15.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 735/2012

tal-14 ta’ Awwissu 2012

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva karbonat idroġenat tal-potassju

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sustanza attiva karbonat idroġenat tal-potassju ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (3) skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 24b tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2229/2004 tat-3 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi aktar regoli fid-dettall għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (4). Mis-sostituzzjoni tad-Direttiva 91/414/KEE bir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, din is-sustanza titqies bħala approvata skont dak ir-Regolament u hija elenkata fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (5).

(2)

Skont l-Artikolu 25a tar-Regolament (KE) Nru 2229/2004, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Awtorità”, ippreżentat lill-Kummissjoni l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni għall-karbonat idroġenat tal-potassju (6) fis-16 ta’ Diċembru 2011. L-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni u l-opinjoni tal-Awtorità ġew riveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġew iffinalizzati fit-13 ta’ Lulju 2012 f’forma ta’ rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-karbonat idroġenat tal-potassju.

(3)

L-Awtorità kkomunikat l-opinjoni tagħha dwar il-karbonat idroġenat tal-potassju lin-notifikant, u l-Kummissjoni stednitha tippreżenta l-kummenti dwar ir-rapport ta’ reviżjoni.

(4)

Huwa kkonfermat li s-sustanza attiva karbonat idroġenat tal-potassju għandha tiġi kkunsidrata bħala approvata skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(5)

Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu u kif ukoll fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, huwa meħtieġ li jiġu emendati l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-karbonat idroġenat tal-potassju. Meta wieħed iqis li l-użu tal-karbonat idroġenat tal-potassju bħala insettiċida ġie vvalutat mill-Belġju u ma weriex riskji addizzjonali, huwa xieraq li jiġi permess dan l-użu flimkien mal-użu bħala fungiċida.

(6)

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(7)

Għandu jitħalla perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex l-Istati Membri, in-notifikant u d-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-karbonat idroġenat tal-potassju, ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-emenda tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jibda japplika mill-1 ta’ Frar 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(3)  ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89.

(4)  ĠU L 379, 24.12.2004, p. 13.

(5)  ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.

(6)  Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance potassium hydrogen carbonate, EFSA Journal 2012;10(1):2524. Tinsab onlajn: www.efsa.europa.eu/efsajournal.htm


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, ir-ringiela 244 dwar is-sustanza attiva karbonat idroġenat tal-potassju tiġi sostitwita b’dan li ġej:

Numru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“244

Karbonat idroġenat tal-potassju

Nru CAS 298-14-6

Nru CIPAC 853

Karbonat idroġenat tal-potassju

≥ 99,5 %

Impuritajiet:

 

Massimu ta’ Pb 10 mg/kg

 

Massimu ta’ As 3 mg/kg

fl-1 ta’ Settembru 2009.

fil-31 ta’ Awwissu 2019

PARTI A

Jistgħu jiġu awtorizzati biss l-użi bħala fungiċida u insettiċida.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-karbonat idroġenat tal-potassju (SANCO/2625/2008), u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, fit-13 ta’ Lulju 2012.

F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari għar-riskju għan-naħal tal-għasel. Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu, fejn xieraq, miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta’ reviżjoni tagħhom.