14.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 41/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tat-22 ta’ Diċembru 2011

dwar il-mandat makroprudenzjali tal-awtoritajiet nazzjonali

(BERS/2011/3)

2012/C 41/01

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 2(2) u 4(2)(a) u l-Protokoll (Nru 25) dwar l-eżerċizzju tal-kompetenzi kondiviżi tiegħu;

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali fl-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(b), (d) u (f) u l-Artikoli 16 sa 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 15(3)(e) u l-Artikoli 18 sa 20 tagħha,

Billi:

(1)

Qafas tal-politika definit tajjeb huwa kundizzjoni neċessarja għal politika makroprudenzjali effettiva. Bit-twaqqif tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) fi ħdan is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja, ġie stabbilit qafas ta’ politika makroprudenzjali fil-livell Ewropew, li għandu jiġi mwettaq permezz ta’ twissijiet u rakkomandazzjonijiet, li għandhom bżonn jiġu implimentati.

(2)

L-effettività tal-politika makroprudenzjali fl-Unjoni tiddependi wkoll fuq l-oqfsa tal-politika makroprudenzjali nazzjonali tal-Istati Membri, peress illi r-responsabbiltà għall-adozzjoni tal-miżuri neċessarji biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja tinsab l-ewwel fi ħdan l-oqfsa nazzjonali.

(3)

Inizjattivi leġiżlattivi fir-rigward ta’ oqfsa makroprudenzjali qed jiġu diskussi preżentement f’xi Stati Membri.

(4)

Huwa neċessarju li jiġu pprovduti prinċipji ta’ gwida dwar elementi ewlenin tal-mandati makroprudenzjali nazzjonali, filwaqt li tiġi bbilanċjata l-ħtieġa għal konsistenza fost il-metodi nazzjonali mal-flessibilità biex jiġu akkomodati speċifiċitajiet nazzjonali.

(5)

Li jiġi stabbilit b’mod espliċitu għan ewlieni għandu jgħin lill-awtoritajiet makroprudenzjali nazzjonali biex jegħlbu t-tendenza għan-nuqqas ta’ azzjoni. Politika makroprudenzjali tista’ titħaddem f’livell nazzjonali fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet makroprudenzjali nazzjonali, jew bħala segwitu għal rakkomandazzjonijiet jew twissijiet mill-BERS.

(6)

Ġeneralment, politika makroprudenzjali tista’ titħaddem jew minn istituzzjoni waħda jew minn bord kompost minn bosta istituzzjonijiet, skont l-oqfsa istituzzjonali nazzjonali. F’kull każ, l-awtorità fdata għandha tkun identifikata b’mod ċar u trasparenti.

(7)

Il-Premessa 24 ta’ Regolament (UE) Nru 1092/2010 tistipula illi: ‘il-banek ċentrali nazzjonali għandhom ikollhom rwol ewlieni fis-sorveljanza makroprudenzjali minħabba fl-għarfien espert u r-responsabbiltajiet eżistenti tagħhom fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja.’ Din il-konklużjoni hija msaħħa aktar meta l-banek ċentrali jkunu wkoll responsabbli għas-superviżjoni mikroprudenzjali.

(8)

Skont il-qafas istituzzjonali nazzjonali, il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet b’kompetenzi li jinfluwenzaw l-istabbiltà finanzjarja tista’ tieħu forom differenti, li jvarjaw minn koordinazzjoni għal skambju ta' dejta u informazzjoni.

(9)

Il-BERS ser jiddiskuti l-firxa potenzjali ta’ politika transkonfinali dwar miżuri makroprudenzjali ppjanati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jiġi żgurat grad minimu ta’ koordinazzjoni u tiġi limitata l-firxa ta’ effetti negattivi possibbli. Għal dan il-għan, is-Segretarjat tal-BERS għandu jkun informat bil-quddiem dwar azzjonjiet makroprudenzjali sinifikanti proposti minn awtoritajiet nazzjonali, li ser ikunu diskussi mill-Kumitat ta' Tmexxija tal-BERS. Jekk dan ikun meqjus xieraq mill-Kumitat ta’ Tmexxija, l-azzjonijiet makroprudenzjali proposti jistgħu jinġiebu għall-attenzjoni tal-Bord Ġenerali.

