14.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 343/30 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1152/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-21 ta’ Novembru 2012
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom aċċess ugwali għall-ilmijiet u r-riżorsi tal-Unjoni soġġett għar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. |
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (3) jistipula deroga mir-regola tal-aċċess ugwali, billi jawtorizza lill-Istati Membri biex jirrestrinġu s-sajd għal ċerti bastimenti tas-sajd f’ilmijiet sa 12-il mil nawtiku mil-linji bażi tagħhom. |
(3) |
Fit-13 ta’ Lulju 2011, skont ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 il-Kummissjoni ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-arranġamenti li jikkonċernaw l-aċċess għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ta’ 12-il mil nawtiku. Dak ir-rapport kkonkluda li r-reġim ta’aċċess huwa stabbli ħafna u li kompla jopera b’mod sodisfaċenti mill-2002 ‘il hawn. |
(4) |
Ir-regoli eżistenti li jirrestrinġu l-aċċess għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ta’ 12-il mil nawtiku kellhom effetti pożittivi fuq il-konservazzjoni billi rrestrinġew l-isforz tas-sajd fl-aktar parti sensittiva tal-ilmijiet tal-Unjoni. Dawk ir-regoli ppreservaw ukoll l-attivitajiet tradizzjonali tas-sajd li huma importanti għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ ċerti komunitajiet kostali. |
(5) |
Id-deroga daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003 u tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012. Il-validità tagħha għandha tiġi estiża sakemm isseħħ l-adozzjoni ta’ regolament ġdid, ibbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd. |
(6) |
Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 għandu jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:
“2. Fl-ilmijiet sa 12-il mil nawtiku mil-linji bażi taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2014 li jirrestrinġu s-sajd għal bastimenti tas-sajd li tradizzjonalment jistadu f’dawk l-ilmijiet minn portijiet fil-kosta li tmiss magħhom. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera ta’ Stati Membri oħra skont relazzjonijiet eżistenti tal-viċinat bejn l-Istati Membri u l-arranġamenti li jinsabu fl-Anness I, li jistabbilixxu għal kull Stat Membru ż-żoni ġeografiċi fi ħdan il-faxex kostali ta’ Stati Membri oħra fejn isiru attivitajiet tas-sajd u l-ispeċijiet ikkonċernati.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2013.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Novembru 2012.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
A. D. MAVROYIANNIS
(1) ĠU C 351, 15.11.2012, p. 89.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2012 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2012.
(3) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.