19.9.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 252/4 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 836/2012
tat-18 ta’ Settembru 2012
li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward taċ-ċomb
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Il-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, jekk Stat Membru jqis li l-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza waħedha, f’taħlita jew f’oġġett, jistgħu jkunu ta’ periklu mhux ikkontrollat għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent u jeħtieġ li dan jiġi indirizzat, l-Istat Membru għandu jħejji dossier wara li jinforma lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”) bl-intenzjoni tiegħu. |
(2) |
Fil-15 ta’ April 2010 Franza ppreżentat dossier lill-Aġenzija skont l-Artikolu 69(4) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, sabiex jinbeda proċess ta’ restrizzjoni skont l-Artikoli minn 69 sa 73 ta’ dak ir-Regolament. F’dak id-dossier, intwera li minħabba li t-tfal idaħħlu l-affarijiet f’ħalqhom, speċjalment dawk taħt is-36 xahar, jistgħu jiġu esposti repetittivament għaċ-ċomb rilaxxat mill-oġġetti ta’ ġojjellerija. Esponiment repetittiv bħal dan jista’ jirriżulta f’effetti severi u irreversibbli newrofunzjonali u fl-iżvilupp newroloġiku, li t-tfal huma partikolarment sensittivi għalihom peress li s-sistema nervuża ċentrali tagħhom tkun għadha qed tiżviluppa. Id-dossier juri li hija meħtieġa azzjoni fuq livell tal-Unjoni, lil hinn minn kwalunkwe miżura diġà fis-seħħ, sabiex jiġi evitat kemm jista’ jkun l-esponiment għaċ-ċomb u l-komposti tiegħu f’oġġetti ta’ ġojjellerija. Għaldaqstant, id-dossier jipproponi l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq u l-użu taċ-ċomb u l-komposti tiegħu f’oġġetti ta’ ġojjellerija jekk ir-rata tal-migrazzjoni taċ-ċomb tkun akbar minn 0,09 μg/cm2/h. |
(3) |
Fl-opinjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2011, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (minn hawn ’il quddiem “RAC”) iqis li l-aktar miżura adattata fuq livell tal-Unjoni biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f’termini ta’ effettività fit-tnaqqis tar-riskji hija l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq u l-użu taċ-ċomb u l-komposti tiegħu fil-partijiet metalliċi u mhux metalliċi f’oġġetti ta’ ġojjellerija, jekk il-konċentrazzjoni taċ-ċomb tkun 0,05 % jew aktar bil-piż tal-parti, sakemm ma jintweriex li r-rata tar-rilaxx taċ-ċomb ma taqbiżx iż-0,05 μg/cm2/h (0,05 μg/g/h). |
(4) |
Fl-opinjoni tiegħu tal-15 ta’ Settembru 2011, il-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika (minn hawn ’il quddiem “SEAC”) jikkunsidra l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq u l-użu taċ-ċomb u l-komponenti tiegħu f’oġġetti ta’ ġojjellerija, jekk il-konċentrazzjoni taċ-ċomb tkun 0,05 % jew aktar bil-piż ta’ kwalunkwe parti individwali tagħhom. Din il-miżura kienet ikkunsidrata bħala l-aktar xierqa fuq livell tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f’termini tal-proporzjonalità tal-benefiċċji soċjoekonomiċi tagħha mal-ispejjeż soċjoekonomiċi. Fid-dawl tan-nuqqas attwali ta’ metodu ta’ ttestjar tal-migrazzjoni li jimita l-kundizzjonijiet meta tfal jitfgħu oġġetti f’ħalqhom, l-SEAC qies li r-restrizzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kontenut taċ-ċomb fi kwalunkwe parti individwali ta’ oġġetti ta’ ġojjellerija, u mhux fuq ir-rata tal-migrazzjoni taċ-ċomb rilaxxat minn dawn l-oġġetti. Barra minn hekk, l-SEAC irrakkomanda li għandhom jingħataw eżenzjonijiet għall-ħġieġ tal-kristall, enamel li għandu mill-ħġieġ, komponenti interni tal-arloġġi tal-idejn kif ukoll ħaġar prezzjuż u semiprezzjuż mhux sintetiku jew rikostitwit. |
