15.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1203/2012

tal-14 ta’ Diċembru 2012

dwar il-bejgħ separat ta’ servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut fi ħdan l-Unjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jintroduċi l-kunċett ta’ bejgħ separat tas-servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut. L-ewwel nett, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 jimponi l-obbligu fuq il-fornituri domestiċi li dawn jippermettu li l-klijenti tagħhom ikollhom aċċess għal servizzi regolati ta’ roaming tal-vuċi, tal-SMS u tad-dejta, ipprovduti bħala ġabra ta’ servizzi, minn kwalunkwe fornitur alternattiv tar-roaming. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar il-bejgħ separat tas-servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut kif stabbiliti fl-Artikolu 4(1) jinkludu l-ħtieġa li l-fornituri domestiċi u l-fornituri tar-roaming ma jżommux lill-klijenti tar-roaming milli jaċċessaw servizzi rregolati ta’ roaming tad-dejta pprovduti direttament fuq netwerk miżjur minn fornitur alternattiv tar-roaming.

(2)

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti u simultanja tal-bejgħ separat tas- servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut madwar l-Unjoni, ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jitlob lill-Kummissjoni biex tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, regoli dettaljati fuq l-obbligi ta’ tagħrif dwar il-possibbiltà li l-klijenti tar-roaming jagħżlu fornitur alternattiv tar-roaming u dwar soluzzjoni teknika għall-implimentazzjoni tal-bejgħ separat tas-servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut.

(3)

Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, is-soluzzjoni teknika għall-implimentazzjoni tal-bejgħ separat ta’ servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut tista’ tikkombina modalità teknika waħda jew aktar bl-iskop li jiġu ssodisfati l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012. Għalhekk, għandhom jiġu implimentati bosta modalitajiet tekniċi jekk dawn il-kriterji ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati kollha permezz ta’ modalità teknika waħda biss. Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli ddettaljati dwar din is-soluzzjoni teknika, li jinkludu r-rekwiżiti għall-fornituri domestiċi li jużaw l-elementi tan-netwerk u li jipprovdu servizzi relatati li jikkonċernaw kull modalità teknika, b’mod li jiġi żgurat l-aċċess għal dawn il-faċilitajiet meħtieġa sabiex fornituri alternattivi tar-roaming ikunu jistgħu joffru servizzi ta’ roaming separati u jipprovdu għall-proċess ta’ bidla bejn il-fornituri donaturi tar-roaming u l-fornituri riċevituri tar-roaming.

(4)

Fl-istess ħin, is-soluzzjoni teknika għandha tagħmilha possibbli li jiġu applikati l-obbligi msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012. Għalhekk, is-soluzzjoni teknika għandha tiżgura kemm il-possibbiltà li l-klijenti jkollhom aċċess għal servizzi rregolati tar-roaming tal-vuċi, tal-SMS u tad-dejta, ipprovduti bħala ġabra ta’ servizzi minn kwalunkwe fornitur alternattiv tar-roaming, kif ukoll li l-fornituri domestiċi u l-fornituri tar-roaming jirrispettaw l-obbligu li ma jwaqqfux lill-klijenti milli jkollhom aċċess għal servizzi rregolati ta’ roaming tad-dejta pprovduti direttament fuq netwerk miżjur minn fornitur alternattiv tar-roaming.

(5)

Bħalissa, is-servizzi kollha tar-roaming bl-imnut qegħdin jiġu pprovduti flimkien mas-servizzi domestiċi tal-komunikazzjoni mobbli mill-fornitur domestiku. Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jagħti ċ-ċans lill-klijent tar-roaming jagħżel fornitur alternattiv tar-roaming għas-servizzi rregolati tar-roaming ipprovduti bħala ġabra ta’ servizzi, kif ukoll li jakkwista dawk is-servizzi ta’ roaming separatament mis-servizzi ċellulari domestiċi. F’dan ir-rigward, il-klijent tar-roaming jikkonkludi kuntratt ma’ fornitur alternattiv tar-roaming għall-għoti ta’ dawk is-servizzi.

(6)

Jeżistu bosta modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni tal-bejgħ separat ta’ servizzi tar-roaming bħala ġabra ta’ servizzi, inkluż Identità Internazzjonali tal-Abbonat Mobbli doppja (International Mobile Subscriber Identity - IMSI doppja) (żewġ IMSI separati fuq l-istess SIM card) u l-IMSI unika (il-kondiviżjoni ta’ IMSI waħda bejn il-fornitur domestiku u dak tar-roaming). Il-modalità teknika tal-IMSI doppja hija bbażata fuq profil sekondarju fuq is-SIM card tal-klijent tar-roaming li jista’ jintuża mill-fornitur alternattiv tar-roaming għall-bejgħ ta’ servizzi rregolati tar-roaming, filwaqt li l-ewwel profil jibqa’ jintuża mill-fornitur domestiku għall-bejgħ ta’ servizzi domestiċi u possibbilment servizzi tar-roaming mhux irregolati. Fil-kuntest tal-modalità teknika tal-IMSI unika, is-servizzi ta’ roaming separati teknikament għadhom qegħdin jiġu pprovduti mill-fornitur domestiku, li jservi bħala l-operatur ospitanti tan-netwerk mobbli għall-fornitur alternattiv tar-roaming. Is-servizzi ta’ roaming separati jiġu pprovduti bl-ingrossa lill-fornitur alternattiv tar-roaming, li min-naħa tiegħu jerġa’ jbiegħ is-servizzi lill-klijent tar-roaming bl-imnut. L-aktar verżjoni bażika hija għażla esklużivament ta’ bejgħ mill-ġdid. Barra minn hekk, jeżistu għadd ta’ possibbiltajiet ta’ titjib potenzjali li jista’ jsir fil-modalità teknika esklużivament ta’ bejgħ mill-ġdid li jippermetti lill-fornitur tar-roaming alternattiv jikkontrolla liema netwerks miżjur għandhom preferibbilment jintużaw u jirkupra l-iskontijiet mogħtija fuq is-servizzi ta’ roaming bl-ingrossa mixtrija mill-operatur tan-netwerk mobbli (Mobile Network Operator — MNO) ospitanti fuq il-bażi ta’ ftehimiet dwar bejgħ bl-ingrossa ma’ operaturi ta’ netwerks miżjur jew aggregaturi ta’ bejgħ bl-ingrossa.

