29.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 329/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1111/2012

tat-23 ta’ Novembru 2012

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

(4)

Hu f’loku li jkun ipprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri prevvisti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja li torbot, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhijiex skont dan ir-Regolament, tista’ tkompli tkun invokata għal perjodu ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1; (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 02 Volum 02 p. 382).

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett fil-forma ta’ disa’ stikkers stampati maqtugħin mill-kartonċina, li juru insetti varji u kreaturi żgħar oħra u ddekorati minn ħaġar artifiċjali u glitter, fuq folja tal-plastik ta’ daqs ta’ madwar 30 × 30 cm

Kull stikker hija mgħammra minn strippa li twaħħal u tista’ titwaħħal fuq wiċċ magħżul. Huwa sussegwentament possibbli li l-istikkers ikunu mċaqalqa għal wiċċ ieħor.

L-istikkers, huma użati bħala dekorazzjoni.

 (*) Ara l-istampa.

4911 91 00

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, Nota 12 b) tal-Kapitolu 48 u bil-kliem tal-Kodiċi NM 4911 u 4911 91 00 .

Skont in-Nota 12 tal-Kapitolu 48, il-kartonċina stampata b’disinji, karattru jew stampi fejn dawn mhumiex inċidentali għall-użu primarju tal-oġġetti, jaqgħu taħt il-Kapitolu 49. L-oġġett huwa esklussivaent xi ħaġa stampata li tirrappreżenta stampi, u li hu użat għall-skopijiet ta’ dekorazzjoni. Għaldaqstant klassifikazzjoni taħt l-intestatura 4823 bħala kartonċina oħra hija eskluża.

Stikkers stampati li jeħlu minnhom stess imfassla biex ikunu użati bħala dekorazzjoni huma koperti mill-intestatura 4911 (ara wkoll in-Noti Spjegattivi tas-SA għall-intestatura 4911 , punt (10)).

Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 4911 91 00 bħala stampi stampati oħrajn.

Image

(*)  L-istampa hija biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.