(10)

Il-kompiti u s-setgħat tal-awtorità makroprudenzjali għandhom ikunu definiti b’mod ċar. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt illi jista’ jkollha r-riforma tal-qafas tar-rekwiżiti kapitali għal istituzzjonijiet ta’ kreditu (3) li għaddejja fl-UE, il-proċeduri biex jiġu assenjati strumenti lill-awtorità makroprudenzjali għandha tippermetti – fl-ambitu tal-prinċipji tal-qafas leġiżlattiv relevanti – aġġustamenti f’waqthom tal-għodod tal-politika bħala risposta għall-innovazzjoni u t-tibdil fi ħdan is-sistema finanzjarja u għan-natura ta’ riskji għall-istabbiltà finanzjarja li qed tinbidel. L-awtorità makroprudenzjali għandha tiġġustifika ex ante għaliex teħtieġ ċerti strumenti, u jkollha d-dritt ta’ inizjattiva biex titlob l-assenjazzjoni ta’ dawk l-istrumenti. L-istrumenti għandhom jinkludu kemm dawk li jistgħu jeffettwaw ir-riskji ċikliki, bħalma huma livelli ta’ leverage, diskrepanza fil-maturità u tkabbir fil-kreditu, u dawk li jistgħu jeffettwaw l-istrutturi tas-suq. Għandu jkun hemm provvediment għal separazzjoni istituzzjonali bejn strumenti li jorbtu u dawk li ma jorbtux.

(11)

It-trasparenza ttejjeb l-interpretazzjoni tal-politiki makroprudenzjali mis-settur finanzjarju u l-pubbliku ġenerali, u hija rekwiżit meħtieġ għal responsabbiltà fil-konfront tal-leġiżlatura, bħala r-rappreżentant tal-popolazzjoni ġenerali. Peress illi huwa diffiċli li jiġi kkwantifikat l-għan aħħari tal-politika makroprudenzjali, ir-responsabbiltà tista’ tiġi mfissra bħala l-kisba ta’ għanijiet intermedji, jew l-ispjegazzjoni pubblika tal-ħsieb wara l-użu ta' strumenti makroprudenzjali.

(12)

Jistgħu jsiru pressjonijiet fuq dawk li jfasslu l-politika makroprudenzjali biex ma jissikkawx il-politika f’każ ta’ espansjoni ekonomika qawwija jew itaffu l-ebusija tagħha f’każ ta’ falliment. Sabiex tiġi mħarsa l-kredibilittà tal-politika, l-awtoritajiet makroprudenzjali għandhom ikunu protetti kontra pressjonijiet esterni permezz tal-indipendenza. Banek ċentrali fdati b’mandati makroprudenzjali għandhom ikunu indipendenti skont it-tifsira tal-Artikolu 130 tat-Trattat.

(13)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-mandati tal-politika monetarja tal-banek ċentrali fl-Unjoni, u l-kompiti fdati lill-BERS.

(14)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-BERS jiġu ppubblikati wara li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiġi infurmat bl-intenzjoni tal-Bord Ġenerali li jagħmel dan u wara li l-Kunsill jingħata l-opportunità li jirreaġixxi.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

SEZZJONI 1

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Rakkomandazzjoni A –   Għan

L-Istati Membri huma rrakkomandati biex:

(1)

jispeċifikaw illi l-għan aħħari tal-politika makroprudenzjali huwa li jikkontribwixxi għall-ħarsien tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha, inkluż billi tissaħħaħ ir-reżistenza tas-sistema finanzjarja u titnaqqas l-akkumulazzjoni ta’ riskji sistemiċi, biex b’hekk jiġi żgurat kontribut sostenibbli tas-settur finanzjarju lit-tkabbir tal-ekonomija;

(2)

Politika makroprudenzjali tista’ tiġi segwita f’livell nazzjonali fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet makroprudenzjali nazzjonali, jew bħala segwitu għal rakkomandazzjonijiet jew twissijiet mill-BERS.

Rakkomandazzjoni B –   Arranġamenti istituzzjonali

L-Istati Membri huma rrakkomandati biex:

(1)

jindikaw fil-leġiżlazzjoni nazzjonali awtorità fdata bit-tmexxija ta' politika makroprudenzjali, ġeneralment jew bħala istituzzjoni waħda jew bħala bord kompost mill-awtoritajiet li l-azzjonijiet tagħhom għandhom impatt materjali fuq l-istabbiltà finanzjarja. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tispeċifika l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-korp governattiv tal-awtorità makroprudenzjali;

(2)

fejn istituzzjoni waħda hija indikata bħala l-awtorità makroprudenzjali, jistabbilixxu mekkaniżmi għall-koperazzjoni fost l-awtoritajiet kollha li l-azzjonijiet tagħhom għadhom impatt materjali fuq l-istabbiltà finanzjarja mingħajr preġudizzju għall-mandati rispettivi tagħhom;

(3)

jiżguraw illi l-bank ċentrali jkollu rwol ewlieni fil-politika makroprudenzjali u li l-politika makroprudenzjali ma timminax l-indipendenza tiegħu skont Artikolu 130 tat-Trattat;

(4)

jagħtu mandat lill-awtorità makroprudenzjali biex tikkoopera u tiskambja informazzjoni anke b'mod transkonfinali, b'mod partikolari billi tinforma l-BERS bl-azzjonijiet meħudin biex jindirizzaw riskji sistemiċi f’livell nazzjonali.

