24.8.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 229/6 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 766/2012
tal-24 ta’ Lulju 2012
li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mdaħħla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Patata di Bologna (DPO)]
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari t-tieni sentenza tal-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni eżaminat it-talba mressqa mill-Italja għall-approvazzjoni tal-emendi fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Patata di Bologna”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 228/2010 (2). |
(2) |
L-applikazzjoni tikkonċerna l-emendi għad-deskrizzjoni tal-prodott tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Patata di Bologna” u tinvolvi tibdiliet għad-dokument uniku. |
(3) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġġustifikata. Billi din hija emenda minuri skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, il-Kummissjoni tista' tapprovaha mingħajr rikors għall-proċedura stipulata fl-Artikoli 6 u 7 ta’ dak ir-Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Patata di Bologna” hija b'dan emendata skont l-Anness I għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Il-verżjoni kkonsolidata tad-dokument uniku li fih il-punti prinċipali tal-ispeċifikazzjoni hija stipulata fl-Anness II għal dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2012.
Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,
Dacian CIOLOȘ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.
ANNESS I
L-emendi li ġejjin għall-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini tal-"Patata di Bologna" ġew approvati:
It-tibdiliet għall-elementi individwali huma kif ġej:
|
Ilma: il-metodu tal-analiżi li għandu jintuża mil-laboratorju huwa speċifikat. |
|
Proteini: jinbidel l-ammont tal-kontenut ta’ proteina għal 0,9 - 2,6 %, u jiġi speċifikat il-metodu li għandu jintuża mil-laboratorju. |
|
Xaħam: firxa ta' 0,09 - 1,12 % tal-patata li tittiekel; jinbidel biss il-valur massimu. |
Il-limitu ta’ identifikazzjoni attwali tal-metodu ta’ analiżi magħżul huwa 0,1 % u għaldaqstant ma jistgħux jiġu determinati konċentrazzjonijiet inqas minn dan il-limitu. Peress li l-minimu reali li jista’ jintlaħaq mhux magħruf, jitqies xieraq li jkun indikat biss il-valur massimu.
Ikun speċifikat il-metodu tal-analiżi li għandu jintuża mil-laboratorju.
|
Karboidrati: il-firxa tal-kontenut tal-karboidrati hija estiża minn 13,5 -17,0 % għal 8,0 - 19,0 %. Barra minn hekk, fir-rigward tal-analiżi jiġi speċifikat ukoll li d-dejta analitika tinkiseb billi l-valuri tal-ilma, tal-irmied, tax-xaħam, tal-proteina u tal-fibra tad-dieta (li min-naħa tagħhom jinkisbu permezz tal-metodi ta’ analiżi speċifikati) jitnaqqsu minn 100. Għaldaqstant, it-tibdiliet proposti għall-valuri minimi u massimi ta’ ċertu parametri jinvolvu wkoll varjazzjoni fil-firxa tal-valur relattiv għall-karboidrati. |
|
Fibra tad-dieta: Il-firxa li tiddefinixxi l-kontenut tal-fibri hija estiża minn 2,2 - 2,7 % għal 0,9 - 4,0 %. Ikun speċifikat il-metodu tal-analiżi li għandu jintuża mil-laboratorju. |
|
Minerali: Jitqies xieraq li ma jibqax jiġi indikat kull minerali fil-parentesi, u li t-terminu "minerali" jiġi sostitwit bit-terminu "irmied grezz", bi speċifikazzjoni tal-metodu tal-analiżi li għandu jintuża u b'definizzjoni mill-ġdid tal-valuri. |
Il-firxa usa' għall-irmied grezz, li għandha tintuża bħala parametru għall-kontenut tal-minerali, tirriżulta mill-bżonn li jkunu kkunsidrati diversi fatturi li jistgħu jinfluwenzaw il-kontenut. Peress li huwa diffiċli li jkunu determinati bi preċiżjoni l-varjazzjonijiet differenti li jistgħu jinfluwenzaw il-kontenut tal-irmied grezz, tidher kemm xierqa kif ukoll neċessarja l-estensjoni tal-firxa tal-kontenut, kif ukoll proċedura mhux biss sabiex jittieħed il-kampjun iżda wkoll biex jiġi ppreparat il-kampjun qabel ma ssir l-analiżi.
