8.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/13


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1036/2012

tas-7 ta’ Novembru 2012

li jemenda l-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE u l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 rigward l-annotazzjonijiet għall-Kroazja fil-listi tal-pajjiżi terzi jew partijiet minnhom minn fejn hija awtorizzata l-introduzzjoni ta’ laħam frisk u ta’ ċerti prodotti tal-laħam fl-Unjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 8(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (2) tistabbilixxi r-regoli dwar l-importazzjoni lejn l-Unjoni u t-tranżitu u l-ħażna fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren trattati, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (3).

(2)

Il-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom, minn fejn hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren trattati, sakemm dawn il-komoditajiet ikunu konformi mat-trattament imsemmi f’dik il-Parti.

(3)

Il-Parti 4 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE tistabbilixxi t-trattamenti msemmija fil-Parti 2 ta’ dak l-Anness, filwaqt li tassenja kodiċi lil kull wieħed minn dawk it-trattamenti. Dik il-Parti tistabbilixxi trattament mhux speċifiku “A” u trattamenti speċifiċi minn “B” sa “F”, imniżżlin mill-aktar wieħed sever għall-inqas wieħed.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (4) jistabbilixxi r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti kunsinni ta’ annimali ħajjin jew ta’ laħam frisk. Dan jistabbilixxi wkoll il-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom, li minnhom jistgħu jiġu introdotti dawk il-kunsinni fl-Unjoni.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 jistipula li kunsinni ta’ laħam frisk maħsubin għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu importati fl-Unjoni biss jekk ikunu ġejjin mill-pajjiżi terzi, mit-territorji jew il-partijiet minnhom elenkati fil-Parti 1 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament li għalih hemm mudell ta’ ċertifikat veterinarju li jikkorrispondi għall-kunsinna kkonċernata mniżżla f’dik il-Parti.

(6)

Bħalissa l-Kroazja hija mniżżla fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 bħala pajjiż terz li minnu huma awtorizzati l-importazzjonijiet ta’ laħam frisk ta’ ċerti annimali fl-Unjoni. Madanakollu, bħalissal-Kroazja mhix imniżżla bħala pajjiż terz li minnu huma awtorizzati l-importazzjonijiet ta’ laħam frisk, inkluż laħam kapuljat, ta’ annimali porċini domestiċi fl-Unjoni.

(7)

Il-Kroazja ressqet talba lill-Kummissjoni biex tkun awtorizzata tesporta laħam frisk ta’ annimali porċini domestiċi fl-Unjoni. Skont l-informazzjoni li ressqet il-Kroazja, it-tilqim preventiv kontra d-deni klassiku tal-ħnieżer huwa pprojbit fit-territorju ta’ dak il-pajjiż terz sa minn Jannar 2005. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda evidenza ta’ ċirkolazzjoni tal-vajrus tad-deni klassiku tal-ħnieżer f’annimali porċini domestiċi fit-territorju tal-Kroazja minn Marzu 2008 ’l hawn. Għalhekk l-informazzjoni disponibbli turi li l-Kroazja hija ħielsa mid-deni klassiku tal-ħnieżer f’annimali porċini domestiċi, mingħajr tilqima.

(8)

L-awtorità kompetenti Kroata tat ukoll garanziji biżżejjed rigward il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tad-deni klassiku tal-ħnieżer u qed timplimenta programm imtejjeb ta’ sorveljanza għall-annimali porċini domestiċi u ċingjali.

(9)

Barra minn hekk, ir-riżultati ta’ spezzjoni li għamlet il-Kummissjoni fil-Kroazja fl-2010 kienu fil-biċċa l-kbira pożittivi. Il-Kroazja ressqet ukoll lill-Kummissjoni l-konferma li ċerti azzjonijiet korrettivi ppjanati dwar in-nuqqasijiet identifikati matul dik l-ispezzjoni ġew implimentati b’mod sodisfaċenti fl-2011.

(10)

L-evalwazzjoni tal-informazzjoni mressqa mill-Kroazja twassal għall-konklużjoni li l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ laħam frisk ta’ annimali porċini domestiċi minn dak il-pajjiż terz ma kinitx toħloq riskju għall-qagħda tas-saħħa fl-Unjoni rigward id-deni klassiku tal-ħnieżer. Għalhekk l-importazzjonijiet mill-Kroazja ta’ laħam frisk, inkluż laħam kapuljat, ta’ annimali porċini domestiċi fl-Unjoni għandhom jiġu permessi.

(11)

Barra minn hekk, bħalissal-Kroazja hija mniżżla fil-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren trattati minn annimali porċini domestiċi u annimali tal-kaċċa mrobbija bid-difer mifruq (ħnieżer) li għaddew mit-trattament speċifiku “D”.

(12)

Minħabba l-fatt li l-importazzjonijiet ta’ laħam frisk, inkluż laħam kapuljat, ta’ annimali porċini domestiċi fl-Unjoni mill-Kroazja għandhom jiġu awtorizzati, huwa xieraq li jkunu permessi wkoll importazzjonijiet fl-Unjoni minn dak il-pajjiż terz ta’ prodotti tal-laħam li nkisbu minn dan il-laħam frisk, mingħajr il-ħtieġa li jgħaddu minn trattament speċifiku. Għalhekk il-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(13)

Għalhekk id-Deċiżjoni 2007/777/KE u r-Regolament (UE) Nru 206/2010 għandhom jiġu emendati skont dan.

(14)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE, l-annotazzjoni għall-Kroazja tinbidel b’dan li ġej:

“HR

Il-Kroazja

A

A

A

A

A

A

A

A

D

XXX

A

A

XXX”

Artikolu 2

Fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010, l-annotazzjoni għall-Kroazja tinbidel b’dan li ġej:

HR – il-Kroazja

HR-0

Il-pajjiż kollu

BOV, OVI, EQU, RUF, RUW

 

 

 

 

POR

 

 

 

it-8 ta' Novembru 2012

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49.

(3)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(4)  ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1.