20.9.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 253/5 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 848/2012
tad-19 ta’ Settembru 2012
li jemenda l-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (“REACH”) fir-rigward tal-komposti tal-fenilmerkurju
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li-kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Dicembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Strateġija Komunitarja li Tirrigwarda l-Merkurju (2) il-Kummissjoni enfasizzat li hemm bżonn li jitnaqqsu l-livelli tal-merkurju fl-ambjent u l-esponiment tal-bniedem għall-merkurju u bħala għanijiet ipproponiet, fost l-oħrajn, it-tnaqqis fid-dħul fiċ-ċirkolazzjoni tal-merkurju fis-soċjetà, permezz ta’ tnaqqis fil-provvista u d-domanda, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-merkurju u l-ħarsien mill-emissjonijiet tal-merkurju. Dik il-Komunikazzjoni ġiet riveduta fl-2010 (3). |
(2) |
Il-Kunisll afferma diversi drabi l-impenn tiegħu lejn l-għan ġenerali tal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mir-rilaxx tal-merkurju u l-komposti tiegħu bit-tnaqqis, u fejn ikun fattibbli, eventwalment bl-eliminazzjoni tar-rilaxxi globali antropoġeniċi tal-merkurju fl-arja, l-ilma u r-raba’. F’dan il-kuntest, il-Kunsill enfasizza li, fejn jeżistu alternattivi vijabbli, il-prodotti li jkun fihom il-merkurju għandhom jitneħħew minnufih u kompletament, bl-għan aħħari li l-prodotti kollha li jkun fihom il-merkurju jitneħħew, b’kunsiderazzjoni xierqa għaċ-ċirkostanzi tekniċi u ekonomiċi u l-ħtieġa għal riċerka u żviluppi xjentifiċi. (4). |
(3) |
Il-merkurju u l-komposti tiegħu huma tossiċi ħafna għall-bniedem, l-ekosistemi u l-organiżmi selvaġġi. Dożi għoljin tiegħu jistgħu jkunu fatali għall-bniedem, iżda anki dożi relattivament baxxi jista’ jkollhom impatti negattivi serji fuq l-iżvilupp newroloġiku u kienu marbuta wkoll ma’ effetti negattivi potenzjali fuq is-sistema kardjovaskulari, immunoloġika u riproduttiva. Il-merkurju huwa kkunsidrat bħala sustanza niġġiesa organika persistenti globalment, li tiċċirkola bejn l-arja, l-ilmijiet, is-sedimenti, il-ħamrija u l-bijota f’diversi forom u li tista’ tinbidel fl-ambjent f’metilmerkurju, l-iktar forma tossika tagħha. |
(4) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jistipula li jekk Stat Membru jqis li l-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza waħedha, f’taħlita jew f’oġġett, jistgħu jkunu ta’ periklu mhux ikkontrollat adegwatement għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent u hemm bżonn li dan jiġi indirizzat, l-Istat Membru għandu jħejji fajl wara li jinforma lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”) bl-intenzjoni tiegħu. |
(5) |
Skont id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 25/2008 tal-14 ta’ Marzu 2008 li temenda l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) mal-Ftehim taż-ŻEE (5), ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. |
(6) |
In-Norveġja ħejjiet fajl dwar ħames komposti tal-fenilmerkurju, jiġifieri l-aċetat tal-fenilmerkurju, il-propjonat tal-fenilmerkurju, il-fenilmerkurju 2-etileżanoat, l-ottanoat tal-fenilmerkurju u n-neodekanoat tal-fenilmerkurju, li juri li hija meħtieġa azzjoni mifruxa fl-Unjoni kollha sabiex jiġi indirizzat ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent ikkawżat mill-manifattura, l-użu u t-tqegħid fis-suq ta’ dawk is-sustanzi, waħdehom, f’taħlitiet jew f’oġġetti. Dan il-fajl tressaq lill-Aġenzija biex jinbeda l-proċess ta’ restrizzjoni. |
(7) |
Huwa magħruf li l-ħames komposti tal-fenilmerkurju jintużaw, b’mod speċjali, bħala katalisti fis-sistemi tal-poliuretan li jintużaw għall-kisi, it-twaħħil, is-siġill u fl-applikazzjonijiet li jużaw l-elastomeri. Il-katalisti tal-merkurju jiġu inkorporati fl-istruttura polimera u jibqgħu fl-oġġett finali li minnu l-komposti tal-merkurju jew tal-fenilmerkurju ma jiġux rilaxxati intenzjonalment. Mhuwiex magħruf li komposti oħra tal-fenilmerkurju jintużaw bħala katalisti f’sistemi tal-poliuretan u għalhekk dawn ma kinux inklużi fil-valutazzjoni mwettqa fil-fajl. |
