13.9.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 247/12 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 813/2012
tat-12 ta’ Settembru 2012
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 718/2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (1) (“ir-Regolament dwar l-IPA”) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu;
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat-12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) (2) jipprovdi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-IPA. |
(2) |
Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1292/2011 (3), ir-Regolament (KE) Nru 718/2007 ġie emendat, inter alia, sabiex ikun hemm żieda fil-prefinanzjament imħallas mill-Kummissjoni lill-pajjiżi li qed jibbenefikaw mill-komponenti tal-iżvilupp tar-riżorsi umani u tal-iżvilupp rurali. |
(3) |
Għalkemm kienet l-intenzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1292/2011 li jkunu allinjati r-regoli speċifiċi ta’ prefinanzjament għall-iżvilupp reġjonali, għall-komponenti tal-iżvilupp tar-riżorsi umani u tal-iżvilupp rurali, seħħ żball testwali waqt li kien qed jiġi emendat l-Artikolu 160(3) tar-Regolament (KE) Nru 718/2007. Dan l-iżball għandu jiġi kkorreġut. |
(4) |
Barra l-korrezzjoni tal-iżball testwali, ir-regoli speċifiċi ta’ prefinanzjament għall-iżvilupp reġjonali, għall-komponenti tal-iżvilupp tar-riżorsi umani u tal-iżvilupp rurali, għandhom ikunu aktar allinjati bill titneħħa r-referenza għall-Artikolu 42(1) fl-Artikolu 160(3) tar-Regolament (KE) Nru 718/2007, li hija żejda. |
(5) |
Id-dispożizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-IPA, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 160 tar-Regolament (KE) Nru 718/2007, il-paragrafu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:
“3. Flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42, il-pagamenti ta’ prefinanzjament jistgħu jammontaw għal 30 % tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għat-tliet snin l-aktar reċenti tal-programm ikkonċernat. Fejn meħtieġ, fir-rigward tad-disponibilità tal-impenn baġitarju, il-prefinanzjament jista’ jitħallas f’żewġ pagamenti.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Settembru 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.
(2) ĠU L 170, 29.6.2007, p. 1.
(3) ĠU L 329, 13.12.2011, p. 1.