1.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1126/2012

tas-26 ta’ Novembru 2012

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja li torbot, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhijiex skont dan ir-Regolament, tista' tkompli tkun invokata għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 02 Volum 02 p. 382).

(2)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 02 Volum 04 p. 307).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat multifunzjonali li jaħdem bil-batterija u li jista’ jinġarr b'dimensjonijiet ta' madwar 9 × 5 × 1 cm, li jinkludu:

skrin tal-kulur bil-kristalli likwidi b'riżoluzzjoni ta' 320 × 240 tikek u b’kejl djagonali ta' 5 cm (2,2 pulzieri), u

mikrofonu;

memorja intrinsika ta' 4 GB,

tjuner FM,

interfaċċja tal-USB,

konnekter għall-headphones,

buttuni tal-kontroll.

L-apparat huwa kapaċi jwettaq il-funzjonijiet li ġejjin:

ir-riċezzjoni ta’ xandir bir-radju,

ir-reġistrazzjoni u r-riproduzzjoni tal-ħoss,

ir-reġistrazzjoni u r-riproduzzjoni tal-vidjo,

ir-reġistrazzjoni tal-vuċi,

il-wiri ta’ immaġni statiċi u ta’ vidjo.

L-apparat jaqra l-formati li ġejjin: MP3, WMA, WAV, WMV u JPEG.

L-apparat jista’ jitqabbad ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar tad-dejta biex wieħed iniżżel jew itella’ fajls.

8527 13 99

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, min-Nota 3 tat-Taqsima XVI u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8527 , 8527 13  u 8527 13 99 .

L-apparat huwa mfassal sabiex iwettaq diversi funzjonijiet tat-Taqsima XVI: jiġifieri r-riċezzjoni ta' xandir bir-radju b’reġistrazzjoni jew riproduzzjoni tal-ħoss, reġistrazzjoni jew riproduzzjoni tal-vidjo, u l-wiri ta’ immaġni statiċi u ta’ vidjo. Permezz tan-Nota 3 ta’ dik it-Taqsima, għandu jiġi kklassifikat bħala l-apparat li jwettaq il-funzjoni prinċipali.

Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi ta’ dan l-apparat, bħall-memorja disponibbli u l-iskrin żgħir b’riżoluzzjoni baxxa, il-funzjonijiet ta’ wiri ta’ vidjo, ta’ reġistrazzjoni u ta’ riproduzzjoni huma sekondarji.

Konsegwentement, il-funzjoni prinċipali tal-apparat hija dik ta' apparat għax-xandir tar-radju flimkien mar-reġistrazzjoni jew ir-riproduzzjoni tal-ħoss.

Għalhekk l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8527 13 99 bħala apparat ieħor għax-xandir tar-radju flimkien mar-reġistrazzjoni jew ir-riproduzzjoni tal-ħoss.