|
5.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 333/40 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1149/2012
tal-4 ta' Diċembru 2012
li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ Estratti tal-klin (E 392) fil-mili ta’ għaġin niexef mimli
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3), u l-Artikolu 30(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom. |
|
(2) |
Din il-lista tista’ tiġi emendata bil-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2). |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista ta’ addittivi tal-ikel tal-Unjoni tista’ tiġi aġġornata jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni. |
|
(4) |
Ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ Estratti tal-klin (E 392) bħala antiossidant fil-mili ta’ għaġin niexef mimli u saret disponibbli għall-Istati Membri. |
|
(5) |
L-antiossidanti huma sustanzi li jipproteġu l-ikel kontra d-deterjorazzjoni kkawżata mill-ossidazzjoni, bħas-snuħija tax-xaħam u t-tibdil fil-kulur. L-estratti tal-klin (E 392) użati fil-mili ta’ għaġin niexef mimli jtejbu l-istabbiltà tax-xaħmijiet u ż-żjut fir-riċetta (eż. żejt veġetali, xaħam fil-laħam, ġobon u ingredjenti tal-ħalib) matul il-ħajja tal-ħażna tal-prodott sħiħ. It-togħma tal-għaġin niexef mimli hija aktar stabbli mingħajr id-difetti organolettiċi u t-togħmiet strambi kkawżati mill-ossidazzjoni tax-xaħam. |
|
(6) |
L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel evalwat l-użu tal-estratti tal-klin bħala addittiv fl-ikel (3). Skont il-marġini tas-sigurtà identifikati bl-użu tal-NOAELs (4) minn studji differenti, li fihom ġeneralment l-NOAELs kienu l-ogħla livelli ta’doża ttestjati, u bl-bl-użu ta’ stimi ta’ espożizzjoni djetetika konservattivi, ġie konkluż li l-użu ta’ estratti tal-klin deskritt fl-opinjoni xjentifika fl-użi u l-livelli tal-użu proposti ma jkunux ta’ tħassib għas-sigurtà. Dan il-konsum addizzjonali bbażat fuq l-użu l-ġdid fil-mili ta’ għaġin niexef ma jikkontribwixxix b’mod sinifikanti għall-konsum ġenerali. Huwa għalhekk xieraq li jkun permess l-użu ta’ estratti tal-klin (E 392) bħala antiossidant fil-mili ta’ għaġin niexef mimli. |
|
(7) |
Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ estratti tal-klin (E 392) bħala antiossidant fil-mili ta’ għaġin niexef mimli jikkostitwixxi aġġornament ta’ dik il-lista li mhux mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem, l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel mhix meħtieġa. |
|
(8) |
Skont id-dispożizzjonijiet transitorji tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta’ Novembru 2011 li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel (5), l-Anness II li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu, jibda japplika mill-1 ta’ Ġunju 2013. Sabiex l-użu ta’ Estratti tal-klin (E 392) f’mili ta’ għaġin niexef ikun permess qabel dik id-data, huwa meħtieġ li wieħed jispeċifika data aktar bikrija tal-applikazzjoni fir-rigward ta’ dan l-użu ta’ dak l-addittiv. |
|
(9) |
Għaldaqstant, l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan. |
|
(10) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.
(2) ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.
(3) EFSA Journal (2008) 721, 1-29.
(4) NOAEL (Livell Bla Effett Ħażin Osservat) — doża jew konċentrazzjoni ta’ sustanza ttestjata li ma nstab l-ebda effett negattiv fiha.
ANNESS
Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fil-kategorija tal-ikel 06.4.5 “Mili ta’ għaġin mimli (ravjul u simili)”:
|
(a) |
tiddaħħal l-annotazzjoni li ġejja wara l-annotazzjoni għal E 200-203:
|
|
(b) |
in-noti ta’ qiegħ il-paġna li ġejjin huma miżjuda wara n-nota ta' qiegħ il-paġna 2:
|