7.11.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 307/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (EU) Nru 1014/2012
tas-6 ta' Novembru 2012
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (1),
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja (2) jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi tal-President Lukashenka u ta’ ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja, kif ukoll ta’ persuni responsabbli, inter alia, għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, ir-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew tal-ksur tal-istandards elettorali internazzjonali. Huwa jipprevedi wkoll għall-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw lir-reġim ta’ Lukashenka. |
(2) |
Bid-Deċiżjoni 2012/642/PESK, il-Kunsill iddeċieda li jiċċara l-kriterji għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-korpi fl-Annessi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK (3) u li jikkonsolida dawk l-Annessi f’anness wieħed. |
(3) |
Dan ir-Regolament jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi implimentat, b’mod partikolari, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha. |
(4) |
Ir-Regolment (KE) Nru 765/2006 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa emendat kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej: “Artikolu 2 1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness I, jew li huma l-proprjetà tagħhom jew miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati. 2. L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitpoġġew direttament jew indirettament, għad-dispożizzjoni, tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness I jew għall-benefiċċju tagħhom. 3. Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, b’mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun, b’mod dirett jew b’mod indirett, li jiġu evitati l-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2. 4. L-Anness I għandu jikkonsisti f’lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, skont il-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (*), ġew identifikati mill-Kunsill bħala responsabbli ta’ ksur serju kontra d-drittijiet tal-bniedem, jew tar-ripressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew inkella li l-attivitajiet tagħhom joħolqu theddida serja għad-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entitajiet u korpi assoċjati magħhom, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom. 5. L-Anness I għandu jikkonsisti wkoll f’lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK, ġew identifikati mill-Kunsill bħala li jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenka jew jappoġġawh, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom. |
(2) |
Fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2b, fl-Artikolu 3(1)(a), fl-Artikolu 4a u fil-paragrafi 1 u 4 tal-Artikolu 8a, ir-referenzi għal “Annessi I, IA u IB” jew għal “Annessi I jew (f’) IA” huma mibdula bir-referenzi għal “Anness I”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Novembru 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
A. D. MAVROYIANNIS
(1) ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1.
(3) ĠU L 280, 26.10.2010, p. 18.