16.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/169


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-17 ta’ April 2013

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011

(2013/558/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2013 (05753/2013 — C7-0041/2013),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 li jistabbilixxi ċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet msemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0069/2013),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2011;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 388, 15.12.2012, p. 12.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-17 ta’ April 2013

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet taċ-Ċentru (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 (05753/2013 — C7-0041/2013),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 li jistabbilixxi ċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet msemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0069/2013),

A.

billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (“iċ-Ċentru”) għas-sena finanzjarja 2011 huma affidabbli u li l-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom huma legali u regolari,

B.

billi fl-10 ta’ Mejju 2012, il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2010 (6), u fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza, fost affarijiet oħra:

talab liċ-Ċentru jiżgura konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament Finanzjarju tiegħu billi jistabbilixxi deċiżjonijiet ta’ finanzjament għan-nefqa operattiva; talab liċ-Ċentru, b’mod partikolari, jistabbilixxi kontrolli aktar b’saħħithom fil-proċess ta’ ppjanar ta’ akkwist,

talab liċ-Ċentru janalizza l-fluss tad-data u l-għodod użati għall-ippjanar tal-baġit u jistabbilixxi kontrolli; innota, f’dan ir-rigward, li l-ippjanar tal-baġit taċ-Ċentru hu bbażat fuq għodda Excel u manwali jew kontrolli awtomatiċi ta’ data li jistgħu jirriżultaw fi żbalji ta’ kalkolu u ppjanar tan-nefqa żbaljat u fl-aħħar mill-aħħar dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq it-tfassil tal-prezzijiet taċ-Ċentru,

innota li barra mit-12-il rakkomandazzjoni “importanti ħafna” mis-Servizz ta’ Awditu Intern (IAS), iċ-Ċentru ċaħad ir-rakkomandazzjoni dwar rappurtar finanzjarju; talab liċ-Ċentru jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar ir-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni,

C.

billi l-baġit finali taċ-Ċentru għall-2011 kien ta’ EUR 51 299 000, meta mqabbel ma’ EUR 55 928 077 fl-2010, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 8,27 %

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-baġit taċ-Ċentru jinkludi dħul li jinvolvi pagamenti li saru mill-korpi li għalihom iċ-Ċentru jaħdem u minn istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni li magħhom ġiet miftehma kollaborazzjoni bħala skambju għax-xogħol imwettaq, inklużi attivitajiet interistituzzjonali, u kwalunkwe dħul ieħor;

2.

Ifakkar li l-baġit taċ-Ċentru għall-2011 ammonta għal EUR 51 299 000 u li l-eżitu tal-baġit 2011 naqas għal EUR 1 201 339,13 fl-2011, meta mqabbel ma’ EUR 8 319 397,02 fl-2010, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 85,56 %; jinnota, barra minn hekk, mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri li t-tnaqqis irriżulta primarjament minn tnaqqis ta’ 15 % fid-dħul, li jirrifletti l-politika ġdida għat-tfassil tal-prezzijiet taċ-Ċentru, li timmira li tallinja l-prezzijiet tal-prodotti mal-ispejjeż tagħhom;

3.

Jirrikonoxxi mill-Qorti tal-Awdituri li l-bilanċ pożittiv tal-baġit akkumulat naqas minn EUR 9 231 709,81 fl-2010 għal EUR 2 973 348,94 fl-2011 u li dan it-tnaqqis huwa l-effett nett tal-bilanċ pożittiv tal-baġit 2011 u l-allokazzjonijiet għar-riżervi għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal investimenti eċċezzjonali;

4.

Jinnota mir-Rapport Annwali tal-Attività taċ-Ċentru (AAR) li fil-baġit oriġinali tiegħu għall-2011, EUR 46 956 800 kienu s-suġġett ta’ baġit emendatorju, adottat mill-Bord ta’ Tmexxija fit-13 ta’ Ottubru 2011; jirrikonoxxi, b’mod partikolari, li l-għan tal-baġit emendatorji kien doppju:

li jiġi inkluż il-bilanċ pożittiv baġitarju minn snin preċedenti, jiġifieri EUR 9 231 709,81, u biex dak il-bilanċ pożittiv jintuża biex jinħolqu żewġ riżervi eċċezzjonali, waħda għall-iżvilupp ta’ għodda għall-ġestjoni tad-domanda tat-traduzzjoni aktar effettiva (programm E-CdT) (EUR 4 325 709,81) u r-riżerva l-oħra biex iċ-Ċentru jkun jista’ jżomm il-prezzijiet stabbli fl-2012 u l-2013 (EUR 4 906 000);

biex il-baġit jiġi bbilanċjat mill-ġdid wara tnaqqis sinifikanti fil-previżjonijiet tal-klijenti;

5.

