29.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 360/145


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1256/2012

tat-13 ta’ Diċembru 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 7 u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 32

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Fis-16 ta’ Diċembru 2011, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ippubblika l-emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 7 Strumenti Finanzjarji: Żvelar – Tpaċija ta’ Assi Finanzjarji u Obbligazzjonijiet Finanzjarji u għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni - Tpaċija ta’ Assi Finanzjarji u Obbligazzjonijiet Finanzjarji. L-emenda għall-IFRS 7 għandha l-għan li tirrikjedi d-dispożizzjoni ta’ informazzjoni kwantitattiva addizzjonali sabiex tippermetti lill-utenti biex iqabblu aħjar u jirrikonċiljaw l-iżvelar skont l-IFRS u l-Prinċipji ta’ Kontabiltà Ġeneralment Aċċettati (GAAP) tal-Istati Uniti. Barra minn hekk, l-IASB emenda l-IAS 32 biex jipprovdi gwida addizzjonali u b'hekk jiġi grantit li dan fil-prattika jkun applikat b'mod aktar konsistenti.

(3)

L-emendi għall-IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Żvelar – Trasferimenti tal-Assi Finanzjarji ġew adottati mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1205/2011 tat-22 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali ta’ Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 7 (3) wara li ġie approvat mill-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità f'Ġunju tal-2011. Madanakollu, it-tħassir tal-paragrafu 13 tal-IFRS 7 tħalla barra b'mod involontarju. Dan ir-Regolament għandu jirrimedja għal din l-ommissjoni. Sabiex din id-dispożizzjoni tkun effiċjenti, għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2011. Id-dispożizzjoni tar-retroattività hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-emittenti kkonċernati.

(4)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp Tekniku ta’ Esperti (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) tikkonferma li l-emendi għall-IFRS 7 u l-IAS 32 jissodisfaw il-kriterji tekniċi għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Standard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 7 Strumenti Finanzjarji: Żvelar huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(2)

Standard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni huwa emendat skont l-emendi għall-IFRS 7 kif stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(3)

IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(4)

L-intestatura qabel il-paragrafu 13 flimkien mal-paragrafu 13 tal-IFRS 7 huma mħassra skont l-emendi għall-IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: ŻvelarTrasferimenti tal-Assi Finanzjarji kif adottati mir-Regolament (UE) Nru 1205/2011.

Artikolu 2

1.   Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fil-punti (1), u (2) tal-Artikolu 1, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta’ Jannar 2013 jew wara.

2.   Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fil-punt (3) tal-Artikolu 1, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta’ Jannar 2014 jew wara.

3.   Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fil-punt (4) tal-Artikolu 1, sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta’ Lulju 2011.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.

(3)   ĠU L 305, 23.11.2011, p. 16.


ANNESS

STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ

IFRS 7

Emendi għall-IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Żvelar - Tpaċija ta’ Assi Finanzjarji u Obbligazzjonijiet Finanzjarji.

IAS 32

Emendi għall-IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni - Tpaċija ta’ Assi Finanzjarji u Obbligazzjonijiet Finanzjarji.

"Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta’ kkupjar għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta’ tranżazzjoni ġusta. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq www.iasb.org"

Emendi għal L-IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Żvelar

Wara l-paragrafu 13, jiddaħħlu intestatura u l-paragrafi 13A-13F.

Tpaċija ta’ assi finanzjarji u obbligazzjonijiet finanzjarji

13A

Id-divulgazzjonijiet fil-paragrafi 13B-13E jissupplimentaw ir-rekwiżiti l-oħra ta’ divulgazzjoni f'dan l-IFRS u huma meħtieġa għall-istrumenti finanzjarji rikonoxxuti kollha li jkunu tpaċew skont il-paragrafu 42 tal-IAS 32. Id-divulgazzjonijiet japplikaw ukoll għall-istrumenti finanzjarji li huma soġġetti għal arranġament ta’ kumpens prinċipali infurzabbli jew ftehim simili, irrispettivament minn jekk dawn jitpaċewx skont il-paragrafu 42 tal-IAS 32.

13B

Entità għandha tiddivulga l-informazzjoni biex tippermetti lill-utenti tar-rapporti finanzjarji tagħha jevalwaw l-effetti jew l-effetti potenzjali tal-arranġamenti ta’ kumpens fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-entità. Dan jinkludi l-effett jew l-effett potenzjali tal-jeddijiet ta’ tpaċija assoċjati mal-assi finanzjarji rikonoxxuti u l-obbligazzjonijiet finanzjarji rikonoxxuti tal-entità li jkunu fl-ambitu tal-paragrafu 13A.