(7)

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, l-aċċess għall-elementi tan-netwerk u s-servizzi neċessarji għall-bejgħ separat ta’ servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut għandu jiġi pprovdut mingħajr ħlas. Għalhekk, l-Artikolu 5(1) ma jkoprix l-ipprezzar ta’ kwalunkwe servizz addizzjonali li jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-bejgħ separat ta’ servizzi rregolati ta’ roaming bl-imnut. L-aċċess għall-faċilitajiet u s-servizzi ta’ appoġġ għall-bejgħ separat ta’ servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut jinkludi l-faċilitajiet u s-servizzi meħtieġa fil-proċess tal-bidla ta’ klijent.

(8)

Il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) wettaq il-valutazzjoni esperta tiegħu fuq is-soluzzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ servizzi ta’ roaming separati (2). Il-BEREC huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni tal-IMSI doppja teħtieġ żvilupp sinifikanti u attività ta’ standardizzazzjoni u jistma li l-ispejjeż tal-implimentazzjoni se jimponu spiża ġenerali sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut. Minħabba li din il-modalità teknika teħtieġ ukoll li jiġu aġġornati s-SIM cards li qegħdin jintużaw bħalissa sabiex jinkludu l-funzjonalità tal-IMSI doppja, il-modalità teknika tal-IMSI doppja tonqos milli tipprovdi għażla kosteffikaċi u li tiffavorixxi l-konsumaturi għall-bejgħ separat ta’ servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut.

(9)

B’kuntrast għal dan, il-modalità teknika tal-IMSI unika tidher li hija aktar xierqa fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012. L-ewwel nett, fir-rigward tal-kriterji (h), (i), (j), (k) tal-Artikolu 5(3), il-modalitajiet tekniċi kollha li ġew identifikati, inkluża l-modalità teknika tal-IMSI unika, jistgħu jiġu implimentati b’tali mod li jiġu ssodisfati dawn il-kriterji. It-tieni nett, l-IMSI unika hija favorevoli għall-konsumaturi u għall-utenti minħabba li s-servizz tar-roaming teknikament jiġi pprovdut bl-istess mod kif ġie pprovdut sa issa u għalhekk hija mistennija l-istess esperjenza bla xkiel għall-utenti. It-tielet, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-IMSI unika huma aktar baxxi minn dawk għall-IMSI doppja u ma hija meħtieġa ebda attività ta’ standardizzazzjoni ewlenija sabiex tkun tista’ ssir. Il-BEREC huwa tal-fehma wkoll li ma jeżistux ostakoli fl-implimentazzjoni tal-IMSI unika.

(10)

L-effikaċja tal-modalità teknika tal-IMSI unika f’termini ta’ effetti tal-kompetizzjoni tista’ tittejjeb jekk il-fornituri tar-roaming alternattivi jkunu jistgħu jidderieġu t-traffiku tar-roaming lejn dak in-netwerk miżjur li jippreferu. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-arranġamenti dwar it-tmexxija tat-traffiku għall-modalità teknika tal-IMSI unika mtejba tkun ġġustifikata biss jekk l-ispejjeż tal-implimentazzjoni jkunu proporzjonati għall-benefiċċji mistennija mill-kompetizzjoni. Sa issa, ma hemm ebda evidenza li l-arranġamenti neċessarji għat-tmexxija tat-traffiku għal modalità teknika tal-IMSI unika mtejba jistgħu jiġu implimentati bi spiża raġonevoli sal-1 ta’ Lulju 2014. Għalhekk, f’dan l-istadju, il-modalità teknika tal-IMSI unika fil-forma ta’ bejgħ mill-ġdid tar-roaming titqies bħala suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfati l-kriterji kollha previsti fl-Artikolu 5(3), għajr il-kriterji (b) u (e), li huma ssodisfati biss parzjalment.

(11)

La l-modalità teknika tal-IMSI doppja, la l-modalità teknika tal-IMSI unika u lanqas it-titjib tagħha ma jissodisfaw il-kriterji kollha kif previsti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012. B’mod partikolari, l-ebda waħda minnhom ma tagħmilha possibbli li jiġi applikat l-obbligu impost fuq il-fornituri domestiċi u fuq il-fornituri tar-roaming li ma jwaqqfux lill-klijenti milli jkollhom aċċess għal servizzi rregolati ta’ roaming tad-dejta pprovduti direttament fuq netwerk miżjur minn fornitur tar-roaming alternattiv. Madankollu, mill-inqas waħda mill-modalitajiet tekniċi tas-soluzzjoni teknika għandha tipprevedi l-abbiltà li dan l-obbligu jiġi applikat bħala wieħed mill-obbligi imposti fl-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament.

(12)

Fl-implimentazzjoni u l-konfigurazzjoni attwali tan-netwerks domestiċi ma jistgħux jiġu pprovduti tali servizzi ta’ roaming tad-dejta lokali. Għalhekk, hija meħtieġa modalità teknika sekondarja li twieġeb għar-rekwiżit tar-Regolament (UE) Nru 531/2012. Sabiex is-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali jiġu sseparati mill-grupp ta’ servizzi domestiċi, l-operaturi tan-netwerk miżjur ma għandhomx jitwaqqfu, mhux biss milli jipproċessaw teknikament it-traffiku tad-dejta tal-klijenti tar-roaming, iżda wkoll milli jipprovdu s-servizz fil-livell tal-bejgħ bl-imnut.

(13)

Min-naħa l-oħra, il-modalità teknika tal-IMSI unika ma tagħmilhiex possibbli li jiġu moqdija l-kategoriji kollha ta’ domanda tal-konsumaturi f’termini kompetittivi, bħall-użu intensiv tas-servizzi tad-dejta. Minħabba li l-limiti fuq il-bejgħ bl-ingrossa għal servizzi tar-roaming tad-dejta mhumiex strettament orjentati lejn l-ispejjeż u mhumiex se jonqsu wara l-2014, minkejja tnaqqis mistenni fl-ispiża tal-bejgħ bl-ingrossa, ma jidhirx li huwa realistiku li l-fornituri tar-roaming alternattivi li jridu jiddependu fuq servizzi ta’ roaming tad-dejta bl-ingrossa għandhom ikunu jistgħu joffru servizzi ta’ roaming tad-dejta bl-imnut għal utenti li jużaw ħafna d-dejta bi prezzijiet attraenti meta mqabbla mal-livelli tal-prezzijiet għal servizzi mobbli domestiċi tad-dejta. Madankollu, modalità teknika li tapplika l-obbligu fuq il-fornituri domestiċi u l-fornituri tar-roaming li ma jwaqqfux lill-klijenti milli jkollhom aċċess għal servizzi rregolati tar-roaming tad-dejta pprovduti direttament fuq netwerk miżjur minn fornitur alternattiv tar-roaming, tqiegħed lill-fornituri alternattivi tar-roaming tad-dejta f’pożizzjoni li jipprovdu servizzi ta’ roaming tad-dejta lokali, jiġifieri, servizzi tar-roaming tad-dejta, mingħajr ma jkollhom jiddependu fuq servizz ta’ roaming tad-dejta bl-ingrossa.

(14)

Is-servizzi tar-roaming tad-dejta bl-imnut bħalissa qegħdin jiġu pprovduti mill-fornituri domestiċi fuq il-bażi ta’ ftehimiet dwar il-bejgħ bl-ingrossa mal-operaturi tan-netwerk miżjur. It-traffiku tar-roaming tad-dejta jintbagħat u jiġi rċevut fuq in-netwerk ta’ aċċess għar-radju tal-operatur tan-netwerk miżjur u jiġi direzzjonat bejn in-netwerk miżjur u n-netwerk domestiku. L-operatur tan-netwerk domestiku jipprovdi l-konnessjoni għas-servizz tal-Internet u jitlob ħlas lill-klijent tar-roaming għas-servizz tar-roaming tad-dejta. L-istandards attwali tal-GSM/GPRS, EDGE u tal-UMTS diġà jagħtu ċ-ċans lill-operatur tan-netwerk miżjur li jimmaniġġa teknikament it-traffiku tar-roaming tad-dejta u li jipprovdi l-konnessjoni għas-servizz tal-Internet mingħajr il-bżonn ta’ routing bejn in-netwerk domestiku u n-netwerk miżjur. Madankollu, skont il-prattika attwali tal-industrija, l-operatur tan-netwerk domestiku għadu jitlob ħlas lill-klijent għas-servizz ta’ roaming tad-dejta, filwaqt li l-operatur tan-netwerk miżjur jipprovdi l-ipproċessar tat-traffiku bħala servizz ta’ bejgħ bl-ingrossa għall-operatur domestiku.

(15)

Hemm bosta metodi kif jista’ jiġi implimentat ir-rekwiżit li permezz tiegħu ma jitwaqqafx il-provvediment tas-servizzi ta’ roaming tad-dejta lokali. Rekwiżiti bażiċi huma l-implimentazzjoni u l-attivazzjoni tal-ipproċessar tat-traffiku tar-roaming tad-dejta fin-netwerk miżjur u r-rekwiżit li ma titwaqqafx l-għażla manwali jew awtomatika ta’ netwerk miżjur. It-titjib possibbli jinkludi l-modifikazzjoni tal-elementi ta’ tmexxija tat-traffiku sabiex ma tiġix interrotta sessjoni kontinwa ta’ roaming tad-dejta lokali, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ faċilitajiet speċifiċi li jassistu lill-klijenti tar-roaming fl-għażla ta’ netwerk miżjur jew li jappoġġaw l-għażla awtomatika ta’ netwerks miżjura. Rekwiżiti bażiċi tali għandhom jippermettu l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju differenti għall-forniment ta’ servizzi tar-roaming tad-dejta lokali, fuq bażi temporanja jew permanenti.

(16)

Fil-każ ta’ servizzi temporanji ta’ roaming tad-dejta lokali, il-klijent tar-roaming jista’ jagħżel bejn operatur tan-netwerk mobbli lokali f’dak il-pajjiż għall-għoti ta’ servizzi ta’ roaming tad-dejta bl-imnut direttament jekk is-servizz ikun offrut fil-pajjiż miżjur u jekk hemm ftehim dwar ir-roaming bejn l-operatur tan-netwerk miżjur u l-operatur tan-netwerk domestiku. In-natura temporanja ta’ dan is-servizz tfisser li ma hemmx konfigurazzjoni permanenti tan-netwerk jew tat-tagħmir terminali, għalhekk l-imġiba oriġinali tar-roaming tmur lura għal li kienet meta s-servizz lokali tar-roaming tad-dejta ma jibqax jintuża. Dan it-tip ta’ servizz jipprovdi lill-klijent b’esperjenza simili għal dik tan-netwerks mingħajr fili taż-żona lokali, bħall-WIFI, li bħalissa qegħdin jintużaw minn ħafna utenti ta’ laptops, smart phones jew tablets meta jkunu barra minn pajjiżhom. Servizzi ta’ roaming tal-vuċi, tal-SMS u oħrajn assoċjati magħhom jiġu pprovduti mill-operatur tan-netwerk domestiku bħas-soltu, ħlief meta l-fornitur tar-roaming fin-netwerk miżjur ikun joffri dawn is-servizzi wkoll.

(17)

Fil-każ ta’ servizzi permanenti ta’ roaming tad-dejta lokali, il-klijent tar-roaming jikkonkludi kuntratt ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ roaming tad-dejta lokali minflok mal-fornitur tar-roaming li juża netwerk domestiku. F’dan il-każ, fornitur tar-roaming alternattiv, pereżempju operatur jew rivenditur ta’ netwerk mobbli, jipprovdi servizzi ta’ roaming tad-dejta lokali u l-appoġġ tekniku meħtieġ (fil-forma ta’ applikazzjonijiet speċifiċi jew simili) f’pajjiż wieħed jew aktar lill-klijenti tar-roaming fuq bażi permanenti abbażi tal-impronta tan-netwerk tiegħu stess u/jew l-impronti tan-netwerk operati mill-MNOs li magħhom ikkonkluda ftehimiet ta’ bejgħ mill-ġdid f’kull pajjiż.

(18)

Filwaqt li l-aktar offerti kummerċjali simplistiċi jistgħu ma jissodisfawx bl-aħjar mod ir-rekwiżit dwar il-faċilità tal-użu billi dawn jitolbu, pereżempju, lill-klijent tar-roaming biex jibdel is-settings terminali jew jibgħat kodiċi b’SMS biex ikun jista’ jiġi pprovdut is-servizz u biex jintgħażel in-netwerk miżjur, jista’ jkun mistenni li, skont il-popolarità tas-servizz, il-fornituri tas-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali, il-fornituri tat-terminals u tal-applikazzjonijiet jew atturi oħrajn jiżviluppaw soluzzjonijiet ibbażati fis-suq għal titjib fil-faċilità tal-użu. Il-faċilità tal-użu tas-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali mill-konsumaturi titqies bħala waħda tajba grazzi għall-flessibbiltà li teżisti biex persuna tagħżel li tibda tirċievi jew twaqqaf milli tirċievi servizzi minn fornituri ta’ servizzi tar-roaming tad-dejta lokali b’mod istantanju. Is-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali jippermettu lill-fornituri alternattivi tar-roaming li jisfruttaw l-assi tal-infrastruttura tagħhom stess u l-ftehimiet kummerċjali għar-roaming tad-dejta, pereżempju, permezz ta’ arranġamenti ta’ bejgħ mill-ġdid jew servizzi permanenti ta’ roaming tad-dejta lokali f’bosta pajjiżi. Skont il-BEREC, is-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali jistgħu jiġu implimentati pjuttost malajr u huma kosteffikaċi minħabba li l-maġġoranza tal-ispejjeż jiġu mġarrba mill-fornituri alternattivi skont it-tnedija proprja tas-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali. Hemm livell għoli ta’ interoperabilità minħabba li diġà jeżistu standards għall-implimentazzjoni tal-ipproċessar tat-traffiku fin-netwerk miżjur. Għalhekk, il-modalità teknika li tippermetti l-aċċess għas-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali tissodisfa l-kriterji kollha li huma previsti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, għajr il-kriterji (b) u (e), li huma ssodisfati biss parzjalment.

(19)

Il-modalità teknika li tippermetti l-aċċess għas-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali tiżgura biss l-aċċess għas-servizzi tar-roaming tad-dejta. Għalhekk, hija ma tissodisfax għal kollox il-kriterju (e) tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012. Barra minn hekk, din il-modalità teknika ma tissodisfax għal kollox il-kriterju (b), minħabba li huma biss l-utenti tad-dejta li mistennija jiġu attirati mill-aċċess għas-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali.

(20)

Is-soluzzjoni teknika li tikkombina ż-żewġ modalitajiet tekniċi, jiġifieri l-modalità teknika tal-IMSI unika, implimentata bħala servizz ta’ bejgħ mill-ġdid tar-roaming, u l-modalità teknika li tippermetti l-aċċess għas-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali fuq netwerk miżjur, tissodisfa l-kriterji kollha tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012. Filwaqt li l-modalità teknika tal-IMSI unika u l-modalità teknika li tippermetti l-aċċess għas-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali weħidhom ma jissodisfawx il-kriterji (b) u (e), huma kumplimentari għal xulxin u flimkien jissodisfaw il-kriterji (b) u (e).

(21)

Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-bidla bejn il-fornituri tar-roaming għandha ssir mingħajr dewmien bla bżonn u f’kull każ fl-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli skont is-soluzzjoni teknika magħżula għall-implimentazzjoni tal-bejgħ separat tas-servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut. Fil-każ tal-modalità teknika tal-IMSI unika bħall-bidla tal-fornitur għal servizzi domestiċi, ma hemmx bżonn ta’ interazzjoni ulterjuri mal-utent wara l-konklużjoni tal-kuntratt mal-fornitur tar-roaming alternattiv. Din il-modalità teknika tippermetti li l-bidla tiġi implimentata f’perjodu ta’ żmien simili għal dak applikat għall-bidla għal servizzi domestiċi, li huwa ta’ jum ta’ xogħol wieħed. Għalhekk, fil-każ tal-modalità teknika tal-IMSI unika kwalunkwe perjodu ta’ żmien għall-bidla għal jew minn fornitur tar-roaming alternattiv li jaqbeż il-perjodu ta’ żmien stabbilit għall-bidla f’każ ta’ servizzi domestiċi, għandu jitqies bħala dewmien bla bżonn minħabba li ma teżisti ebda raġuni teknika sottostanti għaliex tali bidla għandha ddum aktar biex isseħħ minn bidla komparabbli bejn is-servizzi domestiċi. Fil-każ tal-modalità teknika li tippermetti l-aċċess għal servizzi tar-roaming tad-dejta lokali, il-klijenti tar-roaming mistennija jagħżlu l-fornitur tar-roaming alternattiv għas-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali eżatt qabel l-intenzjoni tagħhom li jużaw is-servizz tar-roaming tad-dejta lokali. Il-modalità teknika tippermetti li l-bidla għal jew bejn il-fornituri tas-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali ssir b’mod istantanju wara l-konklużjoni tal-kuntratt mal-fornitur riċevitur tar-roaming.

(22)

Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost il-parteċipanti tas-suq, il-BEREC u l-Kummissjoni huma meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni teknika kkoordinata ta’ servizzi ta’ roaming separati. B’mod partikolari, għandu jiġi żviluppat approċċ ikkoordinat sabiex jiġu identifikati l-interfaċċji tekniċi rilevanti u sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba ta’ dawk l-interfaċċji, bil-għan li tkun tista’ ssir l-implimentazzjoni konsistenti u simultanja fl-Unjoni tal-bejgħ separat tas-servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut. Pjattaforma tal-industrija, miftuħa għall-parteċipanti kollha tas-suq, għandha tipprovdi forum utli għal tali koordinazzjoni.

(23)

Sabiex tkun tista’ ssir l-implimentazzjoni f’waqtha tal-bejgħ separat tas-servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut, l-impriżi ma għandhomx jirrifjutaw l-ittestjar tal-interfaċċji tekniċi qabel it-tnedija kummerċjali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut ipprovduti minn fornituri alternattivi tar-roaming qabel l-1 ta’ Lulju 2014.

(24)

Skont il-premessa 38 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-BEREC, b’kollaborazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, għandu jfassal gwida dwar l-elementi tekniċi li huma meħtieġa sabiex ikun jista’ jsir il-bejgħ separat tas-servizzi tar-roaming.

(25)

L-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 jinkludi dispożizzjonijiet ġenerali dwar kif u meta l-klijenti għandhom jiġu mgħarrfa dwar il-possibbiltà li jagħżlu fornitur alternattiv tar-roaming. Il-kontenut tat-tagħrif u l-metodi possibbli kif dan it-tagħrif jista’ jiġi kkomunikat lil klijent jeħtieġu speċifikazzjoni ulterjuri sabiex il-konsumatur ikun jista’ jagħmel għażla informata b’mod aktar faċli. It-titjib fl-għarfien tal-konsumaturi dwar is-suq tar-roaming jirrikjedi taħlita tal-mezzi kollha disponibbli sabiex il-konsumaturi jiġu megħjuna jibbenifikaw minn swieq miftuħa.

(26)

Sabiex jiġi żgurat li l-klijenti kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn offerti alternattivi, il-fornituri domestiċi għandhom jiżguraw li l-kuntratti li jiġu konklużi jew li jiġġeddu wara l-1 ta’ Lulju 2014 jippermettu li l-klijent jibdel il-fornitur tar-roaming meta jrid u mingħajr ebda ħlas applikat mill-fornitur donatur tar-roaming.

(27)

Il-fornituri tar-roaming, inklużi fornituri alternattivi tar-roaming li joffru servizzi tar-roaming tad-dejta lokali, għandhom jimplimentaw mekkaniżmi ta’ trasparenza u salvagwardja għas-servizzi tad-dejta pprovduti minnhom, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, il-fornituri tar-roaming għandhom jipprovdu wkoll lill-klijenti tar-roaming tagħhom b’tagħrif dwar is-servizzi li jistgħu ma jkunux disponibbli meta jintużaw servizzi tar-roaming tad-dejta lokali, bħal servizzi proprjetarji appoġġati min-netwerk domestiku.

(28)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Komunikazzjonijiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni u skop

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-bejgħ separat ta’ servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut madwar l-Unjoni.

Huwa jistabbilixxi regoli dettaljati dwar soluzzjoni teknika għall-implimentazzjoni tal-bejgħ separat ta’ servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut. Huwa jistabbilixxi wkoll regoli ddettaljati fir-rigward tal-obbligi tal-fornituri domestiċi li jipprovdu tagħrif lill-klijenti tar-roaming tagħhom dwar il-possibbiltà li jagħżlu servizzi ta’ roaming ipprovduti minn kwalunkwe fornitur alternattiv tar-roaming.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“bejgħ mill-ġdid ta’ servizzi ta’ roaming bl-imnut” tfisser għoti ta’ servizzi regolati ta’ roaming, ipprovduti bħala ġabra ta’ servizzi, u servizzi assoċjati, bħal servizzi ta’ kaxxa postali tal-vuċi, li ġeneralment ikunu disponibbli għall-klijenti tar-roaming, mingħajr il-ħtieġa li l-klijenti tar-roaming jibdlu s-SIM card jew l-apparat mobbli tagħhom, skont ftehim dwar bejgħ bl-ingrossa konkluż bejn fornitur alternattiv tar-roaming u fornitur domestiku;

(b)

“servizz ta’ roaming tad-dejta lokali” tfisser servizz irregolat ta’ roaming tad-dejta pprovdut, temporanjament jew b’mod permanenti, lil klijenti tar-roaming direttament fuq netwerk miżjur, minn fornitur alternattiv tar-roaming mingħajr il-ħtieġa li l-klijenti tar-roaming jibdlu s-SIM card jew l-apparat mobbli tagħhom;

(c)

“isem tal-punt ta’ aċċess (Access Point Name — APN) tal-Internet tal-UE” tfisser sett ta’ identifikaturi komuni, b’mod manwali jew awtomatiku, fl-apparat mobbli tal-klijent tar-roaming u rikonoxxuti min-netwerk domestiku u min-netwerk miżjur sabiex tiġi indikata l-għażla tal-klijent tar-roaming li juża servizzi ta’ roaming tad-dejta lokali;

(d)

“tmexxija tat-traffiku” tfisser funzjoni ta’ kontroll li tintuża mill-operatur tan-netwerk domestiku u li hija intiża għall-għażla ta’ netwerks miżjura għall-klijenti tar-roaming tiegħu abbażi ta’ lista prijoritarja ta’ netwerks miżjura ppreferuti;

(e)

“imblukkar tan-netwerk” tfisser funzjoni ta’ kontroll li tintuża mill-operatur tan-netwerk domestiku u li hija intiża biex tiġi evitata l-għażla ta’ ċerti netwerks miżjura għall-klijenti tar-roaming tiegħu;

(f)

“mezz li jservi fit-tul” tfisser kwalunkwe strument li jagħti ċ-ċans lill-klijent jaħżen tagħrif indirizzat personalment lilu b’mod li jiżgura l-aċċessibbiltà għal użu futur għal matul perjodu ta’ żmien adegwat, billi jkunu kkunsidrati l-iskopijiet li għalihom jista’ jintuża dak it-tagħrif u li jippermettu r-riproduzzjoni mhux mibdula tat-tagħrif maħżun;

(g)

“fornitur riċevitur tar-roaming” tfisser fornitur tar-roaming li jipprovdi servizzi ta’ roaming minflok is-servizzi ta’ roaming li qegħdin jiġu pprovduti bħalissa mill-fornitur donatur tar-roaming wara li jinbidel il-fornitur tar-roaming;

(h)

“fornitur donatur tar-roaming” tfisser il-fornitur tar-roaming li bħalissa qiegħed jipprovdi servizzi tar-roaming lil konsumatur.

Artikolu 3

Modalità teknika għall-implimentazzjoni tal-bejgħ separat ta’ servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut ipprovduti bħala ġabra ta’ servizzi

1.   Bl-iskop li l-klijenti tar-roaming ikunu jistgħu jiksbu aċċess għal servizzi rregolati ta’ roaming tal-vuċi, tal-SMS u tad-dejta, ipprovduti bħala ġabra ta’ servizzi minn kwalunkwe fornitur alternattiv tar-roaming, il-fornituri domestiċi li joperaw netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni mobbli terrestri jipprovdu l-elementi tan-netwerk meħtieġa u s-servizzi rilevanti li jippermettu l-bejgħ mill-ġdid ta’ servizzi tar-roaming bl-imnut lill-klijenti tal-fornitur domestiku mill-fornitur tar-roaming alternattiv b’mod parallel għas-servizzi domestiċi ta’ komunikazzjoni mobbli mingħajr il-ħtieġa li l-klijenti tar-roaming jibdlu s-SIM card jew l-apparat mobbli tagħhom.

2.   L-elementi tan-netwerk u s-servizzi rilevanti previsti fil-paragrafu 1 ikopru, fost l-oħrajn:

(a)

il-faċilitajiet neċessarji għall-proċedura sabiex jinbidel il-fornitur tar-roaming skont il-paragrafu 5,

(b)

il-faċilitajiet relatati mat-tagħrif għall-klijenti, bħal-lok tad-dejta tal-klijent u r-rekords tad-dejta tal-klijent għall-appoġġ għall-fatturazzjoni, li huma neċessarji għall-għoti ta’ servizzi ta’ roaming bl-imnut,

(c)

il-faċilitajiet neċessarji biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-limiti finanzjarji għall-perjodu speċifikat ta’ użu tas-servizzi ta’ roaming tad-dejta skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.

3.   Il-fornituri domestiċi li joperaw netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni mobbli terrestri jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha għall-aċċess għall-elementi tan-netwerk u s-servizzi skont il-paragrafi 1 u 2.

4.   Il-fornituri domestiċi jiżguraw li l-klijenti tar-roaming tal-fornituri alternattivi tar-roaming ikunu jistgħu jkomplu jużaw is-servizzi eżistenti tagħhom tal-kaxxa postali tal-vuċi.

5.   Il-fornitur donatur tar-roaming jikkollabora mal-fornitur riċevitur tar-roaming sabiex jiżgura li l-klijenti tar-roaming li jkunu kkonkludew kuntratt ma’ fornitur riċevitur tar-roaming ikunu jistgħu jużaw is-servizzi pprovduti minn dan il-fornitur fi żmien jum tax-xogħol wieħed.

Artikolu 4

Modalità teknika għall-implimentazzjoni tal-aċċess għal servizzi ta’ roaming tad-dejta lokali fuq netwerk miżjur

1.   Bl-iskop li ma jwaqqfux lill-klijenti tar-roaming milli jkollhom aċċess għal servizzi rregolati ta’ roaming tad-dejta pprovduti direttament fuq netwerk miżjur minn fornitur alternattiv tar-roaming, il-fornituri domestiċi li joperaw netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni mobbli terrestri jissodisfaw talbiet raġonevoli għall-aċess għall-elementi tan-netwerk neċessarji u s-servizzi rilevanti li jippermettu l-ipproċessar tat-traffiku tar-roaming tad-dejta fin-netwerk miżjur u l-għoti bl-imnut ta’ servizzi ta’ roaming tad-dejta lokali minn fornituri alternattivi tar-roaming.

2.   L-elementi tan-netwerk u s-servizzi rilevanti previsti fil-paragrafu 1 għandhom ikopru, fost l-oħrajn:

(a)

il-faċilitajiet neċessarji sabiex il-klijent tar-roaming ikun jista’ jaqleb bejn fornitur tar-roaming li juża netwerk domestiku u fornitur tar-roaming alternattiv ta’ servizzi tar-roaming tad-dejta lokali bl-iskop li s-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali jintużaw skont il-paragrafu 4;

(b)

faċilitajiet li jippermettu l-istabbiliment ta’ profili tal-aċċess tal-utenti għall-APN tal-Internet tal-UE fin-netwerk domestiku u li jippermettu mekkaniżmu fin-netwerk domestiku li jiffaċilita l-ipproċessar tat-traffiku tar-roaming tad-dejta fin-netwerk miżjur, routing għat-traffiku tar-roaming tad-dejta lejn il-fornitur alternattiv tar-roaming magħżul u l-għoti bl-imnut tas-servizz tar-roaming tad-dejta mill-operatur tan-netwerk miżjur għal dawn il-profili tal-aċċess tal-utenti;

(c)

faċilitajiet li jiżguraw li t-tmexxija tat-traffiku, l-imblukkar tan-netwerk jew mekkaniżmi oħrajn applikati fin-netwerk domestiku ma jwaqqfux lill-utenti milli jagħżlu n-netwerk miżjur għas-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali li jagħżlu huma;

(d)

faċilitajiet li jiżguraw li l-utent ma jiġix skonnettjat minn man-netwerk miżjur għas-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali tal-għażla tiegħu minħabba t-tmexxija tat-traffiku jew mekkaniżmi oħrajn applikati fin-netwerk domestiku.

3.   Jekk fornitur alternattiv tar-roaming ikollu l-ħsieb li joffri servizzi tar-roaming tad-dejta lokali, il-fornituri domestiċi li joperaw netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni mobbli terrestri għandhom, għal dan il-għan, jissodisfaw talbiet raġonevoli għall-aċċess ta’ roaming bl-ingrossa minn fornitur alternattiv tar-roaming u jippermetti l-għoti ta’ servizzi tar-roaming tad-dejta lokali mill-fornitur tar-roaming alternattiv u l-għoti tas-servizzi tar-roaming li jifdal (vuċi u SMS) mill-fornitur tar-roaming li juża netwerk domestiku lill-klijenti tar-roaming ikkonċernati matul l-użu ta’ servizzi tar-roaming tad-dejta lokali.

4.   Il-fornitur donatur tar-roaming jikkollabora mal-fornitur riċevitur tar-roaming sabiex ikun żgurat li l-klijenti tar-roaming li jkunu kkonkludew kuntratt ma’ fornitur riċevitur tar-roaming għall-għoti ta’ servizzi ta’ roaming tad-dejta lokali jkunu jistgħu jużaw is-servizzi pprovduti minn dan il-fornitur b’mod istantanju mill-mument li fornitur riċevitur tar-roaming jibgħat talba lil fornitur donatur tar-roaming.

