22.9.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 286/13 |
PARIR TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU
tal-31 ta’ Lulju 2012
ippreżentat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq skont l-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-kollateral għal CCPs
(BERS/2012/3)
2012/C 286/10
1. Sfond legali
1.1. |
L-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1) jistipula li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) għandha tikkonsulta mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) u ma’ awtoritajiet rilevanti oħra dwar l-iżvilupp ta’ abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-kollateral eliġibbli għall-kontropartijiet ċentrali (CCPs — central counterparties). B’mod partikolari, il-konsultazzjoni għandha x’taqsam mat-tliet punti li ġejjin: (a) it-tip ta’ kollateral eliġibbli li jista’ jitqies bħala likwidu ħafna; (b) it-tnaqqis impost (haircuts) li għandu jiġi applikat għall-valuri tal-assi; u (c) il-kundizzjonijiet li skonthom garanziji tal-banek kummerċjali jistgħu jiġu aċċettati bħala kollateral mis-CCPs. |
1.2. |
Fis-26 ta’ Ġunju 2012 il-BERS irċieva talba mingħand l-AETS għal parir dwar il-punti msemmija aktar ’il fuq, b’referenza għad-dokument ta’ konsultazzjoni tal-AETS ippubblikat fil-25 ta’ Ġunju 2012 (2). |
1.3. |
Bi qbil mal-Artikoli 3(2)(b) u (g) u 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabblixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (3), il-Bord Ġenerali tal-BERS adotta dan il-Parir, li qiegħed jiġi ppubblikat skont l-Artikolu 30 tad-Deċiżjoni ESRB/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (4). |
1.4. |
Il-mandat tal-BERS, kif definit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 jinkludi s-sorveljanza tas-sistema finanzjarja kif definita fl-Artikolu 2(b) (5) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010; din tinkludi l-infrastrutturi tas-sistema finanzjarja bħas-CCPs u l-irwol tagħhom fi ħdan is-sistema finanzjarja. |
2. Sfond ekonomiku
2.1. |
Is-CCPs huma l-qofol tas-sistema finanzjarja u dan l-irwol ser jikber bl-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-G20 ta' Pittsburgh tal-2009 biex id-derivati over-the-counter (OTC) standardizzati kollha jiġu kklerjati ċentralment. Meta jsir l-abbozz tal-leġiżlazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati l-preokkupazzjonijiet makroprudenzjali dwar il-proċikliċità. Il-BERS iqis li l-kwistjoni tal-proċikliċità m’għandhiex tkun limitata għall-impatt immedjat fuq is-saħħa tas-CCPs infushom, u li għandha tintrabat ukoll mal-influwenza tal-imġiba tas-CCPs fuq is-sistema finanzjarja f'livell aktar wiesa’. |
2.2. |
Il-BERS qiegħed jistieden lill-awtoritajiet makroprudenzjali biex fl-ewwel rieżami li hemm skedat għall-EMIR (ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew) iqisu l-aspett kruċjali tal-użu potenzjali tat-tnaqqis impost (haircuts) u l-marġini applikati għall-kollateral bħala għodod makroprudenzjali. |
2.3. |
Il-BERS jirrikonoxxi li, waqt li għandu jsir kull sforz biex il-proċikliċità tiġi limitata, dan m’għandu qatt isir b’detriment għas-saħħa tas-CCPs. |
3. It-tip ta’ kollateral li jista’ jitqies bħala likwidu ħafna
3.1. |
Kull referenza għall-pajjiż fejn ikun stabbilit l-emittent għandha titneħħa mir-rekwiżit ta’ riskju ta’ kreditu baxx billi dan ir-riskju normalment ikun diġa kkunsidrat fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-emittent. |
3.2. |
CCPs għandhom ikollhom grad għoli ta’ ċertezza li t-trasferibbiltà u l-valur tal-kollateral:
|
3.3. |
Is-CCPs għandhom ikollhom salvagwardji legali u operattivi xierqa biex jiżguraw li l-kollateral transkonfinali jkun jista’ jintuża f’ħinu u f’waqtu. |