Rakkomandazzjoni Ċ –   Kompiti, setgħat, strumenti

L-Istati Membri huma rrakkomandati biex:

(1)

bħala minimu jafdaw lill-awtortià makroprudenzjali bil-kompiti ta’ identifikazzjoni, monitoraġġ, u valutazzjoni ta’ riskji għall-istabbiltà finanzjarja u tal-implimentazzjoni ta’ politiki biex jinkiseb l-għan tagħha billi jkun hemm prevenzjoni u mitigazzjoni ta’ dawk ir-riskji;

(2)

jiżguraw illi l-awtorità makroprudenzjali jkollha l-awtorità biex titlob u tikseb b’mod tempestiv id-dejta nazzjonali u l-informazzjoni kollha relevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħha, inkluż informazzjoni mingħand superviżuri mikroprudenzjali u tas-swieq tat-titoli u informazzjoni minn barra l-perimetru regolatorju, kif ukoll informazzjoni speċifika għal istituzzjoni fuq talba raġjonevoli u b’arranġamenti xierqa biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità. Taħt l-istess prinċipji l-awtorità makroprudenzjali għandha taqsam ma' awtoritajiet superviżorji mikroprudenzjali d-dejta u l-informazzjoni relevanti għat-twettiq tal-kompiti ta’ dawk l-awtoritajiet;

(3)

jafdaw lill-awtorità makroprudenzjali bis-setgħa li tindika u/jew tiżviluppa s-sistemi ta’ sorveljanza għall-identifikazzjoni, b’koordinazzjoni jew flimkien mas-superviżuri makroprudenzjali u tas-swieq tat-titoli, l-istituzzjonijiet finanzjarji u strutturi li huma sistemikament relevanti għall-Istat Membru rispettiv u biex tiddetermina jew tirrakkomanda dwar il-perimetru tar-regolamentazzjoni nazzjonali;

(4)

jiżguraw illi l-awtorità makroprudenzjali jkollha kontroll fuq l-istrumenti xierqa għall-kisba tal-għanijiet tagħha. Fejn neċessarju, għandhom ikunu stabbiliti proċeduri li huma ċari u tempestivi għall-assenjazzjoni ta’ strumenti lill-awtorità makroprudenzjali.

Rakkmandazzjoni D –   Trasparenza u responsabbiltà

L-Istati Membri huma rrakkomandati biex:

(1)

jiżguraw illi d-deċiżjonijiet tal-politika makroprudenzjali u l-motivazzjonijiet tagħhom isiru pubbliċi b’mod f’waqtu, sakemm ma jkunx hemm riskji għall-istabbiltà finanzjarja meta jsir dan, u li l-istrateġiji tal-politika makroprudenzjali jkunu stabbiliti u ppubblikati mill-awtorità makroprudenzjali;

(2)

jafdaw lill-awtorità makroprudenzjali bis-setgħa li tagħmel dikjarazzjonijiet pubbliċi u privati dwar ir-riskju sistemiku;

(3)

jagħmlu lill-awtorità makroprudenzjali tirrispondi finalment lill-parlamenti nazzjonali;

(4)

jiżguraw il-protezzjoni għall-awtorità makroprudenzjali u l-persunal tagħha meta jaġixxu bona fede.

Rakkomandazzjoni E –   Indipendenza

L-Istati Membri huma rrakkomandati biex jiżguraw illi:

(1)

fit-twettiq tal-għan tagħha, l-awtorità makroprudenzjali tkun bħala minimu indipendenti fl-operat tagħha, b’mod partikolari mill-korpi politiċi u mill-industrija finanzjarja;

(2)

arranġamenti organizzattivi u finanzjarji ma jipperikolawx it-tmexxija tal-politika makroprudenzjali.

SEZZJONI 2

IMPLIMENTAZZJONI

1.   Interpretazzjoni

It-termini użati f’din ir-rakkomandazzjoni għandhom it-tifsiriet li ġejjin:

 

“istituzzjonijiet finanzjarji” tfisser istituzzjonijiet finanzjarji kif iddefiniti fir-Regolament (UE) Nru 1092/2010;

 

“sistema finanzjarja” tfisser sistema finanzjarja kif iddefinita fir-Regolament (UE) Nru 1092/2010;

2.   Kriterji għall-implimentazzjoni

(1)

Il-kriterji li ġejjin japplikaw għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni:

(a)

Il-miżuri rakkomandati għandhom ikunu ippromulgati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(b)