(5) |
Fit-23 ta’ Settembru 2011 l-Aġenzija ppreżentat l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC lill-Kummissjoni. |
(6) |
Minħabba n-nuqqas ta’ tagħrif dwar ir-rilaxx taċ-ċomb f’kundizzjonijiet meta t-tfal jitfgħu oġġetti f’ħalqhom u minħabba n-nuqqas ta’ alternattivi xierqa għall-użi kollha ta’ ħġieġ tal-kristall u enamel li għandu mill-ħġieġ, dan tal-aħħar għandu jkun eżentat mill-miżura attwali. Barra minn hekk l-SEAC irrakkomanda l-eżenzjoni tal-kategoriji 1 u 2 biss tal-ħġieġ tal-kristall (“Kristall taċ-Ċomb Sħiħ” u “Kristall taċ-Ċomb” rispettivament) kif definit fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 69/493/KEE tal-15 ta’ Diċembru 1969 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrelataw mal-ħġieġ tal-kristall (2). Madankollu l-kategoriji 3 u 4 tal-ħġieġ tal-kristall (“ħġieġ tal-kristall, kristallin”) kif iddefiniti f’dik id-Direttiva għandhom jiġu eżentati mir-restrizzjoni wkoll, sabiex tkun żgurata l-konsistenza mal-eżenzjoni stabbilita fl-Anness tad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi ta’ riskju fit-tagħmir elettriku u elettroniku (3), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/571/UE (4), u minħabba li għandhom kontenut inqas ta’ ċomb meta kkumparati mal-kategoriji 1 u 2. |
(7) |
Għall-istess raġunijiet applikabbli fuq ħġieġ tal-kristall u enamel li għandu mill-ħġieġ, ħaġar prezzjuż u semiprezzjuż mhux sintetiku jew rikostitwit li fih iċ-ċomb bħala kostitwent naturali għandu jkun eżentat. |
(8) |
Komponenti interni tal-arloġġi tal-idejn li mhumiex aċċessibbli għall-konsumaturi għandhom jiġi eżentati mir-restrizzjoni, billi l-esponiment għaċ-ċomb minn dawk il-komponenti jista’ jiġi eskluż. |
(9) |
Restrizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta’ ġojjellerija second-hand jew antika jkollha impatt soċjoekonomiku sinifikanti, peress li dawn l-oġġetti jitilfu l-valur fis-suq tal-Unjoni, u l-infurzar ta’ din ir-restizzjoni jkun diffiċli. Għalhekk, oġġetti ta’ ġojjellerija mqiegħda fis-suq għall-ewwel darba sa 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-restrizzjoni kif ukoll oġġetti ta’ ġojjellerija antiki għandhom ikunu eżentati mir-restrizzjoni. |
(10) |
Il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni tal-eżenzjoni tal-kristall, enamel li għandu mill-ħġieġ u ħaġar prezzjuż u semiprezzjuż fid-dawl ta’ tagħrif xjentifiku ġdid disponibbli, inkluż il-migrazzjoni taċ-ċomb minn dawk l-użi eżentati, id-disponibbiltà ta’ alternattivi addattati kif ukoll l-iżvilupp ta’ metodi ta’ ttestjar tal-migrazzjoni. |
(11) |
Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XVII għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Settembru 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 326, 29.12.1969, p. 36.
(3) ĠU L 37, 13.2.2003, p. 19.
(4) ĠU L 251, 25.9.2010, p. 28.
ANNESS
Fl-Anness XVII mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, għandha tiddaħħal l-annotazzjoni 63 kif ġej:
|
|