Jinnota, barra minn hekk, li l-ammont tar-riżerva għall-istabbiltà tal-prezzijiet kien aktar baxx minn dak propost minħabba li EUR 1,8 miljun mill-eċċess kellu jintuża biex jikkumpensa t-tnaqqis fid-dħul mill-klijenti anke fl-2011, u għalhekk l-ammont finali tar-riżerva kien biss ta’ EUR 7,4 miljun;

Impenji

6.

Jistabbilixxi mill-AAR li l-impenji totali taħt it-Titolu I laħqu 95,12 % għall-2011, li jirrappreżenta titjib sinifikanti meta mqabbel mal-2010, meta 91,5 % tal-baġit biss ġie kkonsmat (85 % fl-2009); jinnota, madanakollu, li l-ammonti li ġew riportati huma limitati u jirrappreżentaw biss 1,32 % tal-impenji;

7.

Jirrikonoxxi mill-AAR li l-impenji totali taħt it-Titolu II laħqu 94,44 % għall-2011, li jirrappreżenta titjib sinifikanti meta mqabbel mal-2010, meta 86,30 % tal-baġit biss ġie impenjat (88 % fl-2009);

8.

Jieħu nota mill-AAR li għat-Titolu III, 99,4 % tal-baġit ġie impenjat sa tmiem is-sena 2011, meta mqabbel ma’ 80,5 % fl-2010, u li dak il-livell għoli ta’ eżekuzzjoni tal-baġit huwa r-riżultat ta’ tnaqqis li sar fil-baġit emendatorju;

Riżorsi umani

9.

Jirrikonoxxi mill-AAR li sa tmiem l-2011, 205 karigi tal-pjan ta’ stabbiliment kienu mtlew, li jirrappreżenta 91,1 % tan-numru totali previst; jinnota, barra minn hekk, li bi qbil mal-isforzi kontinwi taċ-Ċentru biex jiġu ottimizzati l-metodi ta’ ħidma u jitnaqqsu l-ispejjeż, skrining ġdid tal-postijiet tax-xogħol kollha taċ-ċentru sar fl-2011 li wassal għal tnaqqis ta’ ħames impjiegi mill-2012 (jekk dan it-tnaqqis jiġi kkunsidrat, il-pjan ta’ stabbiliment ikun imtela sa 93,18 %);

10.

Josserva li matul is-sena, erba’ membri tal-persunal użaw l-opportunità tal-mobilità interna tal-persunal u biddlu l-impjieg tagħhom fiċ-Ċentru;

Protezzjoni tad-data

11.

Jinnota li fl-2011, sabiex tiżdied l-indipendenza tal-funzjoni, iċ-Ċentru ħatar Uffiċjal ġdid għall-Protezzjoni tad-Data; jinnota li l-għadd ta’ notifiki ta’ kontroll preċedenti li saru lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) fl-2011 kien erbgħa, jiġifieri sorveljanza bil-vidjo, il-proċedura dixxiplinarja, il-politika kontra l-fastidju u l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni; jinnota, barra minn hekk, li fir-rigward ta’ sorveljanza bil-vidjo, il-każ ingħalaq b’opinjoni favorevoli, rigward il-proċeduri dixxiplinarji u kontra l-fastidju, l-informazzjoni kumplimentari ntbagħtet lill-KEPD fuq talba tiegħu, u rigward iċ-ċertifikazzjoni, feedback mill-KEPD għadu pendenti; jistieden liċ-Ċentru jżomm l-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar l-istat attwali tan-notifiki;

Proceduri ta’ akkwist

12.

Jinnota li skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Finanzjarju tiegħu, fl-2010 ċ-Ċentru stabbilixxa l-Pjan ta’ Akkwist 2011 li jservi bħala Deċiżjoni ta’ Finanzjament tal-Bord ta’ Tmexxija taċ-Ċentru; jinnota, barra minn hekk, li l-pjan huwa parti integrali mill-Programm ta’ Ħidma taċ-Ċentru għall-2011, li ġie approvat mill-Bord ta’ Tmexxija fis-27 ta’ Ottubru 2010;

Sistema kontabilistika

13.

Jirrikonoxxi li f’Mejju 2012, il-kontabilità bbażata fuq id-dovuti, is-sistema kontabilistika użata mill-Kummissjoni għall-kontabilità baġitarja, ġiet implimentata fiċ-Ċentru u li l-Kontabilist se jiffinalizza l-validazzjoni tas-sistema kontabilistika fl-ewwel kwart tal-2013; jistieden liċ-Ċentru jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bis-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-validazzjoni tas-sistema kontabilistika;

14.

Jirreferi, għall-kummenti l-oħra ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ April 2013 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 388, 15.12.2012, p. 12.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  ĠU L 286, 17.10.2012, p. 141.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2013) 134 (Ara paġna 374 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).