L-arbitraġġ regolatorju għandu jiġi evitat;

(c)

Għandha tingħata l-attenzjoni dovuta lill-prinċipju ta’ proporzjonalità fl-implimentazzjoni, b’referenza għar-relevanza sistemika differenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji, għas-sistemi istituzjonali differenti, u waqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-għan u l-kontenut ta’ kull rakkomandazzjoni;

(d)

Għall-fini ta’ rakkomandazzjoni A:

(i)

għanijiet ta’ politika intermedji jistgħu jkunu identifikati bħala speċifikazzjonijiet operattivi tal-għan aħħari;

(ii)

il-politika makroprudenzjali għandha tippermetti azzjoni wkoll fuq miżuri li għandhom relevanza makroprudenzjali.

(2)

Id-destinatarji huma mitluba li jikkomunikaw lill-BERS u lill-Kunsill l-azzjonijiet meħuda b’risposta għal din ir-Rakkomandazzjoni, jew li jiġġustifikaw b’mod adegwat in-nuqqas ta’ azzjoni. Bħala minimu r-rapporti għandhom jinkludu:

(a)

informazzjoni dwar is-sustanza u l-kronoloġija tal-azzjonijiet meħuda;

(b)

evalwazzjoni tal-funzjonament tal-azzjonijiet meħuda, mill-perspettiva tal-għanijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(c)

ġustifikazzjoni dettaljata ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ azzjoni jew devjazzjoni minn din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż kwalunkwe dewmien.

3.   Kronoloġija għas-segwitu

(1)

Id-destinatarji huma mitluba li jikkomunikaw lill-BERS u lill-Kunsill l-azzjonijiet meħuda b’risposta għal din ir-Rakkomandazzjoni, jew li jiġġustifikaw b’mod adegwat in-nuqqas ta’ azzjoni, kif speċifikat fil-paragrafi li ġejjin.

(2)

Sat-30 ta’ Ġunju 2012, l-indirizzati jikkomunikaw lill-BERS rapport interim li jkopri bħala minimu l-aspetti li ġejjin: (a) dikjarazzjoni dwar jekk mandat makroprudenzjali ikunx ġie implimentat jew huwiex ippjanat li jiġi implimentat; (b) eżami tal-bażi legali għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni; (ċ) it-tiswir istituzzjonali previst tal-awtorità makroprudenzjali u l-bidliet istituzzjonali maħsuba; (d) valutazzjoni għal kull rakkomandazzjoni li tinsab hawn dwar jekk hijiex jew ser tkunx koperta mill-miżuri nazzjonali dwar il-mandat makroprudenzjali u, jekk le, spjegazzjonijiet xierqa. Il-BERS jista’ jinforma lid-destinatarji bl-opinjonijiet tiegħu dwar ir-rapport interim.

(3)

Sat-30 ta’ Ġunju 2013, id-destinatarji jikkomunikaw ir-rapport finali lill-BERS u lill-Kunsill. Miżuri rakkomandati għandhom ikunu fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2013.

(4)

Il-Bord Ġenerali jista’ jestendi l-iskadenza taħt il-paragrafu 2 fejn ikunu neċessarji inizjattivi leġiżlattivi għal konformità ma' rakkomandazzjoni waħda jew aktar.

4.   Monitoraġġ u valutazzjoni

(1)

Is-Segretarjat tal-BERS:

(a)

jassisti lid-destinatarji, inkluż billi jiffaċilita r-rapportaġġ ikkoordinat, jipprovdi mudelli relevanti u jippreċiża fejn ikun meħtieġ il-modalitajiet u l-kronoloġija għas-segwitu;

(b)

jivverifika s-segwitu mid-destinatarji, inkluż billi jassistihom fuq talba tagħhom, u jirrapporta dwar is-segwitu lill-Bord Ġenerali permezz tal-Kumitat ta' Tmexxija fi żmien xahrejn minn meta jagħlqu l-iskadenzi għas-segwitu.

(2)

Il-Bord Ġenerali jivvaluta l-azzjonijiet u l-ġustifikazzjonijiet irrapportati mid-destinatarji u, fejn xieraq, jiddeċiedi jekk din ir-Rakkomandazzjoni tkunx ġiet segwita u jekk id-destinatarji jkunux naqsu milli jiġġustifikaw b'mod adegwat in-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tagħhom.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta’ Diċembru 2011

Il-President tal-BERS

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(2)  ĠU Ċ 58, 24.2.2011, p. 4.

(3)  Proposti tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività ta’ istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiert ta’ kreditu u ditti tal-investiment u li temenda d-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju (KUMM(2011) 453 finali), u għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rekwiżiti prudenzjali għal istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment (KUMM(2011) 452 finali).