|
6.9.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 240/3 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 799/2012
tal-5 ta’ Settembru 2012
li jistabbilixxi l-forma u l-kontenut tal-informazzjoni dwar il-kontabilità li għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni għall-fini tal-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR kif ukoll għall-finijiet ta’ monitoraġġ u tbassir
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħra u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (2) jipprovdi li għandhom jiġu stabbiliti l-forma u l-kontenut tat-tagħrif dwar il-kontabilità msemmi fl-Artikolu 7(1)(c) ta’ dak ir-Regolament u l-mod kif għandu jitressaq lill-Kummissjoni. |
|
(2) |
Il-forma u l-kontenut tal-informazzjoni dwar il-kontabilità li trid tiġi sottomessa lill-Kummissjoni għall-fini li jiġu approvati l-kontijiet tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) kif ukoll għall-finijiet ta’ monitoraġġ u tbassir, attwalment huma stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 909/2011 (3). |
|
(3) |
L-Annessi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 909/2011 ma jistgħux jintużaw għall-finijiet maħsuba tagħhom fis-sena finanzjarja 2013. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 909/2011 għandu għalhekk jitħassar u jiġi sostitwit b’regolament ġdid li jistabbilixxi l-forma u l-kontenut tat-tagħrif dwar il-kontabilità għal dik is-sena finanzjarja. |
|
(4) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-forma u l-kontenut tat-tagħrif dwar il-kontabilità msemmi fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 885/2006 u l-mod kif għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni għandhom ikunu kif stipulat fl-Annessi I (it-Tabella X), II (l-Ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trasferiment tal-fajls tal-kompjuter lill-FAEG u lill-FAEŻR), III (l-Aide-mémoire) u IV (l-Istruttura tal-kodiċijiet tal-baġit tal-FAEŻR [F109]) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 909/2011 huwa mħassar b’seħħ mis-16 ta’ Ottubru 2012.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jibda japplika mis-16 ta’ Ottubru 2012.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Settembru 2012.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.