Mill-minerali individwali elenkati fil-verżjoni preċedenti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għad-DPO "Patata di Bologna", jitqies xieraq li jiġu indikati biss il-minerali li jkunu preżenti fi kwantitajiet sostanzjali u li jikkaratterizzaw il-valur nutrittiv tal-patata, jiġifieri il-potassju (K), espress bħala K f'mg/100 g tal-patata li tittiekel. Il-valur minimu huwa 250 mg/100 g, iddeterminat permezz tal-analiżi "EPA 3015A/EPA 6010B".
|
Vitamini: It-terminu "vitamini" huwa ġeneriku wisq. Għaldaqstant, qed jiġi propost li dan il-parametru ma jintużax iktar, peress li d-determinazzjoni analitika tal-vitamini kollha preżenti fil-prodott ikollha impatt sinifikanti fuq l-ispiża tal-analiżi, mingħajr ma tipproduċi dejta rilevanti f’termini nutrittivi jew karatterizzazzjoni. Anke l-analiżi tal-vitamina preżenti bl-ogħla konċentrazzjoni fit-tuberu, il-vitamina C (l-aċidu L-askorbiku), ma tipproduċix dejta li tikkaratterizza lill-prodott, għaliex il-kontenut ivarja fil-funzjoni skont diversi parametri mhux relatati ma’ xulxin (perjodu ta’ żmien tal-ħażna, metodu ta’ analiżi, kundizzjonijiet staġjonali, degradazzjoni mgħaġġla matul l-individwazzjoni analitika). |
|
Sustanza xotta: Il-valur indikat fil-parenteżi jitneħħa peress li din l-informazzjoni ma għadhiex bżonnjuża u tikkontradixxi l-parametru msemmi iktar 'il fuq għall-kontenut tal-ilma fil-kompożizzjoni medja għal kull 100 g ta’ patata li tittiekel. |
ANNESS II
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILl (KE) Nru 510/2006
"PATATA DI BOLOGNA"
Nru tal-KE: IT-PDO-0105-0934-02.01.2012
IĠP ( ) DPO ( X )
1. Isem
"Patata di Bologna"
2. Stat membru jew pajjiż terz
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.6 – |
Frott, ħaxix, ċereali, kemm ipproċessati kif ukoll le |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Il-prodott għandu jkun tal-varjetà Primura u għandu jintgħaraf mid-dehra fiżika, mill-kompożizzjoni kimika u mill-karatteristiċi organolettiċi tiegħu, skont l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin: il-forma tat-tuberi: ovali, tawwalin, regolari, b’rimjiet (tikek) fuq il-qoxra li ma jidhrux ħafna; qoxra lixxa u sħiħa mingħajr difetti esterni li jibdlu l-karatteristiċi tiegħu; id-daqs tat-tuberi: omoġenju, bejn 40 mm u 75 mm;
tessut b’saħħtu b’kulur li jvarja minn abjad sa isfar lewn it-tiben;
il-prodott iżomm fi stat tajjeb għal żmien twil.
Il-kompożizzjoni medja għal kull 100 g tal-patata li tittiekel hija magħmula minn dawn l-elementi:
— |
Ilma bejn 70.0 u 85.0 %; il-metodu tal-laboratorju kif stipulat mid-Digriet Ministerjali tas-27 ta’ Mejju 1985 (Gazzetta Uffiċjali tal-Italja Nru 145, 2.6.1985) |
— |
Proteina bejn 0.9 % u 2.6 %; il-metodu tal-laboratorju speċifikat bħala ISO 937 – 1978 (E) u AOAC Metodu uffiċjali Nru 932.08 |
— |
Kontenut massimu ta’ xaħam ta’ 1.12 %; il-metodu tal-laboratorju speċifikat bħala ISTISAN 1996/34 p 41 sa 43. |
— |
Karboidrati bejn 8.00 u 19.0%. id-dejta analitika miksuba mit-tnaqqis minn 100 tal-valuri tal-ilma, l-irmied, ix-xaħam, il-proteina u l-fibra tad-dieta. |
— |
Fibra tad-dieta bejn 0.9 % u 4.0 %; il-metodu tal-laboratorju speċifikat bħala AOAC 985.29, is-17-il edizzjoni tal-2003; |
— |
Irmied grezz: bejn 0.4 % u 1.45 %. il-metodu analitiku speċifikat bħala ISTISAN 1996/34 p. 77-78 u ISO 936:1998 (E); |
— |
Potassju (K) preżenti b’valur minimu ta’ mill-inqas 250 mg/100g ta’ prodott; il-metodu analitiku speċifikat bħala EPA 3015A u EPA 6010B |
Il-varjetà Primura hija s-simbolu tal-"Patata di Bologna" permezz tad-dehra attraenti fuq il-platt, il-medja ta’ kontenut ta' materja xotta, is-sodezza, it-togħma tipika iżda mhux qawwija żżejjed tagħha, u l-kwalitajiet li l-prodott iżomm fi stat tajjeb għal żmien twil. Dawn il-karatteristiċi huma r-riżultat ta' kultivazzjoni f'ħamrija adatta li ma nbidlitx matul is-snin u li bis-saħħa tagħha l-patata għadha tissodisfa r-rekwiżiti tas-suq.
