13.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1054/2012

tas-7 ta’ Novembru 2012

li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mdaħħla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Taureau de Camargue (DPO)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni eżaminat it-talba ta' Franza għall-approvazzjoni ta' emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini "Taureau de Camargue" rreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2036/2001 (2), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1068/2008 (3).

(2)

It-talba għandha l-għan li temenda l-ispeċifikazzjoni billi tippreċiża d-deskrizzjoni tal-prodott, iż-żona ġeografika, il-prova tal-oriġini, il-metodu ta' produzzjoni, it-tikkettar, ir-rekwiżiti nazzjonali u d-dettalji ta' kuntatt tas-servizz kompetenti tal-Istat Membru, tal-grupp u tal-istrutturi ta' kontroll.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-emendi kkonċernati u kkonkludiet li huma ġġustifikati. Billi l-emendi huma minuri skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni tista' tapprovahom mingħajr ma tirrikorri għall-proċedura stipulata fl-Artikoli 5, 6 u 7 tal-istess Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini "Taureau de Camargue" hija b'dan emendata skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-Dokument Uniku li jinkludi l-elementi ewlenin ta' din l-ispeċifikazzjoni jinsab fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

(2)  ĠU L 275, 18.10.2001, p. 9.

(3)  ĠU L 290, 31.10.2008, p. 8.


ANNESS I

B'dan huma approvati l-emendi li ġejjin fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini "Taureau de Camargue":

Aġġornament tar-referenzi fir-rigward tas-servizz kompetenti fl-Istat Membru, il-grupp ta' applikanti u l-istrutturi ta' kontroll.

Deskrizzjoni tal-prodott: fid-deskrizzjoni tal-prodott tiżdied l-età tal-annimali. Id-dispożizzjoni ma nbidlitx u diġà kienet inkluża taħt l-intestatura "Metodu ta' produzzjoni" fl-ispeċifikazzjoni.

Żona ġeografika: iż-żona ġeografika ma nbidlitx iżda l-lista ta' cantons li tidher fl-ispeċifikazzjoni tal-Komunità ġiet sostitwita b'lista ta' communes.

Prova tal-oriġini: fl-intestatura żdiedu d-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll u l-garanzija tal-oriġini kif ukoll dwar it-traċċabbiltà tal-isem; id-dispożizzjonijiet ġew emendati wara r-riforma tas-sistema ta' kontroll tad-denominazzjonijiet ikkontrollati tal-oriġini Franċiżi.

Metodu ta' produzzjoni: fl-intestatura żdiedu d-dispożizzjonijiet li jidhru fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li jiddefinixxu d-denominazzjoni kkontrollata tal-oriġini. Għalhekk, ġew introdotti l-kriterji dwar l-għażla ġenetika tar-razez, it-tagħbija massima u l-metodi għall-kalkolu tal-unitajiet tal-bhejjem. Barra minn dan, qed tingħata aktar informazzjoni ddettaljata dwar il-projbizzjoni tal-input ta' għalf kompost u ta' trattamenti terapewtiċi awtorizzati.

Qed jiġu introdotti dawk id-dispożizzjonijiet marbuta mal-qatla tal-annimali li huma inklużi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (it-teħid tal-annimali, it-trasport, il-qatla, it-trattament tal-karkassa). Bl-istess mod, żdiedet dispożizzjoni, li tinsab fil-legiżlazzjoni nazzjonali, dwar il-qtugħ fiż-żona ġeografika ddefinita.

Id-dispożizzjonijiet li jikkoinċidu mar-regolamenti ġenerali (kontroll ta' mard li jittieħed, l-implimentazzjoni ta' klassifikazzjoni tal-karkassi skont l-iskala Europ) huma mħassra.

Tikkettar: il-grupp xtaq li l-użu tas-simbolu tad-DPO tal-Unjoni Ewropa jsir obbligatorju.

Rekwiżiti nazzjonali: ir-rekwiżiti nazzjonali huma ssupplimentati minn tabella li tittratta l-punti prinċipali li għandhom jiġu vverifikati, kif ukoll il-metodu ta' evalwazzjoni tagħhom, hekk kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' Franza.