13C

Biex jintlaħqu l-objettivi tal-paragrafu 13B, entità għandha tiddivulga, fi tmiem il-perjodu tar-rapportar, l-informazzjoni kwantitattiva li ġejja separatament għall-assi finanzjarji rikonoxxuti u l-obbligazzjonijiet finanzjarji rikonoxxuti li jkunu fl-ambitu tal-paragrafu 13A.

(a)

l-ammonti grossi ta’ dawk l-assi finanzjarji rikonoxxuti u l-obbligazzjonijiet finanzjarji rikonoxxuti;

(b)

l-ammonti li jkunu tpaċew skont il-kriterji fil-paragrafu 42 tal-IAS 32 meta jiġu ddeterminati l-ammonti netti ppreżentati fir-rapport dwar il-pożizzjoni finanzjarja;

(c)

l-ammonti netti ppreżentati fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja;

(d)

l-ammonti soġġetti għal arranġamenti ta’ kumpens prinċipali infurzabbli jew ftehim simili li ma humiex altrimenti inklużi fil-paragrafu 13C(b), inkluż:

(i)

ammonti relatati mal-istrumenti finanzjarji rikonoxxuti li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ tpaċija kollha jew uħud minnhom fil-paragrafu 42 tal-IAS 32; u

(ii)

ammonti relatati ma’ kollateral finanzjarju (inkluż kollateral fi flus); u

(e)

l-ammont nett wara t-tnaqqis tal-ammonti f'(d) mill-ammonti f'(c) hawn fuq.

L-informazzjoni meħtieġa minn dan il-paragrafu għandha tiġi ppreżentata f'format tabulari, għall-assi finanzjarji u għall-obbligazzjonijiet finanzjarji separatament, sakemm ma jkunx aktar xieraq xi format ieħor.

13D

L-ammont totali divulgat skont il-paragrafu 13C(d) għal strument għandu jkun limitat għall-ammont fil-paragrafu 13C(c) għal dak l-istrument.

13E

Entità għandha tinkludi deskrizzjoni fid-divulgazzjonijiet tal-jeddijiet ta’ tpaċija assoċjati mal-assi finanzjarji rikonoxxuti u l-obbligazzjonijiet finanzjarji rikonoxxuti tal-entità soġġetti għal arranġamenti ta’ kumpens prinċipali rinforzabbli u ftehimiet simili li jkunu ddivulgati skont il-paragrafu 13C(d), inkluż in-natura ta’ dawk il-jeddijiet.

13F

Jekk l-informazzjoni meħtieġa mill-paragrafi 13B-13E tkun iddivulgata f'aktar minn nota waħda għar-rapporti finanzjarji, entità għandha tagħmel kontroreferenza bejn dawk in-noti.

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

Jiddaħħal il-paragrafu 44R.

44R

Divulgazzjonijiet-Tpaċija ta’ Assi Finanzjarji u Obbligazzjonijiet Finanzjarji (Emendi għall-IFRS 7), maħruġ f'Diċembru 2011, żied il-paragrafi IN9, 13A–13F u B40–B53. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2013 jew wara u perjodi interim f'dawk il-perjodi annwali. Entità għandha tipprovdi d-divulgazzjonijiet meħtieġa minn dawk l-emendi retrospettivament.

Wara l-paragrafu B39, jiddaħħlu l-intestaturi u l-paragrafi B40–B53.

Tpaċija ta’ assi finanzjarji u obbligazzjonijiet finanzjarji

(il-paragrafi 13A-13F)

Ambitu (il-paragrafu 13A)

B40

Id-divulgazzjonijiet fil-paragrafi 13B-13E huma meħtieġa għall-istrumenti finanzjarji rikonoxxuti kollha li jkunu tpaċew skont il-paragrafu 42 tal-IAS 32. Barra minn hekk, l-istrumenti finanzjarji jkunu fl-ambitu tar-rekwiżiti tad-divulgazzjoni fil-paragrafi 13B-13E jekk dawn ikunu soġġetti għal arranġament ta’ kumpens prinċipali infurzabbli jew ftehim simili li jkopri strumenti finanzjarji u tranżazzjonijiet simili, irrispettivament minn jekk l-istrumenti finanzjarji jitpaċewx skont il-paragrafu 42 tal-IAS 32.

B41

Il-ftehimiet simili msemmija fil-paragrafi 13A u B40 jinkludu ftehimiet tal-ikklerjar tad-derivattivi, ftehimiet prinċipali globali ta’ riakkwist, ftehimiet prinċipali globali ta’ għoti b'self ta’ titoli, u kwlaunkwe jeddijiet relatati mal-kollateral finanzjarju. L-istrumenti finanzjarji u t-tranżazzjonijiet simili msemmija fil-paragrafu B40 jinkudi ftehimiet tad-derivattivi, ftehimiet tal-bejgħ u r-riakkwist (repo), ftehimiet ta’ bejgħ u riakkwist inversi (repo invers), ftehimiet ta’ teħid b'self u għoti b'self ta’ titoli. Eżempji ta’ strumenti finanzjarji li mhumiex fl-ambitu tal-paragrafu 13A huma s-selfiet u d-depożiti tal-klijenti fl-istess istituzzjoni (sakemm dawk ma jkunux tpaċew fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja), u l-istrumenti finanzjarji li jkunu soġġetti biss għal ftehim ta’ kollateral.

Divulgazzjoni ta’ informazzjoni kwantitattiva għall-assi finanzjarji rikonoxxuti u obbligazzjonijiet finanzjarji rikonoxxuti fl-ambitu tal-paragrafu 13A (il-paragrafu 13C).

B42

L-istrumenti finanzjarji ddivulgati skont il-paragrafu 13C jistgħu jiġu soġġetti għal rekwiżiti differenti ta’ kejl (pereżempju, pagabbli reletat ma’ ftehim ta’ riakkwist jista' jitkejjel skont il-kost ammortizzat, filwaqt li derivattiv jitkejjel skont il-valur ġust). Entità għandha tinkludi l-istrumenti skont l-ammonti rikonoxxuti tagħhom u tiddeskrivi kwalunkwe differenzi fil-kejl li jirriżultaw b'rabta mad-divulgazzjonijiet.

Divulgazzjoni tal-ammonti gross tal-assi finanzjarji rikonoxxuti u obbligazzjonijiet finanzjarji rikonoxxuti fl-ambitu tal-paragrafu 13A (il-paragrafu 13C(a)).

B43

L-ammonti meħtieġa skont il-paragrafu 13C(a) huma dwar l-istrumenti finanzjarji rikonoxxuti li jkunu tpaċew skont il-paragrafu 42 tal-IAS 32. L-ammonti rikjesti skont il-paragrafu 13C(a) huma wkoll dwar l-istrumenti finanzjarji rikonoxxuti li huma soġġetti għal arranġament ta’ kumpens prinċipali infurzabbli jew ftehim simili, irrispettivament minn jekk dawn jissodisfawx il-kriterji tat-tpaċija. Madankollu, id-divulgazzjonijiet rikjesti mill-paragrafu 13C(a) ma jikkonċernawx xi ammont rikonoxxut b'riżultat ta’ ftehimiet ta’ kollateral li ma jkunx jissodisfa l-kriterji ta’ tpaċija skont il-paragrafu 42 tal-IAS 32. Minflok, tali ammonti jeħtieġ jiġu ddivulgati skont il-paragrafu 13C(d).

Id-divulgazzjoni tal-ammonti li jkunu tpaċew skont il-kriterji fil-paragrafu 42 tal-IAS 32(il-paragrafu 13C(b))

B44

Il-paragrafu 13C(b) jeħtieġ li l-entitatjiet jiddivulgaw l-ammonti li jkunu tpaċew skont il-paragrafu 42 tal-IAS 32 meta jiġu ddeterminati l-ammonti netti ppreżentati fir-rapport dwar il-pożizzjoni finanzjarja. Kemm l-ammonti tal-assi finanzjarji rikonoxxuti kif ukoll dawk tal-obbligazzjonijiet finanzjarji rikonoxxuti, li jkunu soġġetti għal tpaċija skont l-istess arranġament, jiġu ddivulgati fid-divulgazzjonijiet tal-assi finanzjarji u tal-obbligazzjonijiet finanzjarji. Madankollu, l-ammonti ddivulgati (pereżempju, f'tabella) ikunu limitati għall-ammonti li jkunu soġġetti għal tpaċija, Pereżempju, entità jista' jkollha assi derivattiv rikonoxxut u obbligazzjoni derivattiva rikonoxxuta li jissodisfaw il-kriterji ta’ tpaċija fil-paragrafu 42 tal-IAS 32. Jekk l-ammont gross tal-assi derivat ikun akbar mill-ammont gross tal-obbligazzjoni derivattiva, it-tabella tad-divulgazzjoni tal-assi finanzjarji tinkludi l-ammont sħiħ tal-assi derivattiv (skont il-paragrafu 13C(a)) u l-ammont sħiħ tal-obbligazzjoni derivattiva (skont il-paragrafu 13C(b)). Madankollu, filwaqt li tinkludi l-ammont sħiħ tal-obbligazzjoni derivattiva (skont il-paragrafu 13C(a)), it-tabella tad-divulgazzjoni tal-obbligazzjonijiet finanzjarji tinkludi biss l-ammont tal-assi derivattiv (skont il-paragrafu 13C(b)) li jkun daqs l-ammont tal-obbligazzjoni derivattiva.

Divulgazzjoni tal-ammonti netti ppreżentati fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja (il-paragrafu 13C(c))

B45

Jekk entità jkollha strumenti li jaqgħu fl-ambitu tad-divulgazzjoni (kif speċifikat fil-paragrafu 13A), imma li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ tpaċija fil-paragrafu 42 tal-IAS 32, l-ammonti rikjesti li jiġu ddivulgati mill-paragrafu 13C(c) ikunu daqs l-ammonti rikjesti li jiġu ddivulgati mill-paragrafu 13C(a).

B46

L-ammonti rikjesti li jiġu ddivulgati skont il-paragrafu 13C(c) iridu jiġu rrikonċiljati mal-ammonti tal-entrati ta’ partita individwali ppreżentati fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja. Pereżempju, jekk entità tiddetermina li l-aggregazzjoni jew id-diżaggregazzjoni ta’ ammonti tal-entrati ta’ partita individwali tar-rapporti finanzjarji tipprovdi aktar informazzjoni relevanti, din għandha tirrikonċilja l-ammonti aggregati jew diżaggregati divulgati skont il-paragrafu 13C(c) mal-ammonti tal-entrati ta’ partita individwali ppreżentati fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja.

Divulgazzjoni tal-ammonti soġġetti għal arranġament ta’ kumpens prinċipali infurzabbli jew ftehim simili li ma humiex altrimenti inklużi fil-paragrafu 13C(b) (il-paragrafu 13C(d))

B47

Il-paragrafu 13C(d) jeħtieġ li l-entitajiet jiddivulgaw l-ammonti li jkunu soġġetti għal arranġament ta’ kumpens prinċipali infurzabbli jew ftehim simili li ma humiex altrimenti inklużi fil-paragrafu 13C(b). Il-paragrafu 13C(d)(i) jirreferi għall-ammonti relatati mal-istrumenti finanzjarji rikonoxxuti li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ tpaċija kollha jew uħud minnhom skont il-paragrafu 42 tal-IAS 32 (pereżempju, jeddijiet kurrenti ta’ tpaċija li ma jissodisfawx il-kriterju fil-paragrafu 42(b) tal-IAS 32, jew jeddijiet kondizzjonali ta’ tpaċija li jkunu infurzabbli u eżerċitabbli biss fil-każ ta’ inadempjenza, jew fil-każ biss ta’ insolvenza jew falliment ta’ kwalunkwe kontraparti).

B48

Il-paragrafu 13C(d)(ii) jirreferi għall-ammonti relatati ma’ kollateral finanzjarju, inkluż kollateral fi flus, kemm irċevuti kif ukoll mirhuna. Entità għandha tiddivulga l-valur ġust ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji li jkunu ntrahnu jew irċevuti bħala kollateral. L-ammont divulgat skont il-paragrafu 13C(d)(ii) għandu jikkonċerna l-kollateral reali rċevut jew mirhun u l-ebda pagabbli jew riċevibbli riżultanti rikonoxxut li jirritorna jew jirċievi lura tali kollateral.

Limiti għall-ammonti divulgati fil-paragrafu 13C(d) (il-paragrafu 13D)

B49

Meta tiddivulga l-ammonti skont il-paragrafu 13C(d), entità trid tqis l-effetti fuq is-sovrakollateralizzazzjoni mill-istrument finanzjarju. Biex tagħmel dan, l-entità trid l-ewwel tnaqqas l-ammonti divulgati skont il-paragrafu 13C(d)(i) mill-ammont divulgat skont il-paragrafu 13C(c). L-entità għandha imbagħad tillimita l-ammonti divulgati skont il-paragrafu 13C(d)(ii) għall-bqija tal-ammont fil-paragrafu 13C(c) għall-istrument finanzjarju relatat. Madankollu, jekk il-jeddijiet ta’ kollateral ikunu jistgħu jiġu infurzati fl-istrumenti finanzjarji kollha, tali jeddijiet jistgħu jiġu inklużi fid-divulgazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 13D.

Deskrizzjoni tal-jeddijiet ta’ tpaċija soġġetti għal arranġamenti ta’ kumpens prinċipali infurzabbli u ftehimiet simli (il-paragrafu 13E)

B50

Entità għandha tiddeskrivi t-tipi ta’ jeddijiet ta’ tpaċija u arranġamenti simli ddivulgati skont il-paragrafu 13C(d), inkluż in-natura ta’ dawk il-jeddijiet. Pereżempju, entità għandha tiddeskrivi l-jeddijiet kondizzjonali tagħha. Għall-istrumenti soġġetti għal jeddijiet ta’ tpaċija li ma jkunux kontinġenti fuq avveniment futur imma li ma jkunux jissodisfaw il-kriterji li jifdal fil-paragrafu 42 tal-IAS 32, l-entità għandha tiddeskrivi r-raġuni(jiet) għaliex il-kriterji ma ġew issodisfati. Għal kwalunkwe kollateral finanzjarju riċevut jew mirhum, l-entità għandha tiddeskrivi t-termini tal-ftehim ta’ kollateral (pereżempju, meta l-kollateral ikun ristrett).

Divulgazzjoni skont it-tip ta’ strument finanzjarju jew skont il-kontraparti

B51

Id-divulgazzjonijiet kwantitattivi metħieġa skont il-paragrafu 13C(a)-(e) jistgħu jiġu ggruppjati skont it-tip ta’ strument finanzjarju jew it-tranżazzjoni (pereżempju, derivattivi, ftehimiet ta’ riakkwist u ftehimiet inversi ta’ riakkwist jew ftehimiet ta’ għoti jew teħid b'self ta’ titoli).

B52

Alternattivament, entità tista' tiġbor flimkien id-divulgazzjonijiet kwantitattivi meħtieġa skont il-paragrafu 13C(a)-(c) skont it-tip ta’ strument finanzjarju, u d-divulgazzjonijiet kwantitattivi meħtieġa mill-paragrafu 13C(c)-(e) skont il-kontraparti. Jekk tipprovdi l-informazzjoni rikjesta skont il-kontraparti, l-entità ma tkunx meħtieġa tidentifika l-kontrapartijiet bl-isem. Madankollu, id-denominazzjoni tal-kontrapartijiet (Kontraparti A, Kontraparti B, Kontraparti C, eċċ) għandha tibqa' konsistenti minn sena għall-oħra għas-snin preżentati biex tinżamm il-komparabilità. Id-divulgazzjonijiet kwalitattivi għandhom jitqiesu sabiex tkun tista' tingħata aktar informazzjoni dwar it-tipi ta’ kontrapartijiet. Meta d-divulgazzjoni tal-ammonti fil-paragrafu 13C(c)-(e) tkun ipprovduta minn kontraparti, l-ammonti li jkunu individwalment sinifikanti f'termini ta’ ammonti totali tal-kontraparti, jiġu ddivulgati separatament u l-bqija tal-ammonti tal-kontraparti individwalment insinifikanti jiġu aggregati f'entrata ta’ partita waħda.

Affarijiet oħra

B53

Id-divulgazzjonijiet speċifiċi meħtieġa mill-paragrafi 13C-13E huma rekwiżiti minimi. Biex jinltaħaq l-objettiv fil-paragrafu 13B entità tista' tkun meħtieġa tissupplimentahom b'divulgazzjonijiet (kwalitattivi) addizzjonali, skont il-patti tal-arranġamenti ta’ kumpens prinċipali infurzabbli u ftehimiet relatati, inkluż in-natura tal-jeddijiet ta’ tpaċija, u l-effetti jew l-effetti potenzjali tagħhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-entità.

Appendiċi

Emenda għal IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni

Il-paragrafu 43 emendat.