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)
—
3.5. Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandha ssir fiż-żona ġeografika definita
L-istadji kollha, miż-żrigħ sal-ħsad aħħari tat-tuberi, għandhom isiru fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.
Il-preparazzjoni u l-ippakkjar għandhom isiru fil-Provinċja ta’ Bologna. L-ippakkjar kif suppost huwa essenzjali għall-preservazzjoni tal-kwalitajiet organolettiċi u kummerċjali eċċellenti tal-‘Patata di Bologna’ DPO. L-operaturi lokali kisbu minjiera ta’ għarfien dwar it-trattament korrett u t-trasport tal-prodott u l-ġestjoni tiegħu immedjatament wara l-ħsad u l-ħżin f’ambjent imkessaħ biex ma jitlifx wisq mill-kontenut tal-ilma tiegħu. Dan l-għarfien u l-prattiki relatati li jintużaw fuq il-post jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-karatteristiċi kwalitattivi tad-DPO "Patata di Bologna", filwaqt li jirrispetta l-proċessi fiżjoloġiċi naturali tiegħu.
3.7. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Meta tiġi kkummerċjalizzata għall-konsum, il-"Patata di Bologna" għandha tiġi ppakkjata fi:
— |
xkejjer li jesgħu 4 kg, 5 kg, 10 kg u 25 kg, b’faxxa stampata fin-nofs b’daqs ta’ mill-anqas 10 ċm f’wisa’. |
— |
xbieki li jesgħu 0.5 kg, 1 kg, 1.5 kg, 2 kg u 2.5 kg; |
— |
vertbags, quickbags, girsacs u boroż li jesgħu 0.5 kg, 1 kg, 1.5 kg, 2 kg, 2.5 kg, 5 kg; |
— |
trejs li jesgħu 0.5 kg, 0.75 kg, 1 kg; |
— |
kaxxi tal-kartun u ċestuni li jesgħu 10 kg, 12.5 kg, 15 kg, 20 kg u 25 kg. |
Fuq l-imballaġġ għandu jkun jidher il-kliem: "Patata di Bologna", segwiti minn "DPO" u l-logo li jinkludi l-istampa stilizzata ta’ żewġ faxex dijagonali ħomor u blu li jaqsmu patata. L-ispeċifikazzjonijiet għall-kuluri huma kif ġej:
— |
l-isfar tal-patata stilizzata huwa Isfar Pantone 116 C, quadrichrome 0/20/100/0; |
— |
l-aħmar tal-ewwel faxxa diagonali huwa Aħmar Vivaċi Pantone, quadrichrome C, quadrichrome 0/100/100/0; |
— |
il-blu tat-tieni faxxa djagonali huwa Blu Pantone 286 C, quadrichrome 0/100/70/0. |
Kwalunkwe test għandu jkun b’karattru tipografiku Avenir normali u skur.
Il-marka fuq l-imballaġġ ma għandux ikollha bażi ta’ daqs iżgħar minn 20 mm tul il-bażi tiegħu, u l-kliem "Patata di Bologna D.O.P." għandu jkun f’ittri ikbar minn dawk ta’ kwalunkwe kliem ieħor fuq it-tikketta.
4. Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika
Il-Provinċja ta’ Bologna.
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
Mill-aħħar jiem ta’ Frar/bidu ta’ Marzu, il-pjanura tal-provinċja ta’ Bologna tgawdi minn temperaturi moderati tar-rebbiegħa, li huma ideali biex jiżguraw li ż-żerriegħa tal-patata miżrugħa matul dan il-perjodu tinbet kif suppost. Matul l-istadju li fih il-patata tikber bl-aktar mod mgħaġġel (bejn April u Ġunju), it-temperatura tilħaq bejn 25°C u 28°C, li tiffavorixxi t-tkabbir u l-iżvilupp tat-tuberi u l-maturazzjoni soda. Ix-xita, mifruxa matul is-sena, tiffavorixxi l-kultivazzjoni matul il-perjodu ta’ tkabbir inizjali tal-pjanta meta jibdew jifformaw l-ewwel it-tuberi. Din tiggarantixxi wkoll il-formazzjoni mill-ġdid tal-akwiferi ta’ taħt l-art u tippermetti li l-ħamrija tkun tista’ tinħarat qabel ma tinżera’ l-patata.
Barra minn hekk, bis-saħħa tax-xmajjar u n-nixxigħat naturali (Idice, Reno, Gaiana, Fossatone, Quaderna, Rido, Sillaro, Samoggia u Savena), kif ukoll bis-saħħa tal-kanali mibnija għal skopijiet ta’ irrigazzjoni (il-kanal ta’ Emiliano-Romagnolo), ir-reġjun igawdi minn provvista tajba tal-ilma għall-kultivazzjoni fil-perjodu tar-rebbiegħa u s-sajf, meta l-ilma jkun meħtieġ l-aktar.
Il-karatteristiċi morfoloġiċi tal-art, prevalentament tat-tip alluvjali u stratifikata u għaldaqstant b’kontenut għoli ta’ ossiġenu, joħolqu kundizzjonijiet favorevoli ħafna għall-iżvilupp tal-patata.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Il-"Patata di Bologna" tinkiseb esklussivament mill-varjetà Primura. Din il-varjetà hija adattata ħafna għall-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija taż-żona tal-produzzjoni, u b’hekk din saret is-simbolu tal-"Patata di Bologna". Fir-rigward tal-kwalitajiet organolettiċi, il-"Patata di Bologna" tradizzjonalment għandha polpa li partikolarment tista’ tkun ippreżervata u mhijiex qisha dqiq li tirrendiha xierqa għal diversi preparazzjonijiet ta’ ikel bħat-toqlija, it-tisjir fuq il-fwar u l-ħami fil-forn. It-togħma tipika iżda mhux qawwija ħafna kif ukoll il-preżervazzjoni tajba tagħha, miksuba bis-saħħa tal-kultivazzjoni f’ħamrija adattata u bl-użu ta’ tekniki agronomiċi bi tradizzjoni twila, huma r-riżultati li bihom stabbilixxiet ruħha bħala punt ta’ referenza fis-suq.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)
Il-karatteristiċi tad-DPO "Patata di Bologna", bħar-riħa, it-togħma, u l-intensità tal-kulur tal-patata nfisha u tal-qoxra tagħha, mhumiex biss riżultat tal-ġenetika, iżda wkoll tal-ambjent li fih tiġi kkultivata (il-ħamrija, il-klima, it-teknika ta’ kultivazzjoni, il-kundizzjonijiet tal-ħżin), li minnu toħroġ ir-rabta ċara bejn il-"Patata di Bologna" u l-provinċja ta’ Bologna. Il-kultivazzjoni tal-patata ilha żmien twil marbuta mal-Provinċja ta’ Bologna minħabba l-karatteristiċi adatti tal-ħamrija tagħha, il-kwalità eċċellenti u l-karatteristiċi organolettiċi partikolari ta’ ċerti varjetajiet u minħabba t-teknika ta’ kultivazzjoni tradizzjonali li tintuża mill-produtturi. It-tradizzjoni tal-kultivazzjoni tal-patata fil-Provinċja ta’ Bologna nibtet mill-ħtieġa li l-popolazzjoni tagħha jkollha x’tiekol, speċjalment fil-perjodi meta l-ħsad tal-qamħ ikun baxx, peress li l-qamħ minn dejjem kien meqjus bħala bażi għall-ikel tal-bniedem u mill-konvinzjoni li l-kultivazzjoni tal-patata tkun ta’ benefiċċju għall-istess Provinċja għax b’hekk ma jkollhiex għalfejn tixtri l-ikel minn postijiet oħrajn. B’mod gradwali, ir-rabta kompliet tissaħħaħ permezz tal-ħidma sfiqa tal-prodotturi, li bil-mod il-mod żviluppaw teknika ta’ kultivazzjoni kważi perfetta, b'għodod dejjem aktar effiċjenti adattati għall-prodott, u kkonservawh bl-użu ta’ tekniki avvanzati u strutturi kummerċjali li eventwalment swew biex il-prodott kiseb valur akbar fl-aspetti kummerċjali u kwalitattivi tiegħu, b’mod partikolari bis-saħħa tal-livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni f’dik iż-żona.
Minħabba dan l-ambjent speċjali, li huwa riżultat tal-interazzjoni bejn il-ħamrija (il-pedoloġija u l-idrografija) u l-klima (bix-xita li tinżel fil-perjodu tal-ħarifa u x-xitwa, b’temperaturi moderati fir-rebbiegħa sa mill-aħħar ta’ Frar u b’temperaturi mill-aqwa, jiġifieri madwar 25 °C, matul il-formazzjoni tat-tuberi), il-patata li titkabbar tikseb karatteristiċi fiżiċi (it-tessut, id-daqs tal-patata), kif ukoll il-karatteristiċi organolettiċi (riħa u togħma partikolari) li jagħtuha kwalità partikolari.
Kif deskritt fil-kitba ta’ Contri (1817), il-ħamrija tal-Provinċja ta’ Bologna hija tajba għall-kultivazzjoni tal-patata peress li din tippreferi "ħamrija baxxa, niexfa mill-ilmijiet u mgħollija b’depożiti alluvjali”, li huma l-karatteristiċi tal-artijiet irreklamati tal-Provinċja. Il-bidliet fl-art matul iż-żmien ipproduċew żoni baxxi b’depożiti alluvjali minn xmajjar u nixxigħat li joriġinaw fl-Appennini u li llum għadhom għaddejjin. Din il-ħamrija għandha tessut fin, fond tajjeb u hija skulata sew mill-ilma. Il-ħamrija hija alkalina, fiha materjal organiku u hija sinjura fl-elementi nutrizzjonali essenzjali għal patata, bħall-potassju li huwa preżenti fi kwantitajiet kbar, il-fosfru u n-nitroġenu. Dawn il-kundizzjonijiet huma favorevoli għall-kultivazzjoni tal-patata, li tgawdi minnhom l-aktar minħabba li l-għeruq tagħha jifformaw f’għanqud mingħajr truf orizzontali u b’estensjonijiet radikali ħoxnin.
Referenzi storiċi u kulturali
Fl-ewwel snin tas-seklu dsatax, fil-Provinċja ta’ Bologna nxterdet il-kultivazzjoni tal-patata, partikolarment bis-saħħa ta’ Pietro Maria Bignami, espert fl-agronomija li introduċa lill-bdiewa għal din il-kultivazzjoni. Fl-istess żmien li kienet tintuża bħala għalf għall-annimali, il-patata bdiet issib postha wkoll fuq l-imwejjed tal-familji.
Minn tmiem is-seklu tmintax u tul is-seklu dsatax kollu, diversi studjużi ddeskrivew il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ din il-kultivazzjoni, iżda kien bis-saħħa tal-kitba ta’ Contri, li fl-1817 bagħat ċirkolari lil-Legat tal-Papa, il-Kardinal Opizzoni, u li kien fiha deskrizzjoni prattika tal-kultivazzjoni minn Benni, li ż-żona ddedikata għall-kultivazzjoni tal-patata rat tkabbir notevoli.
Ta’ min isemmi wkoll il-kitbiet ta’ Berti-Pichat u ta’ Bignardi, ippubblikati fl-aħħar nofs tas-seklu dsatax, li jirreferu għat-tkabbir tal-patata tal-Provinċja ta’ Bologna. Fl-1900, il-kultivazzjoni tal-patata laħqet il-massimu potenzjali tagħha u mal-Provinċja kollha, mill-pjanura saż-żoni tal-għoljiet u l-muntanji saret sors importanti ta’ dħul għall-ekonomija rurali lokali. Fergħa sħiħa tal-ekonomija żviluppat madwar il-patata, u ġew żviluppati strutturi moderni ta’ ħżin u ta’ kummerċjalizzazzjoni adatti għat-trattament effiċjenti tal-prodott.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
Il-Ministeru nieda l-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal emenda tad-DPO "Patata di Bologna" fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 263 tal-11 ta’ Novembru 2011.
It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-internet li ġej:
http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335
jew
billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u mbagħad jikklikkja fuq il-kliem "Qualità e sicurezza" (fuq in-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u fl-aħħar jikklikkja fuq il-kliem “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE".