31.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 361/85 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1258/2012
tat-28 ta’ Novembru 2012
dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Madagaskar li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fil-15 ta’ Novembru 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 31/2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Madagaskar (1) (“il-Ftehim ta’ Sħubija”). |
(2) |
Fl-10 ta’ Mejju 2012 ġie inizjalat Protokoll ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija (“il-Protokoll il-ġdid”). Il-Protokoll il-ġdid jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-UE fl-ilmijiet li fihom il-Madagaskar għandu s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni fir-rigward tas-sajd. |
(3) |
Fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/826/UE (2) dwar l-iffirmar tal-Protokoll il-ġdid u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu. |
(4) |
Il-metodu għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri għandha tiġi ddefinita għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll il-ġdid. |
(5) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità (3), jipprevedi illi jekk ikun jidher li l-awtorizzazzjonjiet għall-attivitajiet tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni skont il-Protokoll il-ġdid ma jkunux qed jintużaw għal kollox, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati. F’każ li ma tintbagħatx risposta sa data ta’ skadenza li għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill, dan għandu jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat mhux qed jużaw għal kollox l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom fil-perjodu kkonċernat. Dik l-iskadenza għandha tiġi stabbilita. |
(6) |
Minħabba li huwa previst li l-Protokoll jiġi applikat b’mod proviżorju mid-data tal-firma tiegħu u mhux qabel l-1 ta’ Jannar 2013, huwa xieraq illi dan ir-Regolament jibda japplika mid-data hekk iddeterminata. |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll miftiehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Madagaskar li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ Partijiet (“il-Protokoll”) għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri kif ġej:
Tip ta’ bastiment |
Stat Membru |
Opportunitajiet tas-sajd |
Bastimenti tas-sajd bit-tartarun għat-tonn |
Spanja |
21 |
Franza |
18 |
|
L-Italja |
1 |
|
Bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ b’tunnellaġġ ta’ aktar minn 100 TG |
Spanja |
17 |
Franza |
9 |
|
Il-Portugall |
5 |
|
Ir-Renju Unit |
3 |
|
Bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ b’tunnellaġġ ta’ 100 TG jew anqas |
Franza |
22 |
2. Ir-Regolament (KE) Nru 1006/2008 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Ftehim ta’ Sħubija.
3. Jekk it-talbiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ma jeżawrixxux l-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tqis it-talbiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd magħmulin minn kwalunkwe Stat Membru ieħor, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008.
4. L-iskadenza sa meta l-Istati Membri għandhom jikkonfermaw li mhumiex qed jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet tas-sajd li jkunu ngħatawlhom, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008, għandha tkun ta’ għaxart ijiem tax-xogħol minn meta l-Kummissjoni tinfurmahom li l-opportunitajiet tas-sajd mhumiex qed jintużaw kollha.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa jibda japplika mid-data tal-iffirmar tal-Protokoll u, l-aktar kmieni, mill-1 ta’ Jannar 2013.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
S. ALETRARIS
(2) Ara l-paġna 11 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(3) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.