43

Dan l-Istandard jeħtieġ il-preżentazzjoni ta’ assi finanzjarji u obbligazzjonijiet finanzjarji fuq bażi netta, li meta dan iseħħ jirrifletti l-flussi futuri tal-flus mistennija ta’ entità mis-saldu ta’ żewġ strumenti finanzjarji separati jew aktar. Meta entità għandha d-dritt li tirċievi jew tħallas ammont wieħed b'mod nett u qed taħseb li tagħmel dan, għandha fil-fatt biss assi finanzjarju wieħed jew obbligazzjoni finanzjarja waħda. F'ċirkustanzi oħra, assi finanzjarji u obbligazzjonijiet finanzjarji huma ppreżentati separatament minn xulxin, b'mod konsistenti mal-karatteristiċi tagħhom bħala riżorsi jew obbligi tal-entità. Entità għandha tiddivulga l-informazzjoni meħtieġa fil-paragrafi 13B-13E tal-IFRS 7 għall-istrumenti finanzjarji rikonoxxuti li jkunu fl-ambitu tal-paragrafu 13A tal-IFRS 7.

Tpaċija tal-Assi Finanzjarji u tal-Obbligazzjonijiet Finanzjarji

Emendi għal IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

Jiddaħħal il-paragrafu 97L.

97L

Tpaċija ta’ Assi Finanzjarji u Obbligazzjonijiet Finanzjarji (Emendi għall-IAS 32), maħruġ f'Diċembru 2011, ħassar il-paragrafu AG38 u żied il-paragrafi AG38A–AG38F. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għal perijodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2014 jew wara. Kull entità għandha tapplika dawk l-emendi retrospettivament. Hija permessa applikazzjoni qabel. Jekk tapplika dawk l-emendi għal data qabel, entità għandha tiddivulga dak il-fatt u tagħmel ukoll id-divulgazzjonijiet meħtieġa skont Divulgazzjonijiet-Tpaċija ta’ Assi Finanzjarji u Obbligazzjonijiet Finanzjarji (Emendi għall-IFRS 7), maħruġ f'Diċembru 2011.

Gwida ta’ applikazzjoni

Immedjatament wara l-intestatura "Tpaċija ta’ assi finanzjarju u obbligazzjoni finanzjarja (il-paragrafi 42-50)", jitħassar il-paragrafu AG38. Jiddaħħlu l-intestaturi u l-paragrafi AG38A-AG38F.

Kriterju li entità ‧bħalissa għandha jedd legali infurzabbli li tpaċi l-ammonti rikonoxxuti‧ (il-paragrafu 42(a))

AG38A

Jedd ta’ tpaċija jista' jkun disponibbli bħalissa jew jista' jkun kontinġenti fuq avveniment futur (pereżempju, il-jedd jista' jixkatta jew ikun eżerċitabbli biss fl-okkorrenza ta’ xi avveniment futur, bħall-inadempjenza, insolvenza jew falliment ta’ waħda mill-kontropartijiet). Anki jekk jedd ta’ tpaċija ma jkunx kontinġenti fuq avveniment futur, jista' jkun legalment infurzabbli biss matul il-perkors normali tal-operat, jew fil-każ ta’ inadempjenza jew falliment ta’ waħda mill-kontropartijiet jew tagħhom kollha).

AG38B

Biex tissodisfa l-kriterju fil-paragrafu 42(a), entità trid f'dak il-waqt ikollha jedd legali infurzabbli ta’ tpaċija. Dan ifisser il-jedd ta’ tpaċija:

(a)

ma jridx ikun kontinġenti fuq avveniment futur; u

(b)

irid ikun legalment infurzabbli fiċ-ċirkostanzi kollha li ġejjin:

(i)

il-perkors normal tal-operat;

(ii)

l-avveniment ta’ inadempjenza; u

(iii)

l-avveniment ta’ insolvenza jew falliment

tal-entità u l-kontrapartijiet kollha.

AG38C

In-natura u l-estent tal-jedd ta’ tpaċija, jinkludi kwalunkwe kundizzjoni marbuta mal-eżerċizzju tiegħu u jekk jibqax fil-każ ta’ inadempjenza jew insolvenza jew falliment, jistgħu jvarjaw minn ġuriżdizzjoni għal oħra. Konsegwentement, ma jistax jiġi assunt li l-jedd ta’ tpaċija huwa disponibbli awtomatikament barra l-perkors normali tal-operat. Pereżempju, il-liġijiet dwar il-falliment jew l-insolvenza ta’ ġuriżdizzjoni jistgħu jipprojbixxu, jew jirrestrinġu, il-jedd ta’ tpaċija fil-każ ta’ falliment jew insolvenza f'ċerti ċirkostanzi.

