21.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/15


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1245/2012

tal-20 ta’ Diċembru 2012

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

B’reazzjoni għad-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, fit-12 ta’ April 2011, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 (2), impona ċerti miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi, b’konformità mad-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(2)

Fl-20 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/810/PESK (3) li temenda d-Deċiżjoni 2011/235/PESK fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri relatati ma’ tagħmir li jista’jintuża għal repressjoni interna.

(3)

Dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, hemm bżonn ta’ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 359/2011 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(5)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1a tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 huwa b’dan emendat kif gej:

(1)

il-paragrafu eżistenti jingħata n-numru ta’ paragrafu 1;

(2)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness III sakemm dan ikun maħsub biss għall-użu protettiv tal-persunal tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fl-Iran, jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija jew ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1(b) u (c) relatati ma’ tali tagħmir.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

E. FLOURENTZOU


(1)  ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51.

(2)  ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1.

(3)  Ara l-paġna 49 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.