15.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1205/2012

tal-14 ta’ Diċembru 2012

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 802/2010 fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kumpaniji

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-port (1), u partikolarment l-Artikolu 27 tagħha,

Billi:

(1)

Il-prestazzjoni tal-kumpanija hija waħda mill-parametri ġeneriċi li jiddeterminaw il-profil tar-riskju ta’ vapur.

(2)

Sabiex tkun ivvalutata l-prestazzjoni tal-kumpanija, għandhom jitqiesu n-nuqqasijiet u r-rati ta’ detenzjoni tal-vapuri kollha li jinsabu fil-flotta ta’ kumpanija, li jkunu suġġetti għal spezzjoni fl-Unjoni u fir-reġjun kopert mill-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (Paris MoU).

(3)

Ir-regoli ta’ implimentazzjoni biex jiġu kkalkulati l-kriterji tal-prestazzjoni tal-kumpanija għall-profil tar-riskju tal-vapur kif ukoll il-metodoloġija biex jitħejjew il-listi għall-pubblikazzjoni huma stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 802/2010 tat-13 ta’ Settembru 2010 li jimplimenta l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kumpaniji (2).

(4)

Simulazzjonijiet tal-pubblikazzjoni tal-listi fuq il-bażi ta’ informazzjoni rreġistrata fil-ġabra ta’ data (database) tal-ispezzjonijiet juru li l-metodoloġija għall-pubblikazzjoni stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 802/2010 għandha tkun iktar iffukata.

(5)

Għalhekk, sabiex il-listi ta’ kumpaniji bi prestazzjoni baxxa jew baxxa ħafna jsiru rilevanti, huwa meħtieġ li l-kriterji użati għall-abbozzar ta’ dawn il-listi jiġu emendati biex jiffukaw il-pubblikazzjoni fuq il-kumpaniji bil-prestazzjoni l-aktar baxxa. Dan ma għandux ibiddel il-komputazzjoni għall-kalkolu tal-prestazzjoni tal-kumpanija għall-profil tar-riskju tal-vapur.

(6)

Biex tiġi elenkata fil-listi ta’ kumpaniji bi prestazzjoni baxxa u baxxa ħafna, il-kumpanija għandha turi livell ta’ prestazzjoni baxxa għal perjodu kontinwu ta’ 36 xahar qabel il-pubblikazzjoni. Prestazzjoni baxxa b’mod konsistenti għal tali perjodu estiż turi nuqqas ta’ rieda jew inkapaċità min-naħa tal-kumpanija biex ittejjeb il-prestazzjoni tagħha. Peress li l-pubblikazzjoni fil-listi hija bbażata fuq l-ipproċessar tad-dejta li tikkorrispondi għall-prestazzjoni tal-kumpaniji fuq 36 xahar, għandu jitħalla biżżejjed żmien qabel l-ewwel pubblikazzjoni sabiex tinġabar dejta suffiċjenti rrappurtata mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2009/16/KE fil-ġabra ta’ data THETIS.

(7)

Il-kumpaniji li jiġu elenkati huma ddeterminati esklussivament fuq il-bażi tal-informazzjoni trasferita u vvalidata mill-Istati Membri fil-ġabra ta’ data tal-ispezzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2009/16/KE. Din l-informazzjoni tinkludi spezzjonijiet tal-vapuri, in-nuqqasijiet identifikati waqt l-ispezzjonijiet u d-detenzjonijiet. Tinkludi wkoll informazzjoni dwar il-vapur (l-isem, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-OMI, is-sinjal tas-sejħa u l-bandiera) kif ukoll l-isem tas-sid jew tal-persuna bħall-amministratur jew in-nolleġġatur tal-bareboat, li jkun assuma r-responsabbiltà għall-operazzjoni tal-bastiment kif ukoll id-doveri u r-responsabbilitajiet imponuti bil-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sikurezza (ISM). B’dan il-mod il-prestazzjoni ta’ kumpanija, u tal-bastimenti li din hija responsabbli għalihom, jistgħu jiġu mmonitorjati awtomatikament fil-ġabra ta’ data tal-ispezzjonijiet u l-listi jistgħu jiġu aġġornati kuljum.

(8)

Il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi tikseb id-dejta rilevanti mill-ġabra ta’ data tal-ispezzjonjiet, billi tuża l-funzjonalitajiet awtomatiċi tagħha, sabiex jiġu ddeterminati l-kumpaniji li għandhom jiddaħħlu fil-lista ta’ kumpaniji bi prestazzjoni baxxa u baxxa ħafna.

(9)

Il-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-matriċi tal-prestazzjoni tal-kumpaniji hija bbażata fuq l-ipproċessar tal-indiċi tal-detenzjoni u l-indiċi tan-nuqqasijiet tal-kumpanija kif stipulat fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 802/2010.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Vapuri,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 802/2010 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Mill-1 ta’ Jannar 2014, l-EMSA għandha tippubblika u taġġorna l-informazzjoni li ġejja kuljum fuq is-sit elettroniku pubbliku tagħha:

(a)

il-lista tal-kumpaniji li l-prestazzjoni tagħhom kienet baxxa ħafna għal perjodu kontinwu ta’ 36 xahar;

(b)

il-lista tal-kumpaniji li l-prestazzjoni tagħhom kienet baxxa jew baxxa ħafna għal perjodu kontinwu ta’ 36 xahar;

(c)

il-lista tal-kumpaniji li l-prestazzjoni tagħhom kienet baxxa għal perjodu kontinwu ta’ 36 xahar.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57.

(2)  ĠU L 241, 14.9.2010, p. 4.