7.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 210/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 714/2012

tat-30 ta’ Lulju 2012

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod speċjali l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bil-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikata fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifika ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu klassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tista’ tibqa’ tkun invokata għal perjodu ta’ tliet xhur taħt l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament huwa vinkolanti fl-intier tiegħu, u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifika

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

1.

Prodott li jikkonsisti minn membrana għat-tastieri flessibbli magħmula mis-silikon b’19-il buttuna inkorporata u b’dimensjonijiet ta’ madwar 65 × 40 × 1 mm.

Il-prodott għandu tasti stampati li jirrappreżentaw tastiera alfanumerika, buttuni għat-telefonati u buttuni oħra tipiċi tat-telefons ċellulari.

Taħt kull tast hemm element ta’ kuntatt elettriku, magħmul minn silikon mimli bil-karbonju.

Il-prodott għandu forma speċifika u disinn speċifiku u huwa maħsub biex jiġi inkorporat f’mudell partikolari ta’ telefon ċellulari..

8517 70 90

Il-Klassifika hija stabbilita bir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 2 (b) għat-Taqsima XVI u bil-kliem użat fil-kodiċijiet tan-NM 8517 , 8517 70  u 8517 70 90 .

Il-klassifika taħt l-intestatura 8536 bħala swiċċ hija eskluża billi l-prodott jikkonsisti biss minn parti waħda (naħa waħda tal-punti ta’ kuntatt) ta’ apparat tal-iswiċċjar (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-NM għall-intestatura 8536 , il-punt (8)).

Il-prodott huwa parti essenzjali għat-tħaddim ta’ telefon ċellulari u ma jistax jintuża independentement għal għanijiet oħra. Barra minn hekk, huwa adattat b’mod speċjali biex jintuża f’mudell partikolari ta’ telefon ċellulari. Ukoll, il-forma u l-metodu ta’ tħaddim tiegħu jipprekludu kull użu ieħor (ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-183/06). Għaldaqstant, il-klassifika taħt l-intestatura 8538 bħala part adattata għall-użu biss jew prinċipalment ma’ apparat tal-iswiċċjar hija eskluża wkoll.

Il-prodott għandu għalhekk jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 8517 70 90 bħala parti minn telefon ċellulari.

2.

Prodott (hekk imsejjaħ “assemblaġġ flex tal-keyboard”), li l-korp ewlieni tiegħu għandu dimensjonijiet ta’ madwar 56 × 42 × 1 mm u li jinkludi żewġ membrani li jikkonstitwixxu apparat tal-iswiċċjar:

membrana ta’ fuq tal-poliimmid li fiha 24 punti ta’ kuntatt tar-ram fuq in-naħa ta’ isfel,

membrana ta’ isfel tal-poliimmid li fiha ċirkwit stampat b’24 punt ta’ kuntatt tar-ram fuq in-naħa tal-wiċċ.

Fuq il-membrana tal-wiċċ hemm folja protettiva tal-plastik trasparenti stampata b’immaġni li tirrappreżenta tastiera tat-telefon ċellulari, u taħt il-membrana ta’ isfel folja protettiva tal-karta.

Il-komponenti li ġejjin huma konnessi mal-korp ewlieni tal-prodott:

żewġ kondutturi elettriċi ċatti bil-konnekters,

żewġ assemblaġġi ta’ ċirkwiti stampati li fihom komponenti attivi u passivi, senser tad-dawl kif ukoll swiċċ bl-“effett ta’ Sala” li jikkontrolla s-sistema tad-dawl tat-tastiera.

Il-prodott għandu forma speċifika u disinn speċifiku u huwa maħsub biex jiġi inkorporat f’mudell partikolari ta’ telefon ċellulari.

8517 70 90

Il-Klassifika hija stabbilita bir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, in-Nota 2(b) għat-Taqsima XVI u bil-kliem użat fil-kodiċijiet tan-NM 8517 , 8517 70  u 8517 70 90 .

Minbarra ż-żewġ membrani b’punti ta’ kuntatt korrispondenti li jiswiċċjaw iċ-ċirkwiti elettriċi, il-prodott jinkorpora assemblaġġi ta’ ċirkwiti stampati li jikkontrollaw is-sistema tad-dawl tat-tastiera. Il-klassifika bħala apparat tal-iswiċċjar għal ċirkwiti elettriċi taħt l-intestatura 8536 hija għalhekk eskluża.

Il-prodott huwa parti essenzjali għat-tħaddim ta’ telefon ċellulari u ma jistax jintuża independentement għal għanijiet oħra. Barra minn hekk, huwa adattat b’mod speċjali biex jintuża f’mudell partikolari ta’ telefon ċellulari. Ukoll, il-forma u l-metodu ta’ tħaddim tiegħu jipprekludu kull użu ieħor (ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-183/06).

Il-prodott għandu għalhekk jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 8517 70 90 bħala parti minn telefon ċellulari.