11.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1170/2012

tat-3 ta’ Diċembru 2012

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u speċjalment l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

(4)

Hu f’loku li jkun ipprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma ta l-ebda opinjoni fil-limiti taż-żmien iffissati mill-president tiegħu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja vinkolanti, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhijiex skont dan ir-Regolament, tista’ tkompli tkun invokata għal perjodu ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett li huwa magħmul minn girlanda ta’ fjuri artifiċjali ta’ lwien differenti, bħala imitazzjoni tal-hekk imsejħa “lei”.

Kull fjura hija magħmula minn żewġ biċċiet ta’ materal tessili kkulurit minsuġa u maqtugħa f’forma ta’ petali ta’ fjura. Kull fjura hija separata mill-fjura ta’ warajha permezz ta’ tubu tal-plastik trasparenti li jimita z-zokk tal-fjura. Ħajta rqiqa tgħaqqad it-tubi tal-plastik u l-fjuri biex tifforma ċirku b’dijametru ta’ 30 ċm li jimita girlanda tal-fjuri tonda.

(Ara r-ritratt nru 662) (*)

6702 90 00

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita mir-Regoli Ġenerali 1, 3(a) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u l-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 6702  u 6702 90 00 .

L-oġġett jixbah girlanda tal-fjuri u huwa ddiżinjat biex jintlibes madwar l-għonq bħala imitazzjoni ta’ “lei”.

L-oġġett mhux eskluż bin-nota 3(b) tal-Kapitolu 67, minħabba li l-fjuri artifiċjali mhumiex magħmulin f’biċċa waħda, peress li kull fjura tikkonsisti f’żewġ biċċiet ta’ materjal tessili maqtugħa f’forma ta’ petali tal-fjuri, u għaliex il-mod kif jitgħaqqdu l-petali u z-zkuk permezz ta’ ħajt irqiq huwa metodu ta’ assemblaġġ simili għall-irbit, l-inkullar jew l-iffittjar tal-partijiet f’xulxin. Fil-forma tiegħu, dan l-oġġett jixbah prodott naturali (ara wkoll in-Nota Spjegattiva HS għall-intestatura 6702 , (1) u (3)), b’mod indipendenti minn jekk id-dettalji jkunux paragunabbli bl-eżatt mal-prodott naturali.

Il-klassifikazzjoni bħala ġojjellerija artifiċjali taħt l-intestatura 7117 hija eskluża minħabba li l-oġġett mhux imitazzjoni ta’ ġojjellerija iżda imitazzjoni ta’ girlanda tal-fjuri li tintlibes madwar l-għonq, hekk imsejħa “lei”. L-oġġett, għalhekk, mhux kopert mit-termini tal-intestatura 7117 (imitazzjoni ta’ ġojjelli).

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9505 bħala oġġett festiv, tal-karnival jew tad-divertiment hija eskluża wkoll minħabba li l-oġġett mhux esklussivament ddisinjat, manifatturat u rikonoxxut bħala oġġett festiv. Ma għandu l-ebda timbri, ornamenti, simboli jew skrizzjonijiet u għaldaqstant ma jistax jintuża għal festività partikolari (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-NM għall-intestatura 9505 ). Barra minn hekk, il-“lei” isservi biex iżżejjen persuna u mhux kamra, mejda, eċċ. Lanqas ma hi parti minn kostum dekorattiv li jintuża għall-karnival (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni HS għall-intestatura 9505 , (A) (1) and (3)).

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 6307 bħala oġġett tat-tessut ieħor immanifatturat hija wkoll eskluża, għax l-intestatura 6702 (artikoli magħmulin minn fjuri artifiċjali) hija l-intestatura li tipprovdi l-aktar deskrizzjoni speċifika skont it-tifsira tar-Regola Ġenerali 3(a) għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda.

Għaldaqstant, dan l-oġġett huwa kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 6702 90 00 bħala “oġġett magħmul minn fjuri artifiċjali, ta’ materjali oħrajn minbarra plastiki”.

Image

(*)  Ir-ritratt huwa għal skopijiet ta’ tagħrif biss.