|
16.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 282/23 |
REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 946/2012
tat-12 ta’ Lulju 2012
li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura dwar multi imposti fuq l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq inklużi regoli dwar id-dritt tad-difiża u dispożizzjonijiet temporali
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 513/2011 (2), u partikolarment l-Artikolu 23e(7) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa tadotta regoli ta’ proċedura għall-eżerċitar tas-setgħa li jiġu imposti multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) fuq l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-persuni involuti fl-attivitajiet ta’ klassifikazzjoni. Dawk ir-regoli għandhom ikunu adottati permezz ta’ att iddelegat u għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar drittijiet ta’ difiża, dispożizzjonijiet temporali, dispożizzjonijiet fuq il-ġbir ta’ multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, kif ukoll dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali. |
|
(2) |
Dan l-att delegat jispeċifika regoli ta’ proċedura li għandhom ikunu segwiti mill-AETS meta timponi multi u ħlasijiet ta’ penali bħala parti mis-setgħa superviżorja diretta tagħha fuq l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Huwa importanti li tali regoli ta’ proċedura li għandhom ikunu segwiti minn aġenzija regolatorja tal-UE, ikunu applikabbli direttament u ma jkunux jirrikjedu implimentazzjoni ulterjuri tal-liġi nazzjonali. Għaldaqstant, xieraq li l-Kummissjoni tadotta dawn ir-regoli permezz ta’ Regolament tal-UE. Barra minn hekk, l-objettiv ta’ regoli uniformi għad-drittijiet ta’ difiża għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ Regolament. |
|
(3) |
Id-dritt għas-smigħ huwa rikonoxxut fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Sabiex ikunu rispettati d-drittijiet ta’ difiża tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u ta’ persuni oħra suġġetti għall-azzjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) u sabiex ikun żgurat li l-AETS tikkunsidra l-fatti rilevanti kollha meta tadotta deċiżjonijiet ta’ infurzar, l-AETS għandha tisma’ lill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew lil kwalunkwe persuna oħra kkonċernata. Id-dritt għas-smigħ għandu jseħħ billi l-persuna kkonċernata tingħata d-dritt tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub b’reazzjoni għad-dikjarazzjonijiet ta’ sejbiet maħruġa mill-uffiċjal ta’ investigazzjoni tal-AETS u mill-Bord ta’ Superviżuri tal-AETS. |
|
(4) |
Wara s-sottomissjonijiet bil-miktub mill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu lill-uffiċjal ta’ investigazzjoni, il-Bord ta’ Superviżuri se jirċievi fajl komplut, inklużi dawk is-sottomissjonijiet. |
|
(5) |
Madankollu, jista’ jiġri li xi elementi tas-sottomissjonijiet bil-miktub li l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tkun għamlet lill-uffiċjal ta’ investigazzjoni, jew jekk ikun il-każ, lill-Bord ta’ Superviżuri, ma jkunux ċari u ddettaljati biżżejjed, u jeħtieġ li jkunu spjegati iktar mill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Jekk l-uffiċjal ta’ investigazzjoni jew, jekk ikun il-każ, il-Bord ta’ Superviżuri, iqisu li dan huwa l-każ, l-AETS tista’ ssejjaħ seduta mal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu biex tikkjarifka dawk l-elementi. |
|
(6) |
Id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha, filwaqt li jkunu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju huwa rikonoxxut fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikoli 23e(4), 25(2) u l-Artikolu 36c(2) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jistabbilixxu li, bil-għan li jippreservaw id-dritt tad-difiża tal-persuni suġġetti għall-proċeduri tal-AETS, huma għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-AETS, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom u tad-dejta personali tagħhom. Id-dritt tal-aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali. |
|
(7) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (3) jipprovdi regoli dettaljati dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni meta l-Kummissjoni għandha timmulta impriża skont l-Artikoli 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li tinsab fis-seħħ tipprovdi wkoll għal regoli dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni jew b’mod speċifiku fil-qasam tat-titoli, jew b’mod ġenerali fil-liġijiet amministrattivi ġenerali tagħhom. Minn dawk ir-regoli nazzjonali u mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ġew estratti fatturi komuni li prinċiplament huma riflessi fl-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament. |
|
(8) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u dan ir-Regolament jirreferu għal perjodi taż-żmien u d-dati. Dan huwa l-każ, pereżempju, għall-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, jew meta jkunu stabbiliti perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ penali. Sabiex dawk il-perjodi jkunu jistgħu jiġu kkalkolati b’mod korrett, huwa xieraq li jkunu applikati regoli li diġà jeżistu fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (4) għall-atti tal-Kunsill u l-Kummissjoni. |
|
(9) |
L-Artikolu 36d tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jipprevedi li l-penali imposti mill-AETS skont l-Artikoli 36a u 36b ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu infurzabbli, u li l-infurzar għandu jkun irregolat mir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fit-territorju tal-Istat fejn qed issir il-proċedura. L-ammonti korrispondenti għandhom ikunu allokati lill-baġit ġenerali tal-UE. |
|
(10) |
Fl-interess tal-eżerċitar immedjat tal-attività superviżorja u ta’ infurzar effettiva, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ta’ proċedura rigward multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali li għandhom ikunu imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) fuq aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew persuni oħra li huma suġġetti għall-proċeduri ta’ infurzar, inklużi d-drittijiet ta’ difiża u l-perjodi ta’ preskrizzjoni.
Artikolu 2
Id-dritt ta’ smigħ mill-uffiċjal ta’ investigazzjoni
1. Meta jlesti l-investigazzjonijiet tiegħu u qabel ma jippreżenta l-fajl lill-Bord ta’ Superviżuri tal-AETS skont l-Artikolu 3(1), l-uffiċjal ta’ investigazzjoni għandu jinforma bil-miktub lill-persuna suġġetta għal investigazzjoni dwar is-sejbiet tiegħu/tagħha u għandu jipprovdiha bl-opportunità tippreżenta sottomissjonijiet skont il-paragrafu 3. Dik id-dikjarazzjoni ta’ sejbiet għandha tistabbilixxi l-fatti li x’aktarx jikkostitwixxu ksur wieħed jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, inkluż kwalunkwe fattur li jiggrava jew jimmitiga dak il-ksur.
2. Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli li matulu l-persuna suġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħmel is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. L-uffiċjal ta’ investigazzjoni ma għandux ikun obbligat iqis sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.
3. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-persuna suġġetta għal investigazzjoni tista’ tippreżenta l-fatti kollha magħrufa minnha li huma rilevanti għad-difiża tagħha. Għandha tehmeż kwalunkwe dokument rilevanti bħala prova tal-fatti ppreżentati. Tista’ tipproponi li l-uffiċjal ta’ investigazzjoni jisma’ persuni oħra li jistgħu jikkorroboraw il-fatti ppreżentati fis-sottomissjonijiet tal-persuna suġġetta għal investigazzjoni.
4. L-uffiċjal ta’ investigazzjoni jista’ jistieden ukoll persuna suġġetta għal investigazzjoni li lilha kienet indirizzata d-dikjarazzjoni tas-sejbiet biex tattendi seduta. Il-persuni suġġetti għal investigazzjoni jistgħu jkunu assistiti mill-avukati tagħhom jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-uffiċjal ta’ investigazzjoni. Is-seduti ma għandhomx ikunu pubbliċi.
Artikolu 3
Dritt għas-smigħ mill-Bord ta’ Superviżuri tal-AETS fir-rigward ta’ multi u miżuri superviżorji
1. Il-fajl komplut li għandu jkun ippreżentat mill-uffiċjal ta’ investigazzjoni lill-Bord ta’ Superviżuri tal-AETS għandu talanqas jinkludi d-dokumenti li ġejjin:
|
— |
Kopja tad-dikjarazzjoni tas-sejbiet li hu jkun indirizza lill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu |
|
— |
Kopja tas-sottomissjonijiet bil-miktub mill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu |
|
— |
Minuti tas-seduti |
2. Meta l-Bord ta’ Superviżuri tal-AETS iqis li l-fajl imressaq mill-uffiċjal ta’ investigazzjoni mhux komplut, għandu jibgħat il-fajl lura lill-uffiċjal ta’ investigazzjoni b’talba ġġustifikata għal dokumenti addizzjonali.
3. Meta l-Bord ta’ Superviżuri tal-AETS iqis, abbażi ta’ fajl komplut, li l-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni tas-sejbiet jidhru li ma jiddivulgaw ebda ksur possibbli minn dawk elenkati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, għandu jieħu deċiżjoni li jagħlaq il-każ u għandu jinnotifika t-tali deċiżjoni lill-persuni suġġetti għall-investigazzjoni.
4. Meta l-Bord ta’ Superviżuri tal-AETS ma jaqbilx mas-sejbiet tal-uffiċjal ta’ investigazzjoni, il-bord għandu jissottometti dikjarazzjoni ġdida ta’ sejbiet lill-persuni suġġetti għal investigazzjoni.
Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli li matulu l-persuna suġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. Il-Bord ta’ superviżuri tal-AETS ma għandux ikun obbligat jikkunsidra sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien biex jieħu deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur u dwar miżuri ta’ superviżjoni u l-impożizzjoni ta’ multa skont l-Artikoli 24 u 36a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.
Il-Bord ta’ Superviżuri tal-AETS jista’ jistieden ukoll lill-persuni suġġetti għal investigazzjoni li lilhom kienet indirizzata d-dikjarazzjoni tas-sejbiet biex jattendu seduta. Il-persuni suġġetti għal investigazzjoni jistgħu jkunu assistiti mill-avukati tagħhom jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-Bord ta’ Superviuri tal-AETS. Is-seduti ma għandhomx ikunu pubbliċi.
5. Meta l-Bord ta’ Superviuri tal-AETS jaqbel mas-sejbiet tal-uffiċjal ta’ investigazzjoni, huwa għandu jinforma b’dan lill-persuni suġġetti għal investigazzjoni. Tali komunikazzjoni għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli li matulu l-persuna suġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħmel sottomissjoniet bil-miktub. Il-Bord ta’ superviżuri tal-AETS ma għandux ikun obbligat jikkunsidra sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien biex jieħu deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur u dwar miżuri ta’ superviżjoni u l-impożizzjoni ta’ multa skont l-Artikoli 24 u 36 A tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.
Il-Bord ta’ Superviżuri tal-AETS jista’ jistieden ukoll lill-persuni suġġetti għal investigazzjoni li lilhom kienet indirizzata d-dikjarazzjoni tas-sejbiet biex jattendu seduta. Il-persuni suġġetti għal investigazzjoni jistgħu jkunu assistiti mill-avukati tagħhom jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-Bord ta’ Superviuri tal-AETS. Is-seduti ma għandhomx ikunu pubbliċi.
6. Jekk il-Bord ta’ Superviżuri tal-AETS iddeċieda li twettaq ksur wieħed jew iktar minn dawk elenkati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 minn persuna suġġetta għal investigazzjoni u jkun iddeċieda li jimponi multa f’konformità mal-Artikolu 36a, għandu immedjatament jinnotifika t-tali deċiżjoni lill-persuna suġġetta għal investigazzjoni.
Artikolu 4
Dritt għas-smigħ mill-Bord ta’ Superviżuri tal-AETS fir-rigward ta’ ħlasijiet perjodiċi ta’ penali
Qabel ma jieħu deċiżjoni li jimponi ħlas perjodiku ta’ penali f’konformità mal-Artikolu 36b(1) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-Bord ta’ Superviżuri għandu jissottometti dikjarazzjoni ta’ sejbiet lill-persuna suġġetta għall-proċeduri filwaqt li jistabbilixxi r-raġunijiet li jiġġustifaw l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ penali u l-ammont ta’ ħlas ta’ penali għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità. Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li matulu l-persuna kkonċernata tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. Il-Bord ta’ Superviżur ma għandux ikun obbligat jikkunsidra sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien sabiex jiddeċiedi dwar il-ħlas perjodiku ta’ penali.
Ladarba l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew il-persuna kkonċernata tkun ikkonformat mad-deċiżjoni rilevanti msemmija fil-paragrafi (a) sa (d) tal-Artikolu 36b(1) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-ħlas perjodiku ta’ penali ma jistax jibqa’ impost.
Il-Bord ta’ Superviżuri tal-AETS jista’ jistieden ukoll lill-persuna suġġetta għall-proċeduri biex tattendi seduta. Il-persuna suġġetta għal investigazzjoni tista’ tkun assistita mill-avukati tagħha jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-Bord ta’ Superviuri tal-AETS. Is-seduti ma għandhomx ikunu pubbliċi.
Artikolu 5
Aċċess għall-fajl u użu ta’ dokumenti
1. Jekk mitlub hekk, l-AETS għandha tagħti aċċess għall-fajl lill-partijiet li lilhom l-uffiċjal ta’ investigazzjoni jew il-Bord tas-Superviżuri jkunu bagħtu dikjarazzjoni ta’ sejbiet. L-aċċess għandu jingħata wara n-notifika ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ sejbiet.
2. Dokumenti aċċessati skont dan l-Artikolu għandhom jintużaw biss għall-għanijiet ta’ proċeduri ġudizzjali jew amministrattivi marbuta mal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.
Artikolu 6
Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali
1. Is-setgħat tal-AETS biex timponi multi fuq aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom ikunu suġġetti għall-perjodi ta’ preskrizzjoni segwenti:
|
(a) |
tliet snin fil-każ ta’ ksur li għalih l-ammont bażiku minimu tal-multa previst mill-Artikolu 36a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 huwa EUR 50 000 jew inqas. |
|
(b) |
ħames snin fil-każ ta’ kwalunkwe ksur ieħor. |
2. Dawn il-perjodi ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jibdew jiddekorru fil-jum wara dak li fih jitwettaq il-ksur. Madankollu, fil-każ ta’ ksur kontinwu u ripetut, iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha jieqaf il-ksur.
3. Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-AETS għall-finijiet tal-investigazzjoni jew tal-proċeduri fir-rigward ta’ ksur tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 għandha tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi interrott b’effett mid-data li fiha l-azzjoni tiġi notifikata lill-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jew lill-persuna suġġetta għall-investigazzjoni jew il-proċeduri.
4. Kull interruzzjoni għandha tikkawża lill-perjodu ta’ preskrizzjoni jerġa’ jibda jiddekorri mill-ġdid. Madankollu, il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiskadi mhux aktar tard mill-jum li fih ikun għadda perjodu ekwivalenti għal darbtejn dak tal-perjodu ta’ preskrizzjoni mingħajr ma l-AETS tkun imponiet multa. Dak il-perjodu għandu jiġi mtawwal mill-perjodu li fih il-preskrizzjoni tkun sospiża skont il-paragrafu 5.
5. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi għandu jkun sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-AETS hija suġġetta għal proċeduri pendenti quddiem il-Bord tal-Appell, f’konformità mal-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 36e tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.
Artikolu 7
Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali
1. Is-setgħa tal-AETS li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 36a u 36b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.
2. Il-perjodi ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda jiddekorri fil-jum wara dak li fih id-deċiżjoni ssir finali.
3. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jkun interrott minn:
|
(a) |
notifika mill-AETS lill-aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jew lill-persuna oħra kkonċernata ta’ deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali; |
|
(b) |
kwalunkwe azzjoni tal-AETS jew ta’ awtorità ta’ Stat Membru li taġixxi fuq talba tal-AETS, bl-intenzjoni li tinforza ħlas ta’ multa jew termini u kundizzjonijiet tal-multa jew ta’ ħlas perjodiku ta’ penali. |
4. Kull interruzzjoni għandha tikkawża l-perjodu ta’ preskrizzjoni biex jerġa’ jibda jiddekorri.
5. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm:
|
(a) |
jitħalla żmien sabiex isir il-ħlas; |
|
(b) |
l-infurzar tal-ħlas jiġi sospiż skont deċiżjoni pendenti tal-Bord tal-Appell tal-AETS, f’konformità mal-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 36e tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. |
Artikolu 8
Ġbir ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali
L-ammonti tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali miġbura mill-AETS għandhom ikunu depożitati f’kont li jħallas l-interessi li jinfetaħ mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-AETS sakemm isiru finali. Sadanittant dawn l-ammonti ma għandhomx jiddaħħlu fil-baġit tal-AETS jew jiġu reġistrati bħala ammonti tal-baġit.
Meta l-uffiċjal tal-kontabilità tal-AETS ikun stabbilixxa li multi u/jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali jkunu saru finali wara r-riżultat tal-kontestazzjonijiet ġuridiċi possibbli kollha, huwa għandu jittrasferixxi dawn l-ammonti flimkien ma kull imgħax li jakkumula lill-Kummissjoni. Dawn l-ammonti għandhom imbagħad jiġu mdaħħla fil-baġit tal-UE taħt dħul ġenerali.
L-uffiċjal tal-kontabilità tal-AETS għandu jirrapporta fuq bażi regolari lill-Uffiċjal ta’ Awtorizzazzjoni tad-DĠ MARKT dwar l-ammonti ta’ dawn il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali u l-istatus tagħhom.
Artikolu 9
Kalkolu ta’ perjodi, dati u limiti ta’ żmien
Għal perjodi ta’ żmien, dati u limiti ta’ żmien għandu japplika r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71.
Artikolu 10
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.