ANNESS II

DOKUMENT UNIKU

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

"TAUREAU DE CAMARGUE"

Nru tal-KE: FR-PDO-0105-0314-17.10.2011

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Taureau de Camargue”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta' prodott

Klassi 1.1:

Laħam u l-ġewwieni friski

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem f’(1)

Id-denominazzjoni tal-oriġini "Taureau de Camargue" hija laħam frisk ta' annimali rġiel jew nisa li ġejjin minn razez lokali, jiġifieri mir-razza "raço di Biou", ir-razza "de Combat" (razza li tissejjaħ ukoll "Brave"), jew minn taħlita ta' dawn iż-żewġ razez li jkunu twieldu, trabbew, inqatlu u tqattgħu fiż-żona ġeografika.

L-annimali jrid ikollhom tal-anqas 18-il xahar.

Il-maturazzjoni tal-karkassi fil-biċċerija għandha ddum, mill-anqas, tmienja u erbgħin siegħa, u ma għandhiex iddum iktar minn 5 ijiem. Il-karkassi ma għandhomx jiżnu inqas minn 100 kg għall-finijiet fiskali, ħlief għall-għoġġiela ta’ bejn 18 u 30 xahar, li għalihom il-piż huwa ffissat għal 85 kg.

Il-laħam tat-"Taureau de Camargue" huwa kkaratterizzat mill-kulur aħmar skur tiegħu; huwa tari u bi ftit xaħam.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

L-għalf prinċipali għandu jkun dak mill-mergħa, ħlief fil-perjodu tax-xitwa, li matulu jista' jiġi pprovdut suppliment tal-għalf li jkun jikkonsisti biss minn tiben u ċereali miż-żona ġeografika. F'kull każ, l-għalf kompost, inkluż għalf immedikat, mhuwiex awtorizzat.

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-annimali għandhom jitwieldu, jitrabbew, jinqatlu u jitqattgħu fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

Il-qtugħ tal-karkassi jrid isir fiż-żona ġeografika ddefinita: fil-fatt, il-karkassi tal-annimali maqtula għad-DPO "Taureau de Camargue" huma normalment iżgħar minn dawk tal-merħla għall-qatla, u għalhekk jinħtieġ għarfien speċjali biex isir l-aqwa użu minn dawn il-karkassi żgħar. Dan l-għarfien baqa' biss fiż-żona ġeografika ddefinita, li hija prattikament l-unika żona fit-territorju Franċiż li fiha jitkabbru ż-żewġ razez tad-DPO "Taureau de Camargue".

3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar

L-identifikazzjoni tal-laħam DPO "Taureau de Camargue" ssir meta l-karkassa tkun sħiħa, minn x'ħin isir l-użin fuq il-linja tal-qtil sal-ħruġ mill-kamra tat-tkessiħ.

Imbagħad, fuq il-muskoli differenti (tmien punti), jiġi applikat timbru li jidentifika d-DPO. Dan it-timbru huwa pprovdut mill-istitut nazzjonali tal-oriġini u l-kwalità.

Sal-aħħar stadju ta’ distribuzzjoni, il-karkassa u l-biċċiet tal-laħam imqattgħin minnha jkunu akkumpanjati minn tikketta ta' identifikazzjoni li tippreċiża tal-anqas:

l-isem tad-denominazzjoni;

in-numru tal-qatla;

l-isem tal-impriża agrikola li rabbiethom;

l-isem u l-indirizz tal-biċċerija jew tal-istabbiliment fejn inqatlu;

il-logo tad-DPO tal-Unjoni Ewropea.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika ddefinita

Biex ikun intitolat għal denominazzjoni tal-oriġini, il-laħam irid ikun ġej mill-"manades" (farms għat-trobbija tal-barrin tar-"raço di Biou") jew mill-"ganaderías" (farms għat-trobbija tal-barrin tar-razza "Combat") li jinsabu fiż-żona ġeografika ddefinita.

L-annimali għandhom jitwieldu, jitrabbew, jinqatlu u jitqattgħu fiż-żona ġeografika li ġejja:

 

Id-Département ta' Bouches-du-Rhône:

il-canton ta’ Arles: il-communes kollha.

il-canton ta' Châteaurenard: il-communes kollha.

il-canton ta' Eyguières: Aureilles, Eyguières, Lamanon u Mouriès.

il-canton ta' Istres: Fos-sur-Mer, Istres.

il-canton ta' Orgon: il-communes kollha.

il-canton ta' Port-Saint-Louis-du-Rhône: Port-Saint-Louis-du-Rhône.

il-canton ta' Salon-de-Provence: Grans, Miramas, Salon-de-Provence.

il-canton ta' Saintes-Maries-de-la-Mer: Saintes-Maries-de-la-Mer.

il-canton ta' Saint-Rémy-de-Provence: il-communes kollha.

il-canton ta' Tarascon-sur-Rhône: il-communes kollha.

 

Id-Département ta’ Gard:

il-canton ta’ Aigues-Mortes: il-communes kollha.

il-canton ta' Aramon: il-communes kollha, għajr il-communes ta' Estézargues u Domazan.

il-canton ta' Beaucaire: il-communes kollha.

il-canton ta' Lédignan: Mauressargues.

il-canton ta' Marguerittes: il-communes kollha.

il-canton ta' Nîmes: il-communes kollha.

il-canton ta' Quissac: il-communes kollha, għajr il-commune ta' Quissac.

il-canton ta' Remoulins: Argilliers, Collias, Remoulins, Vers-Pont-du-Gard.

il-canton ta' Rhony-Vidourle: il-communes kollha.

 

il-canton ta' Saint-Chaptes: il-communes kollha, għajr il-communes ta' Aubussargues, Collorgues, Baron, Foissac, Saint-Dézéry.

il-canton ta' Saint-Gilles: il-communes kollha.

il-canton ta' Saint-Mamert: il-communes kollha.

il-canton ta' Sommières: il-communes kollha.

il-canton ta' Uzès: Arpaillargues-et-Aureillac, Blauzac, Sanilhac-Sagriès, Saint-Maximin, Uzès.

il-canton ta' Vauvert: il-communes kollha.

il-canton ta' Vistrenque (La): il-communes kollha.

 

Id-département ta’ Hérault:

il-canton ta' Castries: il-communes kollha.

il-canton ta' Claret: Campagne, Fontanès, Garrigues, Sauteyrargues, Vacquières.

il-canton ta' Lunel: il-communes kollha.

il-canton ta' Matelles: Prades-le-Lez, Saint-Bauzille-de-Montmel, Sainte-Croix-de-Quintillargues, Saint-Vincent-de-Barbeyrargues.

il-canton ta' Mauguio: il-communes kollha.

 

il-canton ta' Montpellier: Castelnau-le-Lez, Clapiers, Le Crès, Lattes, Montpellier, Pérols.

F'din iż-żona ġeografika hemm immarkata żona ta' art mistagħdra.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tad-DPO tikkorrispondi għaż-żona tal-mergħa xitwija tat-"Taureau de Camargue", jiġifieri l-communes li fihom l-annimali tradizzjonalment jibqgħu fix-xitwa, fix-xagħri kbar u l-meded kbar ta' art miksija bil-ħaxix (prairie). Din iż-żona fiha art mistgħadra li ssegwi l-fruntieri ta' Camargue u li l-annimali jibqgħu fiha għal, mill-inqas, sitt xhur matul il-perjodu tas-sajf.

Dawn il-mergħat kbar ħafna, magħmula minn pjanti alofili fil-Camargue u minn meded kbar ta' art niexfa miksija bil-ħaxix fil-partijiet li jintużaw fix-xitwa, jinfluwenzaw l-iżvilupp fiżiku u mentali tal-annimali. It-tkabbir tagħhom għandu huwa wkoll rwol ambjentali sinifikanti minħabba li jinfluwenza l-evoluzzjoni tal-veġetazzjoni fl-ambjenti naturali tagħha (sansouïres, witat salmastri, artijiet mistgħadra u meded ta' ħaxix): il-barrin jillimitaw it-tkabbir ta' ċerti speċi ta' pjanti u jużaw żoni kbar ta' veġetazzjoni magħmula minn mużajk ta' ħabitats imqegħdin wieħed fejn l-ieħor u konnessi flimkien.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Bosta xogħlijiet għamlu referenza għan-natura ferm oriġinali tat-"Taureau de Camargue", li min-naħa l-waħda, kienet ir-riżultat tal-iżolazzjoni tar-razza minħabba karatteristiċi partikolari tal-Camargue, u min-naħa l-oħra tnisslet mill-metodu ta' trobbija żviluppat mir-raħħala biex jadattaw ruħhom għall-ħtiġijiet tal-ambjent.

Dawn l-annimali huma kważi selvaġġi, mhux iddomestikati, b'saħħithom u reżistenti, u huma pjuttost suspettużi fil-konfront tal-bniedem u għalhekk jistgħu jkunu aggressivi.

Għalhekk, il-laħam ta' dawn l-annimali għandu karatteristiċi partikolari kif deskritt fl-istudju tal-INRA (il-5 ta' Diċembru 2007 - il-konferenza bit-titlu "Rencontres autour des Recherches sur les Ruminants"); ir-riżultati tiegħu juru li l-muskoli ta' dawn l-annimali għandhom lewn aħmar skur u li l-laħam huwa dgħif.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika ddefinita u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-partikolarità tal-laħam tat-"Taureau de Camargue" hija marbuta mill-qrib mal-ambjent u mal-għan tat-trobbija, jiġifieri li jiġu prodotti l-barrin għall-isport. Dan jeħtieġ annimali kważi selvaġġi li jkunu trabbew f'ambjent naturali ppreżervat u mħares.

Il-karattru nervuż u aggressiv ta’ dawn l-annimali huwa partikolarment adattat għall-għan aħħari, u jagħti lil-laħam il-karatteristiċi tiegħu.

It-"Taureau de Camargue" jinkiseb mir-razez lokali tradizzjonali, ir-razza "Camargue" u r-razza "Brave", u huwa ferm adattat għall-ambjent ta' Camargue.

Il-barrin huma mrobbija fil-beraħ u jieklu mill-mergħa taż-żona filwaqt li jqattgħu tal-inqas sitt xhur f'din l-art mistagħdra. Din iż-żona hija kkaratterizzata minn pajsaġġi ċatti minħabba ġeoloġija u pedoloġija partikolari, kif ukoll mill-preżenza ta' ammonti differenti ta' melħ. Fuq din il-ħamrija, li hija pjuttost fqira mil-lat agronomiku, jinstabu ekosistemi speċifiċi ħafna (salikorni, objon, glasswort).

Wieħed jista' jispjega l-kwalitajiet organolettiċi u l-karattru partikolari tal-laħam permezz tad-diversità tal-varjetajiet tal-pjanti fil-mergħat:

pjanti alofili (salikorni, glassworth, objun...) f'ambjent b'ħafna melħ,

qasab u żwien f'ambjent bi ftit melħ,

veġetazzjoni naturali tax-xagħri matul ix-xitwa.

Il-lewn aħmar skur tal-laħam huwa marbut mal-pH tiegħu, li x'aktarx huwa influwenzat min-nutrijenti alkalini tal-pjanti alofili. Il-ħabba fina tiegħu hija kkaratterizzata mit-tip ta' fibri muskolari li żviluppaw permezz tal-movimenti regolari tal-annimal fil-mergħat fil-beraħ (passaġġi ta' mergħat). Dan iċ-ċaqliq volontarju u frekwenti ta' dawn l-annimali jfisser li l-muskoli tagħhom "jieklu" x-xaħmijiet, u dan iwassal biex il-laħam ftit li xejn ikun xaħmi.

It-"Taureau de Camargue" għandu karatteristiċi speċifiċi għall-aħħar, imnissla mill-fatturi kkombinati tal-ħamrija, tal-ambjent u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja.

It-"Taureau de Camargue", imsawwar skont l-ambjent li jgħix fih u li ilu żmien twil ħafna jitrabba bl-użu tal-metodu ta' rigħi fil-beraħ, sar wieħed mill-protagonisti fl-isforzi li qegħdin isiru favur il-ħarsien tal-bijodiversità f'Camargue.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCTaureauDeCamargue.pdf