3.4. |
L-aċċettazzjoni ta’ kollateral maħruġ minn membri tal-ikklerjar għandu jkun suġġett għall-miżuri prudenzjali li ġejjin:
|
3.5. |
Għandhom jiġu stabbiliti limiti ta’ konċentrazzjoni skont il-pool tal-kollateral, billi aktar ma tkun diffiċli l-kisba tad-diversifikazzjoni, aktar tkun limitata l-firxa ta’ kollateral eliġibbli. |
3.6. |
Biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tas-suq, il-kapaċità ta’ CCP li terġa’ tuża l-kollateral jew li taċċetta kollateral ipotekat mill-ġdid għandha tiġi ċċarata mil-leġiżlazzjoni minħabba l-implikazzjonijiet makroprudenzjali kbar li din iġġib magħha. |
3.7. |
Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza għandhom japplikaw għall-eliġibbiltà u għall-użu ta’ kollateral minn CCPs biex l-awtoritajiet ta’ sorveljanza jkunu jistgħu jimmonitorjaw l-imġiba tas-suq u d-distribuzzjoni tar-riskju tal-kollateral imwiegħed. |
3.8. |
Il-leġiżlazzjoni dwar l-eliġibbiltà tal-kollateral għandha tkun suġġetta għal implimentazzjoni prudenti u rieżami frekwenti biex ir-riskju sistemiku jiġi kkunsidrat bir-reqqa. |
4. It-tnaqqis impost (haircuts) li għandu jiġi applikat għall-kollateral
4.1. |
It-tnaqqis impost għandu jiġi stabbilit b’mod prudenti u jiġi definit b’mod konservattiv, biex jitħarsu s-CCPs u jiġu limitati l-effetti proċikliċi. |
4.2. |
Mill-aspett ta’ stabbiltà finanzjarja, ix-xewqa hi li jiġi limitat iċ-ċaqliq proċikliku fil-kriterji ta’ aċċettazzjoni u fit-tnaqqis impost għall-kollateral tas-CCPs. Il-prattika tat-tnaqqis impost għandha titfassal b’mod li timminimizza żidiet f'daqqa u qawwija fi żminijiet ta’ tensjoni fis-swieq. |
4.3. |
Jinħtieġu proċeduri trasparenti u prevedibbli għall-aġġustament tat-tnaqqis impost bi tweġiba għat-tibdil fil-kundizzjonijiet tas-swieq. |
4.4. |
Fid-dawl tal-Prinċipji tal-Bord ta’ Stabbiltà Finanzjarja (FSB — Financial Stability Board) li ġew approvati mis-Samit tal-G20 tal-Belt tal-Messiku fl-2012, għandha tiġi evitata dipendenza mekkanistika fuq il-valutazzjonijiet tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu (CRA) (6). |
4.5. |
Is-CCPs għandhom jintalbu juru lill-awtorità kompetenti li mhumiex joqogħdu fuq valutazzjoni mekkanika biex jaġġustaw it-tnaqqis impost għal-limitazzjoni tal-effetti proċikliċi. Il-leġiżlazzjoni għandha tkun konsistenti mal-Prinċipji tal-FSB biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-valutazzjonijiet tal-aġenziji ta’ CRA. |
5. Il-kundizzjonijiet biex il-garanziji tal-banek kummerċjali jiġu aċċettati bħala kollateral
5.1. |
Il-leġiżlazzjoni għandha tiddefinixxi parti affidabbli għaż-żamma ta’ kollateral li jsostni l-garanziji tal-banek kummerċjali. |
5.2. |
Il-garanziji tal-banek kummerċjali għandhom ikunu suġġetti għal użu limitat u għal proporzjon ta’ konċentrazzjoni aktar baxx minn dak applikabbli għal kollateral eliġibbli ieħor. |
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta’ Lulju 2012
Il-President tal-BERS
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 39.
(2) Id-dokument ta’ konsultazzjoni tal-AETS “Draft technical standards for the Regulation on OTC derivatives, CCPs and trade repositories”, ippubblikat bl-Ingliż fil-websajt tal-AETS: http://www.esma.europa.eu
(3) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.
(5) L-Artikolu 2(b) jgħid li “sistema finanzjarja” tfisser l-istituzzjonijiet, is-swieq u l-prodotti finanzjarji u l-infrastrutturi tas-suq kollha.
(6) FSB, “Principles for reducing reliance on CRA ratings”, 27 ta’ Ottubru 2010, b’mod partikolari l-Prinċipju III.4; dan id-dokument jinsab bl-Ingliż fil-websajt tal-FSB: http://www.financialstabilityboard.org