AG38D

Il-liġijiet applikabbli għar-relazzjonijiet bejn il-partijiet (pereżempju, id-dispożizzjonijiet kuntrattwali, il-liġijiet li jirregolaw il-kuntratti, jew il-liġijiet dwar l-inadempjenzi, l-insolvenza jew falliment applikabbli għall-partijiet) jeħtieġ li jitqiesu biex jiġi aċċertat jekk il-jedd ta’ tpaċija jkunx infurzabbli fil-perkors normali tal-operat, fil-każ ta’ inademjenza, u fil-każ ta’ isolvenza jew falliment, ta’ entità u l-kontrapartijiet kollha (kif speċifikat fil-paragrafu AG38B(b)).

Kriterji li entità "fi ħsiebha jew li ssalda fuq bażi netta, jew li tirrealizza l-assi u ssalda l-obbligazzjoni simultanjament" (il-paragrafu 42(b))

AG38E

Biex tissodisfal-kriterju fil-paragrafu 42(b) entità jrid ikun fi ħsiebha jew li ssalda fuq bażi netta, jew li tirrealizza l-assi u ssalda l-obbligazzjoni simultanjament. Minkejja li jista' jkollha dritt li ssalda nettement, l-entità tista' xorta waħda tirrealizza l-assi u ssalda l-obbligazzjoni separatement.

AG38F

Jekk tkun tista' ssalda l-ammonti b'mod li bih l-eżitu jkun fil-fatt ekwivalenti għal saldu nett, l-entità tissodisfa l-kriterju tas-saldu nett fil-paragrafu 42(b). Dan iseħħ jekk, u jekk biss, il-mekkaniżmu tas-saldu gross ikollu karatteristiċi li jeliminaw jew jirriżultaw f'riskji insinifikanti ta’ kreditu u likwidità, u li jkun jipproċessa r-riċevibbli u l-pagabbli fi proċess jew ċiklu wieħed tas-saldu. Pereżempju, sistema ta’ saldu gross li jkollha l-karatteristiċi kollha li ġejjin tkun tissodisfa l-kriterju tas-saldu nett fil-paragrafu 42(b):

(a)

l-assi finanzjarji u l-obbligazzjonijiet finanzjarji eliġibbli għat-tpaċija jkunu sottomessi fl-istess waqt għall-ipproċessar;

(b)

ladarba l-assi finanzjarji u l-obbligazzjonijiet finanzjarji jkunu sottomessi għall-ipproċessar, il-partijiet ikunu impenjati li jissodisfaw l-obbligu għas-saldu;

(c)

il-flussi ta’ flus li joriġinaw mill-assi u l-obbligazzjonijiet ma jkollhomx il-potenzjal li jinbidlu ladarba jkunu sottomessi għall-ipproċessar (sakemm il-proċess ma jfallix-ara (d) hawn taħt);

(d)

l-assi u l-obbligazzjonijiet li jkunu kollateralizzati mat-titoli jiġu ssaldati fuq sistema ta’ trasferiment ta’ titoli jew sistema simili (pereżempju, konsenja kontra pagament), sabiex jekk it-trasferiment ta’ titoli jfalli, l-ipproċessar tar-riċevibbli jew pagabbli relatati li għalihom it-titoli jkunu kollateralizzati jfallu wkoll (u vice versa);

(e)

kwalunkwe tranżazzjoni li tfalli, kif imfisser f'(d), tiddaħħal mill-ġdid għall-ipproċessar sakemm tiġi ssaldata;

(f)

is-saldu jitwettaq permezz tal-istess istituzzjoni tas-saldu (pereżempju, bank tas-saldu, bank ċentrali jew depożitorju ċentrali tat-titoli); u

(g)

tkun fis-seħħ faċilità ta’ kreditu għal ġurnata li tipprovdi ammonti suffiċjenti ta’ sovraprelevament li jippermetti l-ipproċessar tal-pagamenti fid-data tas-saldu għal kull parti, u jkun virtwalment ċert li l-faċilità ta’ kreditu għal ġurnata tiġi onorata jekk tiġi eżerċitata.