(8) |
Iċ-ċiklu tal-ħajja tal-komposti tal-fenilmerkurju jwasslu għal rilaxx sinifikanti fl-ambjent ta’ merkurju u dan iwassal għal żieda fl-emissjonijiet globali ta’ merkurju. B’mod partikolari, il-komposti tal-fenilmerkurju jiddegradaw fl-ambjent u jagħtu prodotti mid-degradazzjoni, inkluż il-metilmerkurju, li huma ta’ tħassib daqs is-sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (PBTs). L-interkonverżjoni tal-metaboliti tal-komposti tal-fenilmerkurju tagħti proprjetajiet ta’ trasportazzjoni fit-tul. Għalhekk, billi jkunu qed jiġu ġġenerati prodotti mit-trasformazzjoni/id-degradazzjoni li huma ta’ natura persistenti, bijoakkumulattiva u tossika, il-komposti tal-fenilmerkurju stess għandhom jiġu trattati bħala sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi fir-rigward tal-kontroll tal-emissjonijiet u l-esponiment. Għal dan il-għan, l-esponiment tal-bniedem u l-ambjent u l-emissjonijiet li jaffettwawhom, għandhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun. |
(9) |
L-esponiment prinċipali tal-bniedem permezz tal-ambjent jista’ jkun mill-ikel, fejn jista’ jkun hemm prodotti mid-degradazzjoni tal-komposti tal-fenilmerkurju, inkluż il-metilmerkurju. Il-konċentrazzjoni bijoloġika tal-metilmerkurju tiżdied speċjalment fil-katina alimentari akkwatika, u minħabba f’dan il-popolazzjoni umana u l-organiżmi selvaġġi li għandhom dieta rikka fil-ħut u l-frott tal-baħar isiru partikolarment vulnerabbli. Il-metilmerkurju jgħaddi faċilment kemm mill-plaċenta u kemm mill-partizzjoni bejn id-demm u l-moħħ, u jwaqqaf l-iżvilupp mentali potenzjali anki qabel it-twelid, u b’hekk u b’hekk l-esponiment tan-nisa li jista’ jkollhom it-tfal u t-tfal stess huwa ta’ tħassib kbir. |
(10) |
Fl-10 ta’ Ġunju 2011, il-Kumitat għall-Valutazzjoni tar-Riskju tal-Aġenzija (RAC) adotta l-opinjoni tiegħu dwar ir-restrizzjoni proposta, filwaqt li qies l-effikaċja tagħha fit-tnaqqis tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Barra minn hekk, l-RAC identifika li komposti oħra tal-organumerkurju jistgħu jintużaw bħala katalisti fil-produzzjoni tal-polimeri. Madankollu, dawn is-sustanzi ma kinux inklużi fil-valutazzjoni mwettqa fil-fajl. |
(11) |
Fil-15 ta’ Settembru 2011, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika tal-Aġenzija adotta l-opinjoni tiegħu dwar ir-restrizzjoni proposta, filwaqt li qies l-effikaċja tagħha fl-indirizzar tar-riskji identifikati fir-rigward tal-proporzjonalità tal-benefiċċji soċjoekonomiċi tagħha meta mqabblin mal-ispejjeż soċjoekonomiċi. |
(12) |
L-Aġenzija ppreżentat l-opinjonijiet tal-Kumitati għall-Valutazzjoni tar-Riskju u għall-Analiżi Soċjekonomika lill-Kummissjoni. |
(13) |
Huwa xieraq li jingħata perjodu ta’ żmien raġonevoli għall-partijiet interessati kkonċernati biex jieħdu l-miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa għall-konformità mal-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament. |
(14) |
Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mill-10 ta’ Ottubru 2017.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Settembru 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(2) COM(2005) 20 finali.
(3) COM(2010) 723 finali.
(4) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2011“Reviżjoni tal-Istrateġija Komunitarja fir-rigward tal-Merkurju”, tal-4 ta’ Diċembru 2008“Nindirizzaw l-isfidi globali tal-merkurju” u tal-24 ta’ Ġunju 2005“Dwar l-Istrateġija Komunitarja fir-rigward tal-Merkurju”.
(5) ĠU L 182, 10.7.2008, p. 11.
ANNESS
Fl-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tiddaħħal l-annotazzjoni 62 li ġejja:
|
|