit allokat għal ‘6 L-Ewropa f'dinja li qed tinbidel – Soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi’.”

Dikjarazzjoni dwar l-istrument tal-SME

“L-appoġġ għall-SMEs f'Orizzont 2020 huwa ta' importanza kbira u jirrappreżenta parti prominenti biex jintlaħaq l-għan tal-Programm li jrawwem l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tiżgura li jkun hemm viżibilità kbira tal-appoġġ għall-SMEs f'Orizzont 2020, b'mod partikolari permezz tal-istrument tal-SMEs fil-programmi ta' ħidma, fil-linji gwida u fl-attivitajiet ta' komunikazzjoni. Se jsiru l-isforzi kollha sabiex l-SMEs ikunu jistgħu, b'mod faċli u sempliċi, jidentifikaw u jużaw l-opportunitajiet ipprovduti lilhom fil-prijoritajiet ‘Sfidi tas-Soċjetà’ u ‘LEITs’.

L-istrument tal-SMEs se jiġi implimentat permezz ta' struttura unika ta' tmexxija ċentralizzata responsabbli għall-evalwazzjoni u l-ġestjoni tal-proġetti, inkluż l-użu ta' sistemi tal-IT u proċessi tan-negozju komuni.

L-istrument tal-SMEs għandu jattira l-proġetti ta' innovazzjoni l-aktar ambizzjużi tal-SMEs. Dan se jkun implimentat primarjament b'approċċ minn isfel għal fuq permezz ta' sejħa permanent miftuħa u mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-SMEs, kif stabbilit fl-għan speċifiku ‘innovazzjoni fl-SMEs’ filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet u l-għanijiet tal-LEITs u tal-‘Isfidi tas-Soċjetà’ u tingħata l-opportunità għal proposti trasversali bejn il-prijoritajiet ‘Sfidi’ u LEITs, li jenfasizzaw l-approċċ minn isfel għal fuq. Din is-sejħa tista' tiġi riveduta/mġedda kull sentejn sabiex tittieħed kunsiderazzjoni tal-programmi strateġiċi biannwali. Meta jkun xieraq, flimkien mas-sejħa deskritta hawn fuq, jistgħu jiġu organizzati sejħiet għal suġġetti speċifiċi ta' interess strateġiku. Dawn is-sejħiet se jużaw il-kunċetti u l-proċeduri tal-istrument tal-SMEs kif ukoll il-punt ta' dħul uniku għall-applikanti u s-servizzi ta' gwidar u ta' taħriġ.”