21.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/30


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1248/2012

tad-19 ta’ Diċembru 2012

li jistipula l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni rigward il-format tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1);

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (2),u b’mod partikolari l-Artikolu 56(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Kwalunkwe informazzjoni sottomessa lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) f’applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tingħata f’mezz durabbli li jippermetti l-ħżin tagħha għal użu futur u r-riproduzzjoni. Sabiex tkun iffaċilitata l-identifikazzjoni tal-informazzjoni sottomessa minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet, id-dokumenti inklużi ma’ applikazzjoni għandhom ikollhom numru ta’ referenza uniku.

(2)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni sottomess mill-AETS lill-Kummissjoni Ewropea skont il-proċedura tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (3).

(3)

Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 l-AETS wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar dawn l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-AETS tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 ta’ dak ir-Regolament.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Format tal-applikazzjoni

1.   Applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tingħata fi istrument li jaħżen l-informazzjoni f’mezz durabbli kif definit fl-Artikolu 2(1)(m) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

2.   Applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tiġi sottomessa fil-format stipulat fl-Anness.

3.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jagħti numru ta’ referenza uniku lil kull dokument li jissottometti u jiżgura li l-informazzjoni sottomessa tidentifika b’mod ċar liema rekwiżit speċifiku tal-att delegat fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet adottati skont l-Artikolu 56(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jirreferi għalih, f’liema dokument hija pprovduta dik l-informazzjoni u wkoll jagħti raġuni jekk l-informazzjoni ma tkunx sottomessa kif spjegat fit-taqsima tar-referenzi tad-dokument fl-Anness.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(4)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.


ANNESS

FORMAT TAL-APPLIKAZZJONI

INFORMAZZJONI ĠENERALI

Data tal-applikazzjoni

 

Isem korporattiv tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet

 

Indirizz ġuridiku

 

Klassijiet ta’ derivattivi li għalihom qiegħed japplika biex ikun irreġistrat ir-repożitorju

 

Isem il-persuna li tassumi r-responsabbiltà tal-applikazzjoni

 

Dettalji ta’ kuntatt tal-persuna li tassumi r-responsabbiltà tal-applikazzjoni

 

Isem persuna oħra responsabbli għall-konformità tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet

 

Dettalji ta’ kuntatt tal-persuna/i responsabbli għall-konformità tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet

 

Identifikazzjoni ta’ kwalunkwe kumpanija prinċipali

 


REFERENZI TAD-DOKUMENT

(Artikolu 1(3))

Artikolu tal-att delegat fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet adottati skont l-Artikolu 56(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012

Numru ta’ referenza uniku tad-dokument

Titolu tad-dokument

Kapitolu jew taqsima jew paġna tad-dokument fejn hija pprovduta l-informazzjoni jew raġuni għalfejn l-informazzjoni mhix ipprovduta