22.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/18


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 865/2012

tal-21 ta’ Settembru 2012

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 867/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 dwar l-organizzazzjonijiet ta’ operaturi fis-settur taż-żebbuġ, il-programmi ta’ ħidma tagħhom u l-finanzjament ta’ dawn

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 103(2) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 867/2008 tal-Kummissjoni (2) l-organizzazzjonijiet tal-operaturi fis-settur taż-żebbuġ jistgħu jirċievu, suġġett għall-preżentazzjoni ta’ garanzija, pagament bil-quddiem ta’ massimu ta’ 90 % tan-nefqa annwali eleġibbli. Għal dan il-għan, l-Istat Membru jħallas l-ewwel parti qabel l-aħħar tax-xahar wara x-xahar tal-bidu tal-implimentazzjoni annwali tal-programm ta’ ħidma.

(2)

Madankollu, din id-dispożizzjoni, li għandha bħala għan li tippermetti l-bidu malajr tax-xogħlijiet, ma ħallietx l-effett mixtieq fil-Greċja, minħabba l-kriżi ekonomika. Fil-fatt, minħabba din il-kriżi, xi organizzazzjonijiet tal-operaturi, peress li ma kinux f’pożizzjoni li jippreżentaw il-garanzija prevista fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 867/2008, ma setgħux jirċievu l-pagament bil-quddiem imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu, u għalhekk, ma bdewx il-programmi tagħhom tal-perjodu 2012-2015.

(3)

F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa l-każ li jingħata l-permess lill-Istati Membri biex, b’mod eċċezzjonali, iħallsu l-ewwel parti tal-pagament bil-quddiem previst skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 867/2008 sat-30 ta’ Settembru 2012 li għandu jippermetti lill-benefiċjari li jużaw mill-ġdid il-garanziji ppreżentati għall-programmi ta’ ħidma ta’ qabel u li fil-frattemp ġew rilaxxati, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra kollha rilevanti jkunu ġew issodisfati.

(4)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 867/2008 għandu jiġi emendat.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni effikaċi ta’ din il-miżura, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 867/2008, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu u għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma approvati għall-perjodu 2012-2015, il-Greċja tista’ tħallas l-ewwel parti ugwali għal nofs l-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 lill-organizzazzjonijiet tal-operaturi kkonċernati, qabel it-30 ta’ Settembru 2012.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 237, 4.9.2008, p. 5.