Il-fornitur donatur u l-fornitur alternattiv tar-roaming jiżguraw li, meta tiġi implimentata l-modalità teknika, kwalunkwe klijent tar-roaming li juża servizzi tar-roaming tad-dejta lokali jkollu l-possibbiltà li ma jibqax juża s-servizzi tar-roaming tad-dejta lokali u li jerġa’ lura għas-servizzi tar-roaming awtomatiċi (default) ipprovduti mill-fornitur donatur tar-roaming meta jrid. Il-fornitur alternattiv tar-roaming li jipprovdi servizzi tar-roaming tad-dejta lokali ma għandux jipprevjeni t-treġġigħ lura, b’mod awtomatiku, ta’ dawn is-servizzi tar-roaming b’mod immedjat mill-mument li fornitur donatur tar-roaming jibgħat talba lill-fornitur tar-roaming alternattiv.

Artikolu 5

Soluzzjoni teknika għall-implimentazzjoni tal-bejgħ separat ta’ servizzi rregolati tar- roaming bl-imnut

Il-fornituri domestiċi li joperaw netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni mobbli terrestri jimplimentaw b’mod kumulattiv il-modalità teknika għall-implimentazzjoni tal-bejgħ separat ta’ servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut ipprovduti bħala ġabra ta’ servizzi, kif ukoll il-modalità teknika għall-implimentazzjoni tal-aċċess għal servizzi tar-roaming tad-dejta lokali fuq netwerk miżjur.

Il-fornituri tar-roaming jikkooperaw sabiex jiżguraw l-interoperabilità tal-interfaċċji għas-soluzzjoni teknika sabiex jiġi implimentat il-bejgħ separat tas-servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut, abbażi ta’ standards maqbula b’mod komuni. Jistgħu jiġu applikati d-dokumenti ta’ referenza u l-proċeduri tal-bażi tad-dejta applikati mill-operaturi tan-netwerk għal skopijiet ta’ roaming, bil-kundizzjoni li jkunu disponibbli għall-pubbliku u konformi mar-Regolament (UE) Nru 531/2012 u mar-Regolament preżenti.

Artikolu 6

Tagħrif għall-klijenti dwar il-bejgħ separat ta’ servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut

1.   Mill-1 ta’ Lulju 2014, il-fornituri domestiċi għandhom jgħarrfu lill-klijenti tar-roaming eżistenti u jipprovdu tagħrif lill-klijenti l-ġodda qabel il-konklużjoni tal-kuntratt dwar il-possibbiltà li jagħżlu servizzi ta’ roaming separati pprovduti minn fornituri tar-roaming alternattivi. B’mod partikolari, huma għandhom jipprovdu t-tagħrif li ġej:

(a)

dettalji dwar il-passi neċessarji li għandhom jittieħdu mill-klijenti tar-roaming sabiex jaqilbu għal jew bejn fornituri tar-roaming alternattivi;

(b)

il-possibbiltà li jaqilbu għal jew bejn fornituri tar-roaming alternattivi f’kull ħin u mingħajr ħlas;

(c)

il-bidliet li se jsiru fil-kundizzjonijiet kuntrattwali eżistenti, li għandhom jiżguraw li ma jiġi applikat ebda ħlas lill-klijent mill-fornitur donatur tar-roaming fir-rigward tal-bidla bejn fornitur u ieħor;

(d)

il-perjodu li matulu ssir il-bidla għal jew bejn fornituri tar-roaming alternattivi;

(e)

nota ta’ tfakkira, li f’każ li jinbidel il-fornitur domestiku, il-fornitur domestiku l-ġdid ma jkollux obbligu li jappoġġa s-servizzi tar-roaming ipprovduti minn fornitur tar-roaming alternattiv speċifiku.

(f)

Meta jiġu biex jikkonkludu kuntratt ġdid jew iġeddu kuntratt eżistenti, il-klijenti għandhom jikkonfermaw b’mod espliċitu li huma ġew mgħarrfa dwar il-possibbiltà li jagħżlu fornitur alternattiv tar-roaming.

2.   It-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi pprovdut fuq mezz ieħor li jservi fit-tul, b’mod ċar u li jinftiehem u f’forma li tkun faċilment aċċessibbli. Fil-każ ta’ klijenti li jħallsu minn qabel (pre-paid) u li l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom mhijiex magħrufa mill-fornituri domestiċi, dawn tal-aħħar għandhom jinfurmawhom permezz ta’ SMS jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor.

Il-klijenti tar-roaming għandu jkollhom id-dritt li jitolbu u jirċievu, mingħajr ebda ħlas, aktar tagħrif iddettaljat dwar il-possibbiltà li jibdlu l-fornituri tar-roaming meta jridu.

Artikolu 7

Analiżi

Meta twettaq l-analiżi skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-Kummissjoni tivvaluta wkoll, b’konsultazzjoni mal-BEREC, l-effikaċja tas-soluzzjoni teknika magħżula għall-implimentazzjoni tal-bejgħ separat tas-servizzi rregolati tar-roaming bl-imnut u jekk hemmx bżonn li din tiġi aġġornata fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u l-iżviluppi tas-suq. B’mod partikolari, l-analiżi tevalwa jekk is-soluzzjoni teknika għadhiex tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 bl-aktar mod effikaċi.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa jibda japplika mill-1 ta’ Lulju 2014 sat-30 ta’ Ġunju 2022.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10.

(2)  BoR (12) 68 u BoR (12) 109.