|
18.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 287/5 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 957/2012
tas-17 ta’ Ottubru 2012
li jemenda l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 605/2010 fir-rigward tat-tħassir tal-annotazzjoni għall-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-punt (1) u l-punt (4) tal-Artikolu 8 tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq il-prodotti li joriġinaw mill-annimali.B’mod partikolari, jistipula li prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom jiġu importati biss minn pajjiż terz jew parti ta’ pajjiż terz li tidher fuq il-lista mfassla u aġġornata skont dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jipprovdi li, fit-tfassil u l-aġġornamenti ta’ listi bħal dawn, għandhom jitqiesu l-verifiki min-naħa tal-Unjoni f’pajjiżi terzi u l-garanziji min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-konformità jew l-ekwivalenza mal-liġi tal-Unjoni dwar l-għalf u l-ikel u regoli dwar saħħet l-annimali kif speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (3). |
|
(3) |
L-Anness I għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 tat-2 ta’ Lulju 2010 li jistipula l-kundizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali u ta’ saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum uman (4) jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib. |
|
(4) |
Il-pajjiż awtonomu tal-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-preżent huwa inkluż fil-lista fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010. |
|
(5) |
Wara r-riforma interna tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, effettiva sa mill-10 ta’ Ottubru 2010, l-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi ma baqax jeżisti bħala pajjiż awtonomu fi ħdan dak ir-Renju. Fl-istess data, Curaçao u Sint Maarten kisbu l-istatus ta’ pajjiżi awtonomi fi ħdan ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li Bonaire, Sint Eustatius u Saba saru muniċipalitajiet speċjali tal-parti Ewropea tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Huwa għalhekk xieraq li titħassar l-annotazzjoni għall-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi mil-lista stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010. |
|
(6) |
Curaçao u Sint Maarten ma esprimewx interess li jkomplu bl-esportazzjonijiet ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum mill-bniedem lejn l-Unjoni. Għalhekk mhuwiex xieraq li dawn jiġu inklużi fil-lista stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010. |
|
(7) |
Ir-Regolament (UE) Nru 605/2010 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan. |
|
(8) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010, l-annotazzjoni għall-Antilli tal-Pajjiżi l-Baxxi hija mħassra